Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Afda f’Ġeħova u tgħix!

Afda f’Ġeħova u tgħix!

“Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess.”—PROVERBJI 3:5.

GĦANJIET: 3, 8

1. Għala lkoll kemm aħna neħtieġu l-​faraġ?

AĦNA lkoll neħtieġu l-​faraġ, jew l-​inkuraġġiment. Jistaʼ jkun li l-​inkwiet, id-​diżappunti, u l-​ansjetajiet saru parti minn ħajjitna. Forsi qed insofru minħabba xi marda, għax qed nixjieħu, jew għax xi ħadd maħbub miet. Uħud minna qed jiġu trattati ħażin minn oħrajn. Flimkien maʼ dan, in-​nies madwarna qed isiru iktar u iktar vjolenti. Veru, dawn iż-​“żminijiet kritiċi” juru li qed ngħixu “fl-​aħħar jiem” u li maʼ kull ġurnata li tgħaddi qed nersqu eqreb lejn id-​dinja l-​ġdida. (2 Timotju 3:1) Madankollu, jistaʼ jkun li ilna nistennew biex il-​wegħdi taʼ Ġeħova jitwettqu, u forsi għaddejjin minn ħafna u ħafna diffikultajiet. Allura fejn nistgħu nsibu l-​faraġ?

2, 3. (a) X’nafu dwar Ħabakkuk? (b) Għala se neżaminaw il-​ktieb taʼ Ħabakkuk?

2 Biex insibu t-​tweġiba għal din il-​mistoqsija, ejja neżaminaw il-​ktieb taʼ Ħabakkuk. Għalkemm l-​Iskrittura ma tagħtiniex ħafna dettalji dwar il-​ħajja taʼ Ħabakkuk, il-​ktieb tiegħu hu verament inkuraġġanti. L-​isem Ħabakkuk probabbilment ifisser “Tgħanniqa bil-​Ħeġġa.” Dan jistaʼ jirreferi għat-​tgħanniqa ħelwa taʼ Ġeħova li tfarraġ lil dawk li jqimuh. Jew jistaʼ jirreferi wkoll għall-​mod kif dawk li jqimuh iżommu sod maʼ Ġeħova. Ħabakkuk tkellem m’Alla u għamillu xi mistoqsijiet. Ġeħova nebbaħ lil Ħabakkuk biex iniżżel bil-​miktub il-​konversazzjoni għax Hu kien jaf li aħna konna se nibbenefikaw minnha.—Ħabakkuk 2:2.

3 Din il-​konversazzjoni bejn il-​profeta mnikket u Ġeħova hi dak kollu li l-​Bibbja tgħidilna dwar Ħabakkuk. Imma l-​ktieb tiegħu hu parti minn “kulma nkiteb minn qabel” fil-​Kelma t’Alla, “biex permezz tas-​sabar tagħna u permezz tal-​faraġ mill-​Iskrittura jkollna t-​tama.” (Rumani 15:4) Il-​ktieb taʼ Ħabakkuk kif jistaʼ jgħin lil kull wieħed u waħda minna? Jistaʼ jgħinna naraw xi jfisser li nafdaw f’Ġeħova. U l-​profezija taʼ Ħabakkuk tiżgurana li jkunu xi jkunu l-​problemi jew il-​provi li għandna, aħna jistaʼ jkollna l-​paċi tal-​moħħ.

ITLOB LIL ĠEĦOVA

4. Ħabakkuk għala kien imnikket?

4 Aqra Ħabakkuk 1:2, 3Ħabakkuk għex fi żmien diffiċli ħafna. In-​nies madwaru kienu ħżiena u vjolenti, u dan nikktu bil-​kbir. Kull fejn ħares, ra l-​Iżraelin jittrattaw lil xulxin b’kattiverija u b’inġustizzja. Ħabakkuk tħasseb: ‘Meta se jintemm dan il-​ħażen? Ġeħova għala qed idum daqshekk biex jagħmel xi ħaġa dwar dan?’ Hu ħassu qalbu maqtugħa. Allura talab bil-​ħrara lil Ġeħova biex jagħmel xi ħaġa. Ħabakkuk forsi beda jaħseb li Ġeħova ma kienx għadu jimpurtah mill-​poplu Tiegħu jew li ma kienx se jaġixxi. Ġieli ħassejtek l-​istess?

