Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Jien se nimxi fil-verità tiegħek”

“Jien se nimxi fil-verità tiegħek”

“Istruwini, O Ġeħova, dwar triqtek. Jien se nimxi fil-​verità tiegħek.”—SALM 86:11.

GĦANJIET: 31, 72

1-3. (a) Kif għandna nħossuna dwar il-​verità tal-​Bibbja? Spjega. (Ara l-​ewwel stampi.) (b) X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

ILLUM huwa komuni ħafna li n-​nies jixtru xi ħaġa minn ħanut u mbagħad jirritornawha. U meta jixtru xi ħaġa onlajn, hemm iktar ċans li jibagħtuha lura. Forsi ma togħġobhomx daqs kemm ħasbu jew ikollha xi difett. Allura jiddeċiedu jew li jibdluha jew li jitolbu flushom lura.

2 Aħna qatt ma nagħmlu l-​istess ħaġa bil-​verità tal-​Bibbja. Ladarba ‘nixtruha,’ qatt ma rridu ‘nbigħuha,’ jiġifieri, ladarba nitgħallmu l-​verità, qatt ma rridu nitilquha. (Aqra Proverbji 23:23; 1 Timotju 2:4) Bħalma ddiskutejna fl-​artiklu taʼ qabel dan, aħna qattajna ħafna ħin biex nitgħallmu l-​verità. Ukoll, stajna tlaqna karriera li permezz tagħha qlajna ħafna flus. U setaʼ kellna naġġustaw ftit mir-​relazzjonijiet tagħna maʼ oħrajn, nibdlu l-​mod kif naħsbu u naġixxu, jew nieqfu nieħdu sehem fi drawwiet u prattiki li ma jogħġbux lil Ġeħova. Imma aħna konvinti li xejn minn dak li ċedejna ma jiswa daqs il-​barkiet li għandna għax nafu l-​verità.

3 Ġesù ta tixbiha dwar merkant li jivvjaġġa, jew negozjant, li kien qed ifittex perli mill-​isbaħ. Meta r-​raġel sab waħda li kienet prezzjuża ħafna, hu fil-​pront biegħ kulma kellu biex ikun jistaʼ jixtriha. Dik il-​perla rrappreżentat il-​verità dwar is-​Saltna t’Alla. B’dan il-​mod, Ġesù wera kemm tkun prezzjuża l-​verità għal dawk li jfittxu għaliha. (Mattew 13:45, 46) Meta għall-​ewwel tgħallimna l-​verità, jiġifieri, il-​verità dwar is-​Saltna t’Alla u l-​veritajiet prezzjużi kollha mill-​Bibbja, aħna wkoll konna lesti li nċedu kwalunkwe ħaġa biex niksbuha. Jekk inkomplu napprezzaw il-​verità, qatt mhu se nitilquha. Imma b’dispjaċir, uħud min-​nies t’Alla waqfu japprezzaw il-​verità u anke telquha. Aħna qatt ma rridu nagħmlu dan! Jeħtieġ li nobdu l-​parir tal-​Bibbja biex ‘inkomplu mexjin fil-​verità.’ (Aqra t-​3 Ġwanni 2-4.) Dan ifisser li npoġġu l-​verità l-​ewwel u nuru dan bil-​mod kif ngħixu. Imma wieħed għala u kif jistaʼ ‘jbigħ,’ jew jitlaq, il-​verità? Kif nistgħu nkunu ċerti li qatt ma nagħmlu dan? U kif nistgħu nkunu iktar determinati li ‘nkomplu mexjin fil-​verità’?

XI WĦUD GĦALA U KIF ‘IBIGĦU’ L-​VERITÀ?

4. Xi wħud fi żmien Ġesù għala ma baqgħux mexjin fil-​verità?

4 Fi żmien Ġesù, xi wħud li għall-​ewwel aċċettaw il-​verità ma komplewx mexjin fiha. Pereżempju, wara li Ġesù għamel miraklu u temaʼ folla kbira, din il-​folla marret warajh in-​naħa l-​oħra tal-​Baħar tal-​Galilija. Imma mbagħad Ġesù qal xi ħaġa li kexkxithom: “Jekk ma tiklux il-​laħam taʼ Bin il-​bniedem u ma tixorbux demmu, m’għandkom ebda ħajja fikom infuskom.” Minflok ma staqsew lil Ġesù biex jispjegalhom x’ried ifisser, huma qalu: “Dan id-​diskors ikexkxek; min jiflaħ jisimgħu?” B’hekk, “ħafna mid-​dixxipli tiegħu marru lura lejn dak li ħallew warajhom u ma baqgħux mexjin warajh.”—Ġwanni 6:53-66.

