Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żgħażagħ, intom jistaʼ jkollkom ħajja sodisfaċenti

Żgħażagħ, intom jistaʼ jkollkom ħajja sodisfaċenti

“Int tgħarrafni t-​triq tal-​ħajja.”—SALM 16:11.

GĦANJIET: 133, 89

1, 2. L-​esperjenza taʼ Tony kif turina li hu possibbli li nagħmlu bidliet f’ħajjitna?

TONY, ġuvni taʼ 14-​il sena, trabba mingħajr missier. Hu kien għadu l-​iskola sekondarja, imma ma tantx kien iħobbha. Fil-​fatt, kien qed jaħsibha jekk ikomplix sal-​aħħar sena. Fi tmiem il-​ġimgħa, Tony kien imur jara l-​films jew iqattaʼ l-​ħin maʼ sħabu. Hu ma kienx vjolenti jew jabbuża mid-​droga, imma ma kellux skop f’ħajtu. Lanqas biss kien ċert jekk Alla jeżistix. Darba waħda, Tony iltaqaʼ maʼ tnejn mix-​Xhieda taʼ Ġeħova u qalilhom fuq id-​dubji tiegħu dwar Alla. Huma tawh żewġ browxers x’jaqraWas Life Created? u The Origin of Life—Five Questions Worth Asking.

2 Meta reġgħu żaru lil Tony, hu kellu attitudni differenti. Tant kien qrahom il-​browxers, li l-​paġni kienu bdew jitgħarrqu. Hu qal lix-​Xhieda: “Bilfors li hemm Alla.” Hu beda jistudja l-​Bibbja, u bil-​mod il-​mod il-​ħarsa tiegħu lejn il-​ħajja nbidlet. Qabel ma beda jistudja, Tony ma kienx tajjeb fl-​iskola, imma mbagħad sar wieħed mill-​aħjar studenti! Anki s-​surmast stagħġeb. Hu qallu: “Qed nara li sejjer tajjeb ħafna fl-​attitudni u fil-​marki tiegħek. Dan għax qed tagħmilha max-​Xhieda taʼ Ġeħova?” Tony qallu iva u mbagħad qasam dak li kien qed jitgħallem mas-​surmast. Hu kompla sal-​aħħar sena tas-​sekondarja u llum hu pijunier regolari u qaddej ministerjali. Tony kuntent ħafna li issa għandu Missier mimli mħabba, lil Ġeħova!—Salm 68:5.

OBDI LIL ĠEĦOVA U TIRNEXXI

3. X’parir jagħti Ġeħova liż-​żgħażagħ?

3 L-​esperjenza taʼ Tony tfakkarna li Ġeħova veru jimpurtah minnkom iż-​żgħażagħ. Hu jrid li jkollkom ħajja taʼ suċċess u sodisfazzjon veru, u għalhekk jagħtikom il-​parir biex tiftakru ‘fil-​Ħallieq Grandjuż tagħkom f’jiem żgħożitkom.’ (Ekkleżjasti 12:1) Fid-​dinja tal-​lum, dan mhux dejjem faċli. Però, mhux impossibbli. Bl-​għajnuna t’Alla, int tistaʼ tirnexxi kemm f’żgħożitek u kemm meta tikber. Biex jgħinna nifhmu dan aħjar, se niddiskutu x’għen lill-​Iżraelin biex jirbħu l-​Art Imwiegħda u x’saħħaħ lil David biex jirbaħ lill-​ġgant Gulija.

4, 5. Liema lezzjoni importanti nistgħu nitgħallmu minn kif l-​Iżraelin rebħu lill-​Kangħanin u minn kif David rebaħ lil Gulija? (Ara l-​ewwel stampi.)

4 Liema struzzjonijiet tahom Ġeħova lill-​Iżraelin meta kienu se jidħlu fl-​Art Imwiegħda? Hu ma qalilhomx biex isiru suldati aħjar jew biex jittrennjaw għall-​gwerra. (Dewteronomju 28:1, 2) Minflok, qalilhom biex jobduh u jafdaw fih. (Ġożwè 1:7-9) Forsi f’għajnejn in-​nies dan ma deherx li kien jagħmel sens, imma fil-​fatt kien l-​aħjar parir għall-​Iżraelin. Għal darba wara l-​oħra, Ġeħova għen lin-​nies tiegħu jirbħu lill-​Kangħanin. (Ġożwè 24:11-13) Biex tobdi lil Alla hemm bżonn il-​fidi, imma din il-​fidi dejjem twassal għas-​suċċess. Dan kien minnu fil-​passat, u għadu minnu sal-​lum.