M’għandniex nibżgħu ngħidu lil Ġeħova dwar dak li jinkwetana jew dwar id-​dubji tagħna

5. X’nistgħu nitgħallmu mill-​ktieb taʼ Ħabakkuk? (Ara l-​ewwel stampa.)

5 Kien Ħabakkuk qed jistaqsi dawn il-​mistoqsijiet għax ma kienx għadu jafda f’Ġeħova u l-​wegħdi tiegħu? Xejn affattu! Ħabakkuk kien qed jistaqsi lil Ġeħova biex jgħinu fid-​dubji u l-​problemi li kellu. Dan juri li ma kienx tilef it-​tama imma li kien għadu jafda f’Alla. Ħabakkuk kien jidher li kien inkwetat u mifxul. Ma fehemx għala Ġeħova kien qed jistenna biex jaġixxi u għala kien qed jippermetti li Ħabakkuk isofri daqshekk. Il-​fatt li Ġeħova nebbaħ lil Ħabakkuk biex iniżżel bil-​miktub dak li kien qed jinkwetah jgħallimna tagħlima importanti. M’għandniex nibżgħu ngħidu lil Ġeħova dwar dak li qed jinkwetana jew dwar id-​dubji tagħna. Fil-​fatt, hu b’qalb tajba jistidinna nitolbu u ngħidulu kif inħossuna eżatt. (Salm 50:15; 62:8) Proverbji 3:5 jinkuraġġixxi lil kull wieħed u waħda minna: “Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess.” Ħabakkuk applika dan il-​kliem f’ħajtu.

6. Għala hu importanti li titlob?

6 Ħabakkuk fada f’Ġeħova, il-​Ħabib tiegħu u Missieru, u ħa l-​inizjattiva biex jersaq qribu. Ħabakkuk mhux sempliċiment inkwieta dwar is-​sitwazzjoni tiegħu u pprova jirranġaha waħdu. Minflok, hu talab dwar dak li kien qed iħoss u li kien qed jinkwetah. Dan eżempju tajjeb għalina. Ġeħova, li hu Semmiegħ it-​talb, jistidinna nuru li nafdaw fih billi nitolbu u ngħidulu dwar dak li qed jinkwetana. (Salm 65:2) Meta nagħmlu hekk, aħna se naraw kif Ġeħova jwieġeb talbna. Aħna se nħossu t-​tgħanniqa ħelwa tiegħu meta jfarraġna u jiggwidana. (Salm 73:23, 24) Hu se jgħinna nifhmu kif iqis is-​sitwazzjoni tagħna, ikunu xi jkunu t-​tbatijiet li ngħaddu minnhom. It-​talb lil Ġeħova tassew hu wieħed mill-​aqwa modi kif nuru li nafdaw fih.

ISMAʼ LIL ĠEĦOVA

7. Ġeħova kif irreaġixxa meta Ħabakkuk qallu dwar dak li kien qed jinkwetah?

7 Aqra Ħabakkuk 1:5-7. Wara li Ħabakkuk qal lil Ġeħova dwar dak li kien qed jinkwetah, hu forsi tħasseb dwar kif Ġeħova kien se jirreaġixxi. Bħala Missier kollu mħabba, Ġeħova fehem kif ħassu Ħabakkuk. Hu kien jaf li Ħabakkuk kien qed isofri u jitlob bil-​ħrara għall-​għajnuna. Allura, Ġeħova ma rrabjax miegħu imma qallu x’kien se jagħmel dalwaqt lil-​Lhud żleali. Fil-​fatt, Ħabakkuk setaʼ kien l-​ewwel wieħed li sar jaf dwar dan.