5, 6. (a) Xi wħud fi żmienna għala tbiegħdu mill-​verità? (b) Persuna kif tistaʼ tinġarr ’l hemm mill-​verità?

5 Jiddispjaċina ngħidu li xi wħud illum ukoll telqu l-​verità. Għala? Xi wħud tfixklu minħabba xi fehma aġġustata taʼ xi vers mill-​Bibbja jew xi ħaġa li xi ħu magħruf qal jew għamel. Oħrajn ma ħadux pjaċir meta xi ħadd tahom parir mill-​Bibbja, jew kellhom xi nuqqas taʼ qbil serju maʼ xi ħadd fil-​kongregazzjoni. U oħrajn imxew wara t-​tagħlim falz tal-​apostati u wħud li jigdbu dwarna. Dawn huma xi ftit mir-​raġunijiet għala xi wħud tbiegħdu minn Ġeħova u l-​kongregazzjoni għax riedu. (Ebrej 3:12-14) Kemm kien ikun aħjar li kieku fdaw f’Ġesù, bħal Pietru! Meta oħrajn fil-​folla tkexkxu bil-​kliem taʼ Ġesù, Ġesù staqsa lill-​appostli tiegħu jekk ridux imorru huma wkoll. Pietru wieġeb: “Mulej, għand min tridna mmorru? Int għandek il-​kliem tal-​ħajja taʼ dejjem.”—Ġwanni 6:67-​69.

6 Oħrajn inġarrew ’l hemm mill-​verità bil-​mod il-​mod, forsi mingħajr saħansitra ma ndunaw x’kien qed jiġri. Persuna li titlaq il-​verità bil-​mod il-​mod hi bħal dgħajsa li tinġarr mal-​kurrent bil-​mod minn mal-​moll. Il-​Bibbja twissina biex noqogħdu attenti ħalli “qatt ma ninġarru mal-​kurrent.” (Ebrej 2:1) Ġeneralment, persuna li tinġarr ’l hemm mill-​verità ma tkunx trid tagħmel dan. Imma hi tħalli l-​ħbiberija tagħha maʼ Ġeħova tiddgħajjef, u maż-​żmien tistaʼ titlifha. Kif nistgħu nkunu żguri li dan qatt ma jiġri lilna?

KIF NISTGĦU NEVITAW LI NBIGĦU L-​VERITÀ?

7. X’se jgħinna nevitaw li nbigħu l-​verità?

Ma nistgħux nagħżlu liema veritajiet tal-​Bibbja naċċettaw u liema ninjoraw

7 Sabiex nibqgħu mexjin fil-​verità, aħna għandna naċċettaw u nobdu kulma jgħid Ġeħova. Għandna nagħmlu l-​verità l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjitna u ngħixu skont il-​prinċipji tal-​Bibbja f’kulma nagħmlu. Fit-​talb, is-​Sultan David wiegħed lil Ġeħova: “Jien se nimxi fil-​verità tiegħek.” (Salm 86:11) David kien determinat li jibqaʼ miexi fil-​verità, u aħna għandna nkunu determinati wkoll. Jekk le, nistgħu nibdew naħsbu dwar l-​affarijiet li ċedejna għall-​verità u għandna mnejn inkunu rridu xi ftit minnhom lura. Imma ma nistgħux nagħżlu liema veritajiet tal-​Bibbja naċċettaw u liema ninjoraw. Għandna nimxu fil-​“verità kollha.” (Ġwanni 16:13) Fl-​artiklu taʼ qabel dan iddiskutejna ħames affarijiet li stajna ċedejna biex nitgħallmu l-​verità u napplikawha f’ħajjitna. Issa se naraw kif nistgħu nagħmlu ċert li qatt ma nerġgħu lura għal dawk l-​affarijiet li ħallejna warajna.—Mattew 6:19.