5 Gulija kien gwerrier b’saħħtu ħafna. Kien twil kważi tliet metri u kien iġorr armi perikolużi. (1 Samwel 17:4-7) Min-​naħa l-​oħra, David kellu biss żbandola u fidi f’Alla. Għal dawk li ma kellhomx fidi, David setaʼ deher iblah f’għajnejhom. Imma kemm kienu żbaljati! Fir-​realtà, Gulija kien il-​wieħed iblah.—1 Samwel 17:48-51.

6. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

6 Fl-​artiklu taʼ qabel, iddiskutejna erbaʼ affarijiet li jistgħu jżidu mal-​ferħ u s-​suċċess f’ħajjitna. Tgħallimna li għandna bżonn nissodisfaw il-​bżonn spiritwali tagħna, nagħżlu ħbieb tajbin li jħobbu lil Alla, nagħmlu miri taʼ ġid, u napprezzaw il-​libertà li Alla jagħtina. F’dan l-​artiklu, se niddiskutu modi oħra kif nistgħu nibbenefikaw meta nagħmlu dawn l-​affarijiet tajbin. Biex nagħmlu dan, ejja nikkunsidraw xi prinċipji li nsibu f’​Salm 16.

ISSODISFA L-​BŻONN SPIRITWALI TIEGĦEK

7. (a) Int kif tiddeskrivi persuna li moħħha hu ffokat fuq affarijiet spiritwali? (b) X’kien “is-​sehem” taʼ David, u dan kif effettwah?

7 Persuna li moħħha hu ffokat fuq affarijiet spiritwali għandha fidi f’Alla u tipprova tara l-​affarijiet kif jarahom hu. Hi tħalli lil Ġeħova jiggwidaha f’ħajjitha u hi determinata li tobdih. (1 Korintin 2:12, 13) David huwa eżempju tajjeb taʼ dan. Hu kanta: “Ġeħova huwa s-​sehem tiegħi.” (Salm 16:5) David kien japprezza “s-​sehem” tiegħu, jiġifieri, ir-​relazzjoni mill-​qrib li kellu maʼ Alla, u sab il-​kenn fih. (Salm 16:1) Minħabba f’hekk, hu setaʼ jgħid: “Qalbi tifraħ.” Ma kien hemm xejn li ta lil David iktar ferħ mir-​relazzjoni mill-​qrib tiegħu maʼ Ġeħova!—Aqra Salm 16:9, 11.

8. X’inhuma xi affarijiet li jistgħu jagħtuk sodisfazzjon veru fil-​ħajja?

8 Nies li jiffokaw fuq il-​flus jew il-​pjaċiri qatt ma jistgħu jgawdu l-​ferħ li gawda David. (1 Timotju 6:9, 10) Ħu fil-​Kanada qal: “Is-​sodisfazzjon veru ma jiġix minn dak li nistgħu nieħdu mill-​ħajja, imma minn dak li nagħtu lid-​Donatur taʼ kull ħaġa tajba, Alla Ġeħova.” (Ġakbu 1:17) Jekk tiżviluppa fidi f’Ġeħova u taqdih, int se jkollok skop u sodisfazzjon veru f’ħajtek. Għalhekk, x’tistaʼ tagħmel biex issaħħaħ iktar il-​fidi tiegħek? Int għandek tqattaʼ ħin maʼ Ġeħova billi taqra l-​Kelma tiegħu, tosserva l-​affarijiet sbieħ li hu ħalaq, u taħseb fuq il-​kwalitajiet tiegħu, inkluż l-​imħabba li hu għandu għalik.—Rumani 1:20; 5:8.