8. It-​tweġiba taʼ Ġeħova għala ma kinitx dak li kien qed jistenna Ħabakkuk?

8 Ġeħova spjega lil Ħabakkuk li Hu kien lest biex jaġixxi. Hu kien se jikkastiga lill-​poplu vjolenti u ħażin taʼ Ġuda. Billi qal li dan kien se jseħħ “fi żmienkom,” Ġeħova wera li dan il-​ġudizzju kien se jseħħ waqt li Ħabakkuk jew l-​Iżraelin madwaru kienu għadhom ħajjin. It-​tweġiba taʼ Ġeħova ma kinitx dak li kien qed jistenna Ħabakkuk. Il-​Kaldin, jew il-​Babiloniżi, kienu ħorox. Huma kienu iktar vjolenti mill-​Iżraelin, li għall-​inqas kienu jafu l-​livelli taʼ Ġeħova. Allura Ġeħova għala kien se juża dan in-​nazzjon pagan u aħrax biex jikkastiga lill-​poplu tiegħu? Dan kien sempliċiment se jikkaġuna iktar tbatija għall-​poplu kollu taʼ Ġuda. Int kif kont tħossok li kieku kont Ħabakkuk?

9. X’mistoqsijiet oħra jistaʼ jkun li għamel Ħabakkuk?

9 Aqra Ħabakkuk 1:12-14, 17. Għalkemm Ħabakkuk fehem li Ġeħova kien se juża lill-​Babiloniżi biex jikkastiga lin-​nies ħżiena madwaru, hu xorta kien mifxul. Imma kien umli u determinat li jkompli jafda f’Ġeħova. Fil-​fatt, hu qal li Ġeħova kompla jkun “il-​Blata” tiegħu. (Dewteronomju 32:4; Isaija 26:4) Ħabakkuk kien konvint li Alla hu mħabba u qalbu tajba, allura ma beżax jistaqsih xi ftit mistoqsijiet oħra, bħal: Ġeħova għala jħalli l-​affarijiet f’​Ġuda jmorru iżjed għall-​agħar u l-​poplu tiegħu jsofri saħansitra iktar? Għala ma jagħmilx xi ħaġa mill-​ewwel? Dak li Jistaʼ Kollox għala ‘jibqaʼ sieket’ u jippermetti l-​ħażen kull fejn tħares? Wara kollox, Ġeħova hu “l-​Qaddis,” u ‘għajnejh puri wisq biex jara dak li hu ħażin.’

10. Kultant għala nistgħu nħossuna bħal Ħabakkuk?

10 Kultant nistgħu nħossuna bħal Ħabakkuk. Aħna nisimgħu lil Ġeħova. Nafdaw fih u naqraw u nistudjaw il-​Kelma tiegħu, li ssaħħilna t-​tama tagħna. Ukoll, nisimgħu dwar il-​wegħdi tiegħu permezz tat-​tagħlim tal-​organizzazzjoni tiegħu. Imma xorta nistgħu nitħassbu, ‘It-​tbatija tagħna meta se tispiċċa?’ X’nistgħu nitgħallmu minn dak li għamel Ħabakkuk issa?

STENNA LIL ĠEĦOVA BIEX JAĠIXXI

11. Ħabakkuk x’kien determinat li jagħmel?

11 Aqra Ħabakkuk 2:1. Il-​konversazzjoni li Ħabakkuk kellu maʼ Ġeħova tatu l-​paċi tal-​moħħ. Għenitu jkun determinat li jistenna lil Ġeħova biex jaġixxi. Ħabakkuk reġaʼ wera din id-​determinazzjoni meta qal: “Se nistenna bil-​kwiet il-​jum taʼ niket.” (Ħabakkuk 3:16) Qaddejja leali oħra t’Alla wkoll baqgħu jistennew bil-​paċenzja lil Ġeħova biex jaġixxi. L-​eżempju tagħhom jinkuraġġina għax jurina li aħna nistgħu nagħmlu l-​istess.—Mikea 7:7; Ġakbu 5:7, 8.