8. Il-​mod kif Kristjan juża ħinu kif jistaʼ jġiegħlu jinġarr ’l hemm mill-​verità? Agħti eżempju.

8 Ħin. Biex inkunu ċerti li qatt ma ninġarru ’l hemm mill-​verità, aħna għandna nkomplu nużaw il-​ħin tagħna bil-​għaqal. Jekk ma noqogħdux attenti, nistgħu nqattgħu ħafna ħin f’rikreazzjoni, hobbies, infittxu fuq l-​Internet, jew naraw it-​televixin. Anke jekk dawn l-​affarijiet mhumiex neċessarjament ħżiena, nistgħu nkunu qed nużaw ħin li qabel użajna biex nistudjaw u nippritkaw. Xi ħaġa bħal din ġrat lil Emma. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Minn meta kienet daqsxejn taʼ tifla kienet tħobb iż-​żwiemel u kienet tirkibhom kull meta tistaʼ. Imma bdiet tħossha ħatja dwar kemm ħin kienet qed tqattaʼ fuq il-​hobby tagħha u ddeċidiet li tibdel il-​prijoritajiet tagħha. Ukoll, Emma tgħallmet mill-​esperjenza taʼ Cory Wells, oħt li kienet tirkeb iż-​żwiemel f’rodeo. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Issa, Emma tqattaʼ iktar ħin taqdi lil Ġeħova, u għandha iktar ħin xi tqattaʼ mal-​familja u l-​ħbieb tagħha li wkoll jaqduh. Hi tħossha eqreb taʼ Ġeħova u tinsab ferħana li taf li qed tuża ħinha bil-​għaqal.

9. L-​affarijiet materjali kif jistgħu jsiru importanti wisq għalina?

9 Affarijiet materjali. Biex nibqgħu mexjin fil-​verità ma nistgħux inħallu l-​affarijiet materjali jsiru importanti wisq għalina. Meta tgħallimna l-​verità, irrealizzajna illi li naqdu lil Ġeħova hu ħafna iżjed importanti mill-​affarijiet materjali, u konna kuntenti nċedu kwalunkwe ħaġa minn dawn l-​affarijiet għall-​verità. Imma hekk kif jgħaddi ż-​żmien, għandna mnejn naraw oħrajn jixtru l-​aħħar affarijiet elettroniċi jew igawdu affarijiet oħra li bil-​flus jistgħu jixtru. Nistgħu nibdew naħsbu li aħna inqas minn ħaddieħor. Nistgħu ma nibqgħux nikkuntentaw b’dak li għandna u nibdew niffokaw iżjed fuq li nakkwistaw affarijiet materjali milli fuq li naqdu lil Ġeħova. Dan ifakkarna f’dak li ġara lil Dema. Hu tant ħabb “din is-​sistema” li ħalla l-​inkarigu li kellu mal-​appostlu Pawlu. (2 Timotju 4:10) Forsi Dema ħabb l-​affarijiet materjali iżjed milli kien iħobb jaqdi lil Alla. Jew forsi ma riedx jibqaʼ jagħmel sagrifiċċji biex jaqdi maʼ Pawlu. X’inhi l-​lezzjoni għalina? Forsi fil-​passat verament konna nħobbu l-​affarijiet materjali. Jekk ma noqogħdux attenti, dik l-​imħabba tistaʼ terġaʼ tikber fina u tant issir b’saħħitha li nitilfu mħabbitna għall-​verità.

10. X’influwenza għandna nirreżistu?

10 Relazzjonijiet maʼ oħrajn. Biex nibqgħu mexjin fil-​verità, m’għandniex inħallu lil dawk li ma jaqdux lil Ġeħova jinfluwenzawna. Meta tgħallimna l-​verità, ir-​relazzjoni tagħna mal-​ħbieb u familjari li ma kinux Xhieda nbidlet. Forsi xi wħud irrispettaw it-​twemmin ġdid tagħna, imma oħrajn setgħu opponewh. (1 Pietru 4:4) M’għandniex xi ngħidu, aħna nagħmlu mill-​aħjar tagħna biex ningwalawha mal-​membri tal-​familja tagħna u nkunu qalbna tajba magħhom. Imma ma nistgħux ninjoraw il-​livelli taʼ Ġeħova biex nogħġbuhom. U bħalma nitgħallmu mill-​1 Korintin 15:33, il-​ħbieb veri tagħna għandhom ikunu nies li jħobbu lil Ġeħova.

