Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Ixtri l-verità u tbigħhiex”

“Ixtri l-verità u tbigħhiex”

“Ixtri l-​verità u tbigħhiex, kif ukoll l-​għerf u d-​dixxiplina u l-​abbiltà li tifhem.”—PROVERBJI 23:23.

GĦANJIET: 94, 96

1, 2. (a) X’inhi l-​iktar ħaġa taʼ valur f’ħajtek? (b) Liema veritajiet napprezzaw, u għala? (Ara l-​ewwel stampi.)

X’INHI l-​iktar ħaġa taʼ valur f’ħajtek? Bħala l-​poplu taʼ Ġeħova, l-​iktar ħaġa taʼ valur li għandna hi r-​relazzjoni tagħna miegħu. Qatt m’aħna se npartuha maʼ xi ħaġa oħra. Aħna napprezzaw ukoll il-​verità mill-​Bibbja, għaliex din tagħmilha possibbli għalina li nkunu l-​ħbieb taʼ Ġeħova.—Kolossin 1:9, 10.

2 Ġeħova hu l-​Istruttur Grandjuż tagħna, li jgħallimna ħafna veritajiet prezzjużi fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Hu jgħallimna dwar l-​importanza taʼ ismu u jgħidilna dwar il-​kwalitajiet mill-​isbaħ tiegħu. Hu jgħidilna li tant iħobbna li ta l-​ħajja tal-​għażiż Ibnu għalina. Ġeħova jgħallimna dwar is-​Saltna Messjanika. Jagħtina tama għall-​futur, kemm jekk fis-​sema għall-​midlukin u kemm jekk f’Ġenna fuq l-​art għan-​“nagħaġ oħrajn.” (Ġwanni 10:16) Ġeħova jgħallimna kif għandna ngħixu. Aħna nqisu dawn il-​veritajiet bħala teżor għax jgħinuna nersqu qrib lejn il-​Ħallieq tagħna u jagħtuna skop fil-​ħajja.

3. Ġeħova jitlobna nħallsu l-​flus għall-​verità?

3 Ġeħova hu Alla ġeneruż. Tant hu ġeneruż li ssagrifika lil Ibnu stess għalina. Meta Ġeħova jara li xi ħadd qed ifittex għall-​verità, hu jgħin lil din il-​persuna biex issibha. Hu qatt mhu se jitlobna nħallsu l-​flus biex nitgħallmu l-​verità. Darba, raġel jismu Xmun offra xi flus lill-​appostlu Pietru sabiex ikollu l-​awtorità li jagħti l-​ispirtu qaddis lil oħrajn. Pietru spjegalu li l-​ħsibijiet tiegħu kienu żbaljati u qallu: “Ħa tinqered miegħek il-​fidda tiegħek, għax int ħsibt li bil-​flus tistaʼ tikseb l-​għotja b’xejn mingħand Alla.” (Atti 8:18-​20) Allura, xi jfisser li ‘nixtru l-​veritàʼ?

XI JFISSER LI ‘TIXTRI L-​VERITÀ’?

4. X’se nitgħallmu dwar il-​verità f’dan l-​artiklu?

4 Aqra Proverbji 23:23. Hemm bżonn taʼ sforz biex nitgħallmu l-​verità mill-​Bibbja. Ikollna nċedu affarijiet oħra għaliha. U wara li ‘nixtru l-​verità,’ jiġifieri, nitgħallmuha, għandna noqogħdu attenti li qatt ma ‘nbigħuha,’ jiġifieri, nitilquha. Aħna kif ‘nixtruʼ l-​verità tal-​Bibbja? X’inhu l-​valur tagħha? It-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet se jgħinuna napprezzaw il-​verità saħansitra iktar u se jsaħħulna d-​determinazzjoni tagħna biex qatt ma nitilquha. Aħna se nifhmu għala l-​verità mingħand Ġeħova tiswa ħafna iktar minn kull ħaġa oħra.

5, 6. (a) Kif nistgħu nixtru l-​verità mingħajr flus? Spjega. (b) Kif nibbenefikaw mill-​verità?