9. Kif tistaʼ tħalli l-​Kelma t’Alla tinfluwenzak?

9 Kultant Alla juri kemm iħobbna billi jikkoreġina meta jkollna bżonn, bħalma jagħmel missier li jħobb. David apprezza meta ġie kkoreġut u qal: “Se nbierek lil Ġeħova, li tani l-​pariri. Iva, bil-​lejl il-​kliewi [jiġifieri, “il-​ħsibijiet profondi”] tiegħi kkoreġewni.” (Salm 16:7) David immedita fuq il-​ħsibijiet t’Alla u għamilhom parti mill-​ħsibijiet tiegħu. Hu ħalla l-​ħsibijiet t’Alla jinfluwenzaw lil moħħu, jiġifieri, ħalliehom ibiddluh biex isir persuna aħjar. Meta int tagħmel l-​istess, l-​imħabba tiegħek għal Alla u x-​xewqa tiegħek biex togħġbu se jikbru, u se ssir Kristjan matur. Oħt jisimha Christin tgħid li meta tagħmel riċerka u timmedita fuq dak li taqra, hi tħoss li Ġeħova kiteb dak il-​kliem għaliha!

10. Minn dak li jgħallimna Isaija 26:3, li tkun moħħok iffokat fuq affarijiet spiritwali kif jgħinek?

10 Meta moħħok ikun iffokat fuq affarijiet spiritwali, int se tara d-​dinja u l-​futur tagħha kif jarahom Alla. Ġeħova jagħtik dan l-​għarfien straordinarju u jgħinek tifhem. Għala? Hu jridek tkun taf x’inhu importanti fil-​ħajja, tieħu deċiżjonijiet tajbin, u tħares ’il quddiem għal futur mingħajr biżaʼ! Il-​profeta Isaija qal li Ġeħova jipproteġi lil dawk li jistrieħu kompletament fuqu u jagħtihom paċi kontinwa. (Aqra Isaija 26:3.) Ħu li jgħix l-​Istati Uniti jismu Joshua qal li jekk tibqaʼ qrib taʼ Ġeħova, se tara iktar ċar x’inhu importanti u x’mhuwiex daqshekk importanti.

AGĦŻEL ĦBIEB VERI

11. X’kien is-​sigriet taʼ David meta ġie biex jagħżel il-​ħbieb?

11 Aqra Salm 16:3. David kien jaf x’inhu s-​sigriet biex jagħżel ħbieb tajbin. Hu ‘tgħaxxaq’ bil-​kumpanija taʼ ħbieb li kienu jħobbu lil Ġeħova. Hu ddeskriva lil sħabu bħala “qaddisin” għax huma pprovaw isegwu l-​livelli morali nodfa taʼ Ġeħova. Salmista ieħor ħassu bl-​istess mod dwar l-​għażla tal-​ħbieb tiegħu u kiteb: “Jien sieħeb taʼ kulmin jibżaʼ minnek u taʼ min iżomm m’ordnijietek.” (Salm 119:63) Kif iddiskutejna fl-​artiklu taʼ qabel, anki int tistaʼ ssib ħafna ħbieb tajbin fost dawk li jħobbu u jobdu lil Ġeħova. U dan jinkludi ħbieb li mhumiex tal-​istess età tiegħek.

12. David u Ġonatan għala kienu ħbieb tajbin għal xulxin?

12 David m’għażilx biss ħbieb li kienu tal-​istess età tiegħu. Tistaʼ ssemmi wieħed mill-​ħbieb tal-​qalb taʼ David? Forsi f’moħħok jiġik Ġonatan. Il-​ħbiberija tagħhom hija waħda mill-​isbaħ li naqraw dwarha fil-​Bibbja. Imma kont taf li Ġonatan kien kważi 30 sena akbar minn David? Taf għala kienu daqshekk ħbieb tajbin għal xulxin? Għax il-​ħbiberija tagħhom kienet ibbażata fuq il-​fidi tagħhom f’Alla. Ukoll, huma kellhom rispett għal xulxin u apprezzaw il-​kwalitajiet tajbin taʼ xulxin, bħall-​kuraġġ li wrew meta ġġieldu kontra l-​għedewwa t’Alla.—1 Samwel 13:3; 14:13; 17:48-50; 18:1.

13. Int kif jistaʼ jkollok iktar ħbieb? Agħti eżempju.

13 Bħal David u Ġonatan, aħna nistgħu ‘nitgħaxxqu’ meta nkunu ħbieb maʼ wħud li jħobbu lil Ġeħova u għandhom fidi fih. Kiera, li ilha snin taqdi lil Ġeħova, tgħid: “Jien għamilt ħbieb minn madwar id-​dinja kollha, nies minn kulturi u backgrounds differenti.” Meta int tagħmel l-​istess, se tara għalik innifsek x’qawwa għandhom il-​Bibbja u l-​ispirtu qaddis f’li jgħaqqduna bħala familja waħda.