11. Kif nistgħu nevitaw ħsibijiet u kondotta mhux nadifa?

11 Ħsibijiet u kondotta mhux nadifa. Biex nimxu fil-​verità jeħtieġ li nkunu qaddisin, jew nodfa, mill-​ħarsa taʼ Ġeħova. (Isaija 35:8; aqra l-​1 Pietru 1:14-16.) Meta tgħallimna l-​verità, għamilna bidliet f’ħajjitna biex nimxu skont il-​livelli tal-​Bibbja. Xi wħud għamlu bidliet kbar ħafna. Imma xorta għandna bżonn noqogħdu attenti biex qatt ma nbiddlu l-​ħajja nadifa tagħna maʼ waħda immorali. X’jistaʼ jgħinna nirreżistu kwalunkwe tentazzjoni biex nagħmlu xi ħaġa immorali? Aħseb dwar dak li Ġeħova ta biex aħna nistgħu nkunu qaddisin. Hu ta l-​ħajja prezzjuża taʼ Ibnu l-​għażiż, Ġesù Kristu! (1 Pietru 1:18, 19) Biex niġu megħjunin nibqgħu nodfa f’għajnejn Ġeħova, dejjem irridu niftakru kemm hu prezzjuż is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa.

12, 13. (a) Għala għandna nqisu ċ-​ċelebrazzjonijiet kif iqishom Ġeħova? (b) X’se niddiskutu issa?

12 Drawwiet u prattiki li ma jogħġbux lil Alla. Membri tal-​familja, kollegi tax-​xogħol, u tfal tal-​iskola għandhom mnejn iġegħluna ningħaqdu magħhom fiċ-​ċelebrazzjonijiet tagħhom, bħal birthdays. X’jistaʼ jgħinna nirreżistu l-​pressjoni biex nieħdu sehem fi drawwiet u ċelebrazzjonijiet li ma jogħġbux lil Ġeħova? Għandna bżonn inżommu ċar f’moħħna r-​raġunijiet għala Ġeħova ma japprovax dawn iċ-​ċelebrazzjonijiet. Aħna nistgħu nagħmlu riċerka fil-​pubblikazzjonijiet tagħna u nfakkru lilna nfusna kif bdew ċerti ċelebrazzjonijiet. Meta nimmeditaw fuq ir-​raġunijiet Skritturali għala ma niħdux sehem f’dawn iċ-​ċelebrazzjonijiet, inħossuna ċerti li nkunu qed nimxu b’mod li hu “aċċettabbli għall-​Mulej.” (Efesin 5:10) Jekk nafdaw f’Ġeħova u l-​Kelma tiegħu, m’aħniex se nibżgħu minn dak li jaħseb ħaddieħor.—Proverbji 29:25.

13 Aħna nittamaw li nibqgħu mexjin fil-​verità għal dejjem. X’jistaʼ jgħinna nkunu saħansitra iktar determinati li nibqgħu mexjin fil-​verità? Hemm tliet affarijiet li nistgħu nagħmlu.

KUN DETERMINAT IŻJED BIEX TIMXI FIL-​VERITÀ

14. (a) Li nkomplu nistudjaw il-​Bibbja kif se jgħinna nkunu determinati li qatt ma nitilqu l-​verità? (b) Għala għandna bżonn l-​għerf, id-​dixxiplina, u l-​abbiltà li nifhmu?