Għandna nistennew bil-​paċenzja lil Ġeħova biex jaġixxi u nafdaw li hu se jserraħna mill-​uġigħ tagħna fiż-​żmien xieraq tiegħu

12. X’nistgħu nitgħallmu minn Ħabakkuk?

12 X’nistgħu nitgħallmu mid-​determinazzjoni taʼ Ħabakkuk? L-​ewwel, m’għandna qatt nieqfu nitolbu lil Ġeħova jkunu xi jkunu l-​problemi li għandna. It-​tieni, għandna bżonn nisimgħu dak li Ġeħova jgħidilna permezz tal-​Kelma tiegħu u l-​organizzazzjoni tiegħu. U t-​tielet, għandna nistennew bil-​paċenzja lil Ġeħova biex jaġixxi u nafdaw li hu se jserraħna mill-​uġigħ tagħna fiż-​żmien xieraq tiegħu. Jekk nimitaw lil Ħabakkuk, se jkollna l-​paċi tal-​moħħ u nkunu kapaċi nissaportu. It-​tama tagħna se tgħinna nkunu paċenzjużi u ferħanin, ikunu xi jkunu l-​problemi li għandna. Aħna fiduċjużi li Missierna tas-​sema se jaġixxi.—Rumani 12:12.

13. Ġeħova kif farraġ lil Ħabakkuk?

13 Aqra Ħabakkuk 2:3. Aħna nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova kien kuntent li Ħabakkuk iddeċieda li jistenna Lilu biex jaġixxi. Dak li Jistaʼ Kollox kien jaf eżatt minn xiex kien għaddej Ħabakkuk, allura farrġu u bi mħabba żgurah li Hu kien se jwieġeb il-​mistoqsijiet sinċieri tiegħu. Ħabakkuk dalwaqt kien se jsib serħan għall-​inkwiet kollu li kellu. Kien bħallikieku Ġeħova qal lil Ħabakkuk: “Kun paċenzjuż u afda fija. Jien se nwieġeb it-​talba tiegħek, anke jekk forsi jidher li se jieħu fit-​tul.” Ġeħova fakkar lil Ħabakkuk li kien diġà ddeċieda meta se jwettaq il-​wegħdi Tiegħu. Għalhekk inkuraġġixxa lil Ħabakkuk biex ikompli jistenna. Fl-​aħħar, il-​profeta ma kienx se jkun diżappuntat.

Għala aħna determinati li nagħmlu l-aħjar li nistgħu għal Ġeħova? (Ara paragrafu 14)

14. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu meta nkunu qed inbatu?

14 Aħna wkoll għandna bżonn nistennew lil Ġeħova jaġixxi. Għandna bżonn ukoll li nisimgħu b’attenzjoni dak li jgħidilna. Imbagħad se jkollna fiduċja u paċi tal-​moħħ, huma x’inhuma t-​tbatijiet li ngħaddu minnhom. Ġesù inkuraġġiena biex ma niffokawx fuq “iż-​żminijiet jew l-​istaġuni” li Alla ma qalilniex dwarhom. (Atti 1:7) Hemm bżonn li nafdaw li Ġeħova jaf liema hu l-​aħjar żmien biex jaġixxi. Għalhekk, m’għandniex naqtgħu qalbna imma għandna nkunu umli u paċenzjużi u jkollna fidi f’Alla. U waqt li nistennew, għandna nużaw il-​ħin tagħna bil-​għaqal u naqdu lil Ġeħova bl-​aħjar mod li nistgħu.—Marku 13:35-​37; Galatin 6:9.

ĠEĦOVA JAGĦTI L-​ĦAJJA LIL DAWK LI JAFDAW FIH

15, 16. (a) X’wegħdi nistgħu nsibu fil-​ktieb taʼ Ħabakkuk? (b) Dawn il-​wegħdi x’jgħallmuna?

15 Ġeħova wiegħed: “Il-​ġust permezz tal-​fedeltà tiegħu jibqaʼ jgħix,” u “l-​art se tkun mimlija bl-​għarfien tal-​glorja taʼ Ġeħova.” (Ħabakkuk 2:4, 14) Iva, Ġeħova jwiegħed li jagħti l-​ħajja taʼ dejjem lil dawk li huma paċenzjużi u li jafdaw fih.