AGĦMEL MIRI TAʼ ĠID

14. (a) Kif tistaʼ tagħmel miri taʼ ġid fil-​ħajja? (b) Xi żgħażagħ x’qalu dwar il-​miri tagħhom?

14 Aqra Salm 16:8. L-​iktar ħaġa importanti għal David kienet li jaqdi lil Ġeħova. Jekk int timita lil David meta tagħmel miri u dejjem iżżomm lil Ġeħova f’moħħok, imbagħad ħajtek se tkun taʼ sodisfazzjon. Ħu jismu Steven jgħid: “Li naħdem għal mira, nilħaqha, u mbagħad nirrifletti fuq il-​progress li għamilt iġibli sodisfazzjon.” Ħu żagħżugħ mill-​Ġermanja li issa jaqdi f’pajjiż ieħor jgħid: “Meta nixjieħ, ma rridx li nħares lura u nara li kull ħaġa li għamilt kienet biss dwari.” Nittamaw li int tħossok bl-​istess mod. Jekk iva, uża l-​abbiltajiet u t-​talenti tiegħek biex iġġib unur lil Alla u biex tgħin lin-​nies. (Galatin 6:10) Agħmel miri fis-​servizz taʼ Ġeħova, u itolbu jgħinek tilħaqhom. Hu jitgħaxxaq iwieġeb talb bħal dan!—1 Ġwanni 3:22; 5:14, 15.

15. Liema miri tistaʼ forsi tagħmel għalik innifsek? (Ara l-​kaxxa “ Xi miri fuqiex taħseb.”)

15 X’inhuma xi miri li tistaʼ tagħmel? Xi ngħidu jekk tipprova tikkummenta fi kliemek fil-​laqgħat? Jew għala ma tagħmilhiex il-​mira tiegħek li taqdi bħala pijunier jew Betelit? Tistaʼ tipprova wkoll titgħallem lingwa ġdida ħalli tkun tistaʼ taqsam l-​aħbar tajba maʼ iktar nies. Ħu żagħżugħ jismu Barak li jaqdi fis-​servizz full-​time jgħid: “Li nqum kull filgħodu u naf li qed nuża saħħti kollha għal Ġeħova jġibli sodisfazzjon li l-​ebda xogħol ieħor ma jistaʼ jġib.”

GĦOŻŻ IL-​LIBERTÀ LI JAGĦTIK ALLA

16. David kif ħassu dwar il-​liġijiet u l-​prinċipji taʼ Ġeħova, u għala?

16 Kif tgħallimna fl-​artiklu taʼ qabel, meta ngħixu fi qbil mal-​liġijiet u l-​prinċipji taʼ Ġeħova nsiru verament liberi. Aħna nitgħallmu nħobbu dak li hu tajjeb u nobogħdu dak li hu ħażin. (Għamos 5:15) Is-​salmista David kien fehem li Ġeħova għandu tjubija abbundanti. (Salm 31:19) Ġeħova juri t-​tjubija f’dak kollu li jagħmel, u kull ħaġa tajba ġejja mingħandu. David ħadem iebes biex jimita lil Alla u jħobb l-​affarijiet li Ġeħova jħobb. Imma hu tgħallem ukoll jobgħod dak li Ġeħova jgħid li hu ħażin. Waħda minn dawn l-​affarijiet hi l-​idolatrija, jiġifieri l-​qima lil xi ħadd jew xi ħaġa oħra minflok lil Ġeħova. L-​idolatrija tbaxxi lill-​bniedem u tieħu l-​glorja li Ġeħova biss jistħoqqlu.—Isaija 2:8, 9; Rivelazzjoni 4:11.

17, 18. (a) X’qal David dwar il-​konsegwenzi koroh li jiġu minn qima falza? (b) Xi jġiegħel lin-​nies illum iżidu l-​uġigħ tagħhom?