5 Il-​fatt li xi ħaġa tkun b’xejn ma jfissirx li ma tiswa xejn. Il-​kelma Ebrajka tradotta “ixtri” fi Proverbji 23:23 tistaʼ tfisser ukoll “akkwista.” Dawn iż-​żewġ kelmiet jindikaw li persuna tagħmel sforz jew iċċedi xi ħaġa sabiex takkwista xi ħaġa li hi tqis taʼ valur. Biex nifhmu kif nistgħu nixtru l-​verità, ejja nimmaġinaw li xi suq qed joffri larinġ b’xejn. Nistgħu nistennew li l-​larinġ se jiġi waħdu fuq il-​mejda tagħna? Le, xorta rridu mmorru s-​suq u nġibuh id-​dar. Allura, għalkemm il-​larinġ ma jiswiex flus, hemm bżonn li nagħmlu sforz biex inġibuh. B’mod simili, m’għandniex bżonn flus biex nitgħallmu l-​verità, imma żgur li jeħtieġ sforz u sagrifiċċju biex nakkwistawha.

6 Aqra Isaija 55:1-3. Dak li Ġeħova qal jgħinna nifhmu xi jfisser li nixtru l-​verità. F’dawn il-​versi, Ġeħova jqabbel il-​kliem tal-​verità tiegħu maʼ ilma, ħalib, u nbid. Bħalma l-​ilma kiesaħ jissodisfa persuna bil-​għatx, hekk ukoll il-​verità tissodisfana. U bħalma l-​ħalib jgħin lit-​tfal jikbru iktar b’saħħithom, il-​verità tal-​Bibbja tgħin ir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova tkun iktar b’saħħitha. Ġeħova jqabbel kliemu mal-​inbid ukoll. Għala? Il-​Bibbja tgħid li l-​inbid iferraħ lin-​nies. (Salm 104:15) B’hekk, meta Ġeħova jgħidilna biex ‘nixtru l-​inbid,’ hu jkun qed jgħidilna li meta nsegwu l-​gwida tiegħu f’ħajjitna, aħna se nkunu ferħanin. (Salm 19:8) Ġeħova juża dan ix-​xebh biex jgħinna nifhmu kif nibbenefikaw meta nitgħallmu l-​verità u napplikawha. Issa ejja niddiskutu ħames affarijiet li għandna mnejn ikollna nċedu biex nixtru l-​verità.

X’ĊEDEJT BIEX TIXTRI L-​VERITÀ?

7, 8. (a) Għala jieħu ż-​żmien biex wieħed jitgħallem il-​verità? (b) X’sagrifiċċju għamlet studenta, u x’kien ir-​riżultat?

7 Ħin. Jieħu l-​ħin biex xi ħadd jitgħallem dwar il-​messaġġ tas-​Saltna, jaqra l-​Bibbja u l-​letteratura dwar il-​Bibbja, jistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova, jipprepara għal-​laqgħat tagħna, u jattendihom. Biex nagħmlu dawn l-​affarijiet kollha, għandna nużaw ħin li stajna użajna għal attivitajiet oħrajn inqas importanti. (Aqra Efesin 5:15, 16 u n-​nota taʼ taħt.) Kemm jieħu żmien biex titgħallem veritajiet bażiċi tal-​Bibbja? Dan hu differenti għal kull persuna. M’hemmx limitu għal dak li nistgħu nitgħallmu dwar l-​għerf taʼ Ġeħova, il-​mogħdijiet tiegħu, u l-​affarijiet li għamel. (Rumani 11:33) L-​ewwel ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa qabblet il-​verità maʼ fjura ċkejkna u qalet: “Tkunx kuntent bi fjura waħda taʼ verità. Kieku waħda kienet biżżejjed ma kienx ikun hemm iktar. Ibqaʼ iġbor, fittex għal iktar.” Allura nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘Kemm tgħallimt dwar Ġeħova?’ Anke jekk ngħixu għal dejjem, dejjem se jkun hemm iżjed x’nitgħallmu dwar Ġeħova. Biss, illum hu importanti li nużaw il-​ħin li għandna biex nitgħallmu kemm nistgħu. Dan li ġej hu eżempju taʼ xi ħadd li għamel dan.