14 L-​ewwel, kompli studja l-​Bibbja u aħseb fil-​fond dwar dak li titgħallem. B’mod regolari warrab ħin apposta għal dan. Iktar ma tistudja, iktar se tħobb il-​verità u tkun determinat li qatt ma titlaqha. Proverbji 23:23 jgħidilna biex ‘nixtru l-​verità’ u wkoll biex nixtru ‘l-​għerf u d-​dixxiplina u l-​abbiltà li nifhmu.’ Mhuwiex biżżejjed li sempliċement inkunu nafu l-​verità tal-​Bibbja. Jeħtieġ li napplikawha f’ħajjitna. Meta niksbu l-​abbiltà li nifhmu, inpoġġu l-​veritajiet li tgħallimna flimkien maʼ dawk li diġà nafu. L-​għerf iqanqalna naġixxu fuq dak li nafu. Kultant il-​verità tiddixxiplinana billi turina x’bidliet jeħtieġ li nagħmlu. Hemm bżonn li nkunu pronti biex inwieġbu għal dixxiplina bħal din, li l-​Bibbja tgħid li hi iktar prezzjuża mill-​fidda.—Proverbji 8:10.

15. Il-​verità kif tistaʼ tipproteġina bħal ċinturin?

15 It-​tieni, kun determinat li tapplika l-​verità fil-​ħajja taʼ kuljum tiegħek. Il-​Bibbja tqabbel il-​verità mal-​ħżiem tal-​ġenbejn, jew maċ-​ċinturin taʼ suldat. (Efesin 6:14) Fi żminijiet Bibliċi, ċinturin ta protezzjoni lil suldat fil-​battalja dment li kien ikun issikkat. Jekk kien ikun merħi, ma kienx jgħinu. Il-​verità kif tipproteġina bħal ċinturin? Jekk inżommu l-​verità tal-​Bibbja mdawra sew magħna l-​ħin kollu, din se tipproteġina milli naħsbu b’mod ħażin u se tgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin. Meta jkollna problema serja jew niġu ttantati nagħmlu xi ħaġa ħażina, il-​verità tal-​Bibbja se tagħmilna iktar determinati li nagħmlu dak li hu tajjeb. Bħalma suldat qatt ma kien imur għall-​battalja mingħajr iċ-​ċinturin tiegħu, aħna qatt ma nitilqu l-​verità. Aħna nagħmlu ċert li napplikaw il-​verità tal-​Bibbja f’kull aspett tal-​ħajja tagħna. Suldat kien ikollu wkoll sejf maċ-​ċinturin tiegħu. Ejja naraw kif nistgħu nagħmlu xi ħaġa simili.

16. Li ngħallmu l-​verità kif se jgħinna nibqgħu mexjin fil-​verità?

16 It-​tielet, għallem il-​verità tal-​Bibbja lil oħrajn kemm tistaʼ. Il-​Bibbja titqabbel maʼ sejf. Bħalma suldat tajjeb kien iżomm sod is-​sejf tiegħu, aħna jeħtieġ li jkollna qabda soda fuq il-​Kelma t’Alla. (Efesin 6:17) Aħna lkoll nistgħu nsiru għalliema aħjar, ‘billi nimmaniġġaw sew il-​kelma tal-​verità.’ (2 Timotju 2:15) Meta nużaw il-​Bibbja biex ngħallmu lil oħrajn, aħna nsiru nafu u nħobbu l-​verità saħansitra iżjed. U nsiru iktar determinati li nibqgħu mexjin fil-​verità.

Il-​verità hija rigal prezzjuż mingħand Ġeħova

17. Il-​verità għala hi prezzjuża għalik?

17 Il-​verità hija rigal prezzjuż mingħand Ġeħova. Din tagħmilhielna possibbli li jkollna relazzjoni mill-​qrib maʼ Missierna tas-​sema. Din hi l-​iktar ħaġa taʼ valur li jistaʼ jkollna. Ġeħova diġà għallimna ħafna, imma dan hu biss il-​bidu! Hu jwegħedna li jibqaʼ jgħallimna għal dejjem. Allura għożż il-​verità bħalma kieku tgħożż perla taʼ valur. Ibqaʼ “ixtri l-​verità u tbigħhiex.” Imbagħad, bħal David, int se żżomm din il-​wegħda lil Ġeħova: “Jien se nimxi fil-​verità tiegħek.”—Salm 86:11.

^ par. 8 L-​isem ġie mibdul.

^ par. 8 Mur fuq JW Broadcasting, u kklikkja fuq INTERVISTI U ESPERJENZI > IL-​VERITÀ TBIDDEL IL-​ĦAJJIET.