16 Din il-​wegħda li nsibu f’​Ħabakkuk 2:4 tant hi importanti li l-​appostlu Pawlu kkwotaha tliet darbiet fl-​ittri tiegħu! (Rumani 1:17; Galatin 3:11; Ebrej 10:38) Aħna nistgħu nkunu ċerti li huma x’inhuma t-​tbatijiet li ngħaddu minnhom, se naraw il-​wegħdi taʼ Ġeħova jitwettqu jekk nafdaw fih. Ġeħova jridna niffokaw fuq it-​tama tagħna għall-​futur.

17. Ġeħova x’jiżgurana li se jagħmel għalina jekk nafdaw fih?

17 Il-​ktieb taʼ Ħabakkuk fih tagħlima kbira għalina lkoll li qed ngħixu fl-​aħħar jiem. Ġeħova jwiegħed ħajja taʼ dejjem lil kull min hu ġust u jafda fih. Allura ejja ħa nkomplu nsaħħu l-​fiduċja tagħna f’Alla, huma x’inhuma l-​problemi u l-​inkwiet li għandna. Dak li Ġeħova qal lil Ħabakkuk jiżgurana li Hu se jappoġġjana u jsalvana. B’qalb tajba hu jitlobna biex nafdaw fih u nistennew bil-​paċenzja għaż-​żmien stabbilit tiegħu meta Saltnatu se tmexxi fuq l-​art. F’dak iż-​żmien, l-​art se tkun mimlija b’nies ferħanin u paċifiċi li jqimu lil Ġeħova.—Mattew 5:5; Ebrej 10:36-​39.

AFDA F’ĠEĦOVA U KUN FERĦAN

18. Dak li Ġeħova qal lil Ħabakkuk kif effettwah?

18 Aqra Ħabakkuk 3:16-​19. Dak li Ġeħova qal lil Ħabakkuk effettwah bil-​kbir. Ħabakkuk immedita fuq l-​affarijiet tal-​għaġeb li Ġeħova kien għamel għall-​poplu Tiegħu fil-​passat. Issa l-​fidi tiegħu f’Ġeħova ssaħħet. Hu kien ċert li Ġeħova kien se jaġixxi dalwaqt! Dan inkuraġġieh lill-​profeta, avolja kien jaf li xorta setaʼ jbati għal xi żmien. Ħabakkuk ma kienx għad baqagħlu dubji. Minflok, kellu fidi sħiħa li Ġeħova kien se jsalvah. Fil-​fatt, dak li jgħid fil-​vers 18 jistaʼ jkun waħda mill-​ikbar espressjonijiet taʼ fiduċja li naqraw fil-​Bibbja. Xi studjużi jemmnu li tfisser: “Jien se naqbeż bil-​ferħ fil-​Mulej; permezz t’Alla jien se ntir bil-​ferħ.” X’tagħlima kbira għalina lkoll! Ġeħova ma taniex biss wegħdi mill-​isbaħ għall-​futur, imma wkoll żgurana li dalwaqt se jwettaqhom.

19. Kif nistgħu nkunu inkuraġġiti minn Ġeħova, bħalma kien Ħabakkuk?

19 It-​tagħlima importanti ħafna li nitgħallmu mill-​ktieb taʼ Ħabakkuk hi li nafdaw f’Ġeħova. (Ħabakkuk 2:4) Biex nibqgħu nafdaw f’Ġeħova, jeħtieġ li nsaħħu r-​relazzjoni tagħna miegħu. Allura għandna (1) inkomplu nitolbu u ngħidu lil Ġeħova dwar dak kollu li jinkwetana; (2) nisimgħu b’attenzjoni dak li Ġeħova jgħidilna fil-​Kelma tiegħu, u nimxu fuq il-​gwida li jagħti permezz tal-​organizzazzjoni tiegħu; u (3) inkunu leali u paċenzjużi waqt li nistennew lil Ġeħova biex iwettaq il-​wegħdi tiegħu. Ħabakkuk hekk għamel. Għalkemm kien imnikket ħafna meta beda l-​konversazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova, fl-​aħħar kien inkuraġġit u ferħan! Jekk nimitaw lil Ħabakkuk, anke aħna se nkunu inkuraġġiti bit-​tgħanniqa ħelwa taʼ Missierna tas-​sema, Ġeħova. X’inkuraġġiment ikbar minn dan nistgħu ningħataw f’din id-​dinja ħażina?