Hu importanti li nużaw il-​ħin li għandna biex nitgħallmu kemm nistgħu dwar Ġeħova

8 Mariko, * (ara n-​nota taʼ taħt) żagħżugħa mill-​Ġappun, marret tgħix l-​Istati Uniti biex tattendi skola fi New York City. Ġurnata minnhom, oħt pijuniera ltaqgħet maʼ Mariko waqt il-​ministeru. Mariko diġà kellha r-​reliġjon tagħha, imma hi bdiet tistudja l-​Bibbja maʼ din l-​oħt. Dak li kienet qed titgħallem tant għoġobha li talbet biex tistudja darbtejn fil-​ġimgħa. Għalkemm Mariko kellha ħafna xʼtagħmel bl-​iskola u bix-​xogħol part-​time, hi mill-​ewwel bdiet tmur il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Hi naqqset mill-​ħin tar-​rikreazzjoni biex ikollha iktar ħin titgħallem il-​verità. Dawn is-​sagrifiċċji li għamlet Mariko ressquha dejjem eqreb lejn Ġeħova, u f’inqas minn sena tgħammdet. Sitt xhur wara, fl-​2006, saret pijuniera, u għadha tagħmel dan ix-​xogħol sal-​lum.

9, 10. (a) Li nitgħallmu l-​verità kif ibiddel il-​mod kif inħossuna dwar l-​affarijiet materjali? (b) X’ċediet waħda żagħżugħa, u kif tħossha dwar dan?

9 Affarijiet materjali. Sabiex nitgħallmu l-​verità, forsi jkollna bżonn inċedu xogħol b’paga tajba jew xi karriera taʼ suċċess f’din is-​sistema. Pereżempju, Pietru u Indrì kienu sajjieda, imma meta Ġesù stidinhom isiru dixxipli tiegħu, huma telqu n-​negozju tas-​sajd tagħhom. (Mattew 4:18-20) Dan ma jfissirx li meta titgħallem il-​verità jkollok titlaq ix-​xogħol tiegħek. Wieħed ikollu bżonn jaħdem u jieħu ħsieb il-​familja tiegħu. (1 Timotju 5:8) Imma meta titgħallem il-​verità, il-​mod kif taħsibha dwar l-​affarijiet materjali jinbidel. Int tirrealizza x’inhu l-​iktar importanti fil-​ħajja. Ġesù qal: “Tibqgħux taħżnu teżori fuq l-​art.” Minflok, hu inkuraġġiena: “Aħżnu teżori fis-​sema.” (Mattew 6:19, 20) Hekk għamlet żagħżugħa jisimha Maria.

10 Maria kienet tieħu gost tilgħab il-​golf sa minn meta kienet żgħira. Fl-​iskola sekondarja kompliet ġejja dejjem iktar ’il quddiem. Tant saret brava fih li ngħatat opportunità li tistudja b’xejn f’università. Il-​mira li kellha Maria kienet li ssir plejer professjonali tal-​golf u taqlaʼ ħafna flus. Imbagħad bdiet tistudja l-​Bibbja. Dak li tgħallmet għoġobha u bdiet tapplikah f’ħajjitha. Hi qalet, “Iktar ma aġġustajt l-​attitudni u l-​istil taʼ ħajja tiegħi mal-​livelli tal-​Bibbja, iktar sirt ferħana.” Maria rrealizzat li kien se jkun diffiċli biex tiffoka fuq ir-​relazzjoni tagħha maʼ Ġeħova u l-​karriera tal-​isports fl-​istess ħin. (Mattew 6:24) Allura ddeċidiet li ċċedi l-​mira tagħha li ssir professjonali fil-​golf għal xi ħaġa aħjar. Illum, hi pijuniera u tgħid li qed tgħix “l-​iktar ħajja ferħana u bi skop li qatt jistaʼ jkun hemm.”

Ġesù wiegħed li minkejja dak kollu li nċedu biex nixtru l-​verità, aħna se ningħataw lura bil-​wisq iżjed!