17 Fi żminijiet Bibliċi, l-​immoralità sesswali spiss kienet parti mill-​qima falza. (Ħosea 4:13, 14) Ħafna nies kienet togħġobhom il-​qima falza għax kienu jieħdu pjaċir ikunu immorali, imma ġabitilhom ferħ din il-​qima? Lanqas xejn! David qal li “joktor l-​uġigħ” taʼ dawk li jqimu allat foloz. (Salm 16:4) Huma saħansitra offrew lit-​tfal tagħhom stess lil allat foloz! (Isaija 57:5) Ġeħova jobgħodha din il-​krudeltà. (Ġeremija 7:31) Kieku int għext f’dak iż-​żmien, kont tapprezza ħafna li l-​ġenituri tiegħek qiemu lil Ġeħova!

18 Illum, ħafna reliġjonijiet foloz jaċċettaw l-​immoralità sesswali, inkluż l-​omosesswalità. Stil taʼ ħajja immorali tistaʼ ġġiegħel lin-​nies iħossu li huma liberi, imma fir-​realtà huma qed iżidu l-​uġigħ tagħhom. (1 Korintin 6:18, 19) Innotajtu dan int? Mela, żgħażagħ, isimgħu minn Missierkom tas-​sema. Kunu konvinti li hu taʼ ġid għalikom li tobdu lil Alla. Aħsbu sew dwar il-​konsegwenzi koroh li jiġu mill-​immoralità. Intom se taraw li l-​ħsara li ġġib magħha hi bil-​wisq ikbar minn ftit mumenti taʼ pjaċir. (Galatin 6:8) Joshua, li ssemma qabel, jgħid: “Nistgħu nużaw il-​libertà tagħna kif irridu, imma jekk ma nużawhiex tajjeb ma tkunx taʼ ġid għalina.”

19, 20. Liema barkiet se jgawdu żgħażagħ li għandhom fidi f’Ġeħova u jobduh?

19 Ġesù qal: “Jekk tibqgħu fil-​kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tkunu tafu l-​verità, u l-​verità teħliskom.” (Ġwanni 8:31, 32) Grazzi għal Ġeħova, aħna liberi mir-​reliġjon falza, mill-​injoranza, u mis-​superstizzjonijiet. Fil-​futur, se nħarsu ’l quddiem biex ikollna “l-​libertà glorjuża taʼ wlied Alla.” (Rumani 8:21) Int tistaʼ tgawdi ftit minn din il-​libertà anki issa meta timxi mat-​tagħlim taʼ Kristu. B’dan il-​mod, int se tkun ‘taf il-​verità’ mhux biss billi titgħallimha imma wkoll billi tgħixha!

20 Żgħażagħ, għożżu l-​libertà li Alla jagħtikom. Użawha bil-​għaqal. Din se tgħinkom tieħdu deċiżjonijiet issa li jistgħu jagħtukom l-​aqwa futur. Ħu żagħżugħ qal: “Li tuża l-​libertà bil-​għaqal meta tkun żagħżugħ jgħinek ħafna meta iktar tard f’ħajtek tiffaċċja deċiżjonijiet ikbar, bħal liema xogħol se tagħżel jew jekk tiddeċidix li tibqaʼ single għal xi żmien jew tiżżewweġ.”

21. Int kif jistaʼ jkollok “il-​ħajja vera”?

21 F’din is-​sistema qadima, anke dik li n-​nies isejħulha ‘ħajja taʼ veru’ hi inċerta u qasira. Ħadd minna ma jaf x’se jiġri għada. (Ġakbu 4:13, 14) Għalhekk, l-​aħjar ħaġa li tistaʼ tagħmel hi li tieħu deċiżjonijiet li se jgħinuk ikollok “il-​ħajja vera”—il-​ħajja taʼ dejjem fid-​dinja l-​ġdida mill-​isbaħ t’Alla. (1 Timotju 6:19) Ġeħova mhux se jisforzana naqduh. Huwa f’idejn kull wieħed u waħda minna biex jagħżel x’se jagħmel. Għalhekk, agħmel lil Ġeħova “s-​sehem” tiegħek billi kuljum taħdem biex tersaq eqreb lejh u għożż l-​affarijiet tajbin kollha li jagħtik. (Salm 103:5) Kun ċert li Ġeħova jistaʼ jagħtik ferħ abbundanti u kuntentizza għal dejjem!—Salm 16:11.