11. Meta nitgħallmu l-​verità, x’jistaʼ jiġri lil ftit mir-​relazzjonijiet tagħna?

11 Relazzjonijiet maʼ oħrajn. Meta nibdew inpoġġu fil-​prattika dak li nitgħallmu mill-​Bibbja, ir-​relazzjonijiet tagħna mal-​ħbieb u l-​familja jistgħu jinbidlu. Għala? Ġesù għenna nifhmu r-​raġuni għal dan meta talab dwar is-​segwaċi tiegħu: “Qaddishom permezz tal-​verità; kelmtek hi l-​verità.” (Ġwanni 17:17) Li ‘tqaddes’ tistaʼ tfisser ukoll li “tkun differenti.” Meta nibdew napplikaw il-​verità f’ħajjitna, aħna nkunu differenti mid-​dinja għax insegwu l-​livelli tal-​Bibbja. Għalkemm nipprovaw inżommu relazzjonijiet tajbin maʼ ħbiebna u qrabatna, xi wħud forsi ma jibqgħux miġbudin lejna daqs   qabel u jistgħu saħansitra jopponu t-​twemmin ġdid tagħna. Dan ma jissorprendiniex. Ġesù qal: “Tabilħaqq, bniedem ikollu n-​nies taʼ daru stess għedewwa tiegħu.” (Mattew 10:36) Imma Ġesù wiegħed ukoll li minkejja dak kollu li nċedu biex nixtru l-​verità, aħna se ningħataw lura bil-​wisq iżjed!—Aqra Marku 10:28-30.

12. X’ċeda raġel Lhudi għall-​verità?

12 Tul ħajtu kollha, raġel Lhudi jismu Aaron emmen li kien ħażin li tlissen l-​isem t’Alla. Imma veru xtaq ikun jaf il-​verità dwar Alla. Darba minnhom, Xhud urieh li jekk jiżdiedu l-​vokali bejn l-​erbaʼ konsonanti Ebrajċi tal-​isem t’Alla, dan jistaʼ jiġi ppronunzjat “Ġeħova.” Tant kien eċitat b’dak li tgħallem li mar is-​sinagoga biex jgħid lill-​mexxejja reliġjużi Lhud! Hu ħaseb li kienu se jifirħu meta jitgħallmu l-​verità dwar l-​isem t’Alla, imma ma kinux. Minflok, beżqulu u keċċewh. Familtu wkoll ħaditha kontrih. Imma Aaron ma ħalliex dan iwaqqfu milli jitgħallem iktar dwar Ġeħova. Hu sar Xhud u qeda lil Ġeħova għall-​bqija taʼ ħajtu. Aħna wkoll nistgħu nistennew li r-​relazzjonijiet tagħna maʼ oħrajn għandhom mnejn jinbidlu meta nitgħallmu l-​verità.

13, 14. Liema bidliet għandna bżonn nagħmlu fil-​mod taʼ kif naħsbu u naġixxu meta nitgħallmu l-​verità? Agħti eżempju.

13 Ħsibijiet u kondotta mhux nadifa. Meta nitgħallmu l-​verità u nibdew ngħixu skont il-​livelli tal-​Bibbja, għandna nkunu lesti li naġġustaw il-​mod kif naħsbu u naġixxu. L-​appostlu Pietru kiteb: “Bħal tfal ubbidjenti, tibqgħux magħġunin skond ix-​xewqat li kellkom qabel fl-​injoranza tagħkom.” Imbagħad żied: “Kunu intom ukoll qaddisin fil-​kondotta kollha tagħkom.” (1 Pietru 1:14, 15) Fil-​belt taʼ Korintu tal-​qedem, ħafna nies kienu immorali. Dawk li għexu hemm kellhom jagħmlu bidliet kbar biex isiru nodfa mill-​ħarsa taʼ Ġeħova. (1 Korintin 6:9-11) Illum, ħafna jagħmlu bidliet simili meta jitgħallmu l-​verità. Pietru ddeskriva dan meta kiteb: “Iż-​żmien li għadda kien biżżejjed għalikom biex tagħmlu r-​rieda tal-​ġnus meta wettaqtu għemejjel taʼ kondotta laxka, passjonijiet, xorb żejjed taʼ nbid, xalar, imħatri min jixrob l-​iktar, u idolatriji kontra l-​liġi.”—1 Pietru 4:3.

14 Devynn u Jasmine kienu ilhom sakranazzi għal ħafna snin. Għalkemm Devynn kien tas-​sengħa fix-​xogħol tal-​accounts, ma setax iżomm impjieg minħabba x-​xorb. Jasmine kienet magħrufa għall-​imġiba taʼ rabja u vjolenti tagħha. Darba, hi u miexja fis-​sakra ltaqgħet maʼ żewġ Xhieda missjunarji. Huma offrewlha studju tal-​Bibbja. Imma meta marru d-​dar tagħhom il-​ġimgħa taʼ wara, Jasmine u Devynn it-​tnejn kienu fis-​sakra. Huma ħasbu li l-​missjunarji ma kinux se jħabblu rashom tant għalihom li kienu se jmorru d-​dar tagħhom. Meta l-​missjunarji reġgħu marru, is-​sitwazzjoni kienet differenti. Jasmine u Devynn kienu ħerqanin li jibdew jitgħallmu l-​verità tal-​Bibbja, u malajr bdew japplikaw dak li tgħallmu. F’inqas minn tliet xhur, waqqfu x-​xorb, u wara żżewġu skont il-​liġi. Ħafna nies fir-​raħal tagħhom innotaw kif kienu nbidlu Jasmine u Devynn, u huma bdew jistudjaw il-​Bibbja wkoll.

15. X’tistaʼ tkun waħda mill-​iktar bidliet diffiċli li jkollna nagħmlu għall-​verità, u għala?

15 Drawwiet u prattiki li ma jogħġbux lil Alla. Waħda mill-​iktar bidliet diffiċli li jkollna nagħmlu hi li nieqfu nipparteċipaw fi drawwiet u prattiki li ma jogħġbux lil Ġeħova. Anke wara li xi wħud jitgħallmu kif iħossu Ġeħova dwar dawn l-​affarijiet, huma xorta jsibuha diffiċli biex jieqfu. Huma jinkwetaw kif il-​familja, il-​kollegi tax-​xogħol, jew il-​ħbieb tagħhom se jirreaġixxu. Huma jafu li n-​nies spiss ikunu marbutin sew maʼ ċerti drawwiet, bħal dawk li jonoraw lill-​qraba mejtin. (Dewteronomju 14:1) Allura, x’jistaʼ jgħinna nagħmlu l-​bidliet meħtieġa? Nistgħu nitgħallmu mill-​eżempji tajbin taʼ nies fil-​passat li għamlu bidliet meta tgħallmu l-​verità, bħall-​Kristjani tal-​bidu f’Efesu.

16. Xi wħud f’Efesu x’sagrifiċċju għamlu?

16 Fil-​belt t’Efesu tal-​qedem, il-​prattika tal-​maġija kienet komuni ħafna. Meta saru Kristjani, x’għamlu dawk in-​nies li pprattikaw il-​maġija? Il-​Bibbja tispjega: “Għadd ġmielu minn dawk li kienu jipprattikaw l-​arti tal-​maġija ġabru l-​kotba tagħhom flimkien u ħarquhom quddiem kulħadd. U kkalkulaw il-​prezz tagħhom kollha u sabu li kienu jiswew ħamsin elf biċċa tal-​fidda. B’hekk, il-​kelma taʼ Ġeħova baqgħet tikber u tissaħħaħ b’qawwa kbira.” (Atti 19:19, 20) Dawk il-​Kristjani leali kienu lesti li jċedu l-​kotba għaljin tagħhom, u Ġeħova berikhom għal dan.

X’kellek iċċedi sabiex titgħallem il-​verità?

17. (a) X’inhuma xi ftit affarijiet li għandu mnejn kellna nċedu għall-​verità? (b) Liema mistoqsijiet se nwieġbu fl-​artiklu li jmiss?

17 X’kellek iċċedi sabiex titgħallem il-​verità? Ilkoll kemm aħna tajna mill-​ħin tagħna. Uħud minna ċedejna opportunitajiet biex insiru sinjuri. U xi relazzjonijiet li kellna maʼ oħrajn setgħu nbidlu. Ħafna minna aġġustajna l-​mod kif naħsbu u naġixxu u warrabna drawwiet u prattiki li ma jogħġbux lil Ġeħova. Imma aħna konvinti li l-​verità tal-​Bibbja hi bil-​wisq iktar taʼ valur minn kwalunkwe ħaġa li ċedejna. Il-​verità tal-​Bibbja tagħmilhielna possibbli li jkollna relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova, li hi l-​iktar ħaġa taʼ valur f’ħajjitna. Meta naħsbu dwar il-​barkiet kollha li għandna minħabba l-​verità, hu diffiċli tifhem għala xi ħadd ikun irid ‘ibigħha.’ Dan kif jistaʼ jiġri? U kif nistgħu nevitaw li nagħmlu żball serju bħal dan? Inwieġbu dawn il-​mistoqsijiet fl-​artiklu li jmiss.

^ par. 8 Xi ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.