Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Huma l-ħsibijiet tiegħek bħal taʼ Ġeħova?

Huma l-ħsibijiet tiegħek bħal taʼ Ġeħova?

“Inbidlu billi ġġeddu moħħkom.”—RUMANI 12:2.

GĦANJIET: 56, 123

1, 2. Hekk kif inkomplu nagħmlu progress, x’nitgħallmu? Agħti eżempju.

IMMAĠINA li persuna tagħti rigal lil tifel żgħir. Il-​ġenituri jgħidulu, “Għid grazzi.” Hu hekk jagħmel, l-​iktar minħabba li huma qalulu biex jagħmel dan. Imma hekk kif it-​tifel jikber, jibda jifhem għala l-​ġenituri tiegħu jaħsbu li hu importanti li japprezza meta oħrajn jagħmlu affarijiet tajbin. Maż-​żmien, waħdu se jkun irid jirringrazzja lil oħrajn għax ikun tgħallem japprezza.

2 Xi ħaġa simili ġrat lilna. Meta bdejna nitgħallmu l-​verità, aħna tgħallimna li hu importanti li nobdu l-​kmandamenti bażiċi taʼ Ġeħova. Imma hekk kif inkomplu nagħmlu progress, aħna nitgħallmu iktar dwar il-​ħsibijiet tiegħu, jiġifieri, dak li jogħġbu, dak li ma jogħġbux, u kif iħares hu lejn sitwazzjoni. Meta nħallu lil Ġeħova jinfluwenza l-​għażliet personali tagħna u dak li nagħmlu, aħna nibdew naħsbu bħalu.

3. Għala jistaʼ jkun diffiċli li naħsbu bil-​mod kif jaħseb Ġeħova?

3 Għalkemm nieħdu pjaċir nitgħallmu naħsbu bħal Ġeħova, kultant ikun diffiċli li naħsbu bil-​mod kif jaħseb hu għax aħna imperfetti. Pereżempju, aħna nafu kif Ġeħova jqis l-​indafa morali, il-​materjaliżmu, ix-​xogħol tal-​ippritkar, l-​użu ħażin tad-​demm, u affarijiet oħra. Imma jistaʼ jkun diffiċli għalina li nifhmu għala hu jqishom b’dal-​mod. Allura kif nistgħu nitgħallmu naħsbu iktar bħal Ġeħova? U dan kif se jgħinna nagħmlu l-​ħaġa t-​tajba issa u fil-​futur?

KIF AĦNA NAĦSBU BĦAL ĠEĦOVA

4. Xi jfisser li nġeddu moħħna?

4 Aqra Rumani 12:2. F’dan il-​vers, l-​appostlu Pawlu ddeskriva dak li għandna bżonn nagħmlu biex nitgħallmu naħsbu bil-​mod kif jaħseb Ġeħova. Hu qal li m’għandniex ‘nibqgħu magħġunin skond din is-​sistema.’ Kif tgħallimna fl-​artiklu taʼ qabel, dan ifisser li għandna nirrifjutaw ideat u attitudnijiet tad-​dinja. Imma Pawlu qal ukoll li għandna bżonn inġeddu moħħna. Dan ifisser li għandna nistudjaw il-​Kelma t’Alla, nifhmu l-​ħsibijiet tiegħu, nimmeditaw fuqhom, u naħdmu iebes biex naħsbu bħalu.

5. Spjega d-​differenza li hemm bejn il-​qari u l-​istudju.

5 Studju hu iktar milli naqraw taʼ malajr l-​informazzjoni jew nimmarkaw it-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet tal-​istudju. Meta nistudjaw, aħna naħsbu x’jgħallimna l-​materjal dwar Ġeħova, dwar dak li jagħmel, u dwar kif jaħseb. Aħna nipprovaw nifhmu għala Ġeħova jgħidilna biex nagħmlu ħaġa u nevitaw oħra. Ukoll, nikkunsidraw x’għandna bżonn inbiddlu f’ħajjitna u fil-​ħsibijiet tagħna. Veru, forsi mhux possibbli li nimmeditaw fuq dawn il-​punti kollha kull darba li nistudjaw. Imma jkun tajjeb li nqattgħu forsi nofs il-​ħin taʼ kull studju nimmeditaw dwar dak li qrajna.—Salm 119:97; 1 Timotju 4:15.

6. X’jiġri meta nimmeditaw fuq il-​Kelma t’Alla?

6 Xi ħaġa tal-​għaġeb tiġri meta b’mod regolari nimmeditaw fuq il-​Kelma t’Alla. Aħna ‘nagħtu prova lilna nfusna,’ jew nikkonvinċu lilna nfusna, li l-​ħsibijiet taʼ Ġeħova huma perfetti. Nibdew nifhmu l-​mod kif hu jħares lejn sitwazzjoni, u b’hekk naqblu mal-​ħarsa tiegħu. Għalhekk, aħna nġeddu moħħna u nibdew naħsbu b’mod ġdid. Bil-​mod il-​mod, nibdew naħsbu bħal Ġeħova.

IL-​ĦSIBIJIET TAGĦNA JEFFETTWAW DAK LI NAGĦMLU

7, 8. (a) Ġeħova kif iqis l-​affarijiet materjali? (Ara l-​ewwel stampi.) (b) Jekk inqisu l-​affarijiet materjali kif iqishom Ġeħova, x’se tkun dejjem l-​iktar ħaġa importanti għalina?

7 Il-​ħsibijiet tagħna jeffettwaw dak li nagħmlu. (Marku 7:21-​23; Ġakbu 2:17) Ejja nikkunsidraw xi eżempji li jgħinuna nifhmu dan il-​punt aħjar. Eżempju wieħed, li nsibuh fir-​rakkont dwar it-​twelid taʼ Ġesù, juri ċar il-​ħsibijiet taʼ Ġeħova lejn l-​affarijiet materjali. Kien Alla li personalment għażel lil Ġużeppi u Marija biex irabbu lil Ibnu avolja huma ma kellhomx ħafna flus. (Levitiku 12:8; Luqa 2:24) Meta Ġesù twieled, Marija “medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-​lukanda.” (Luqa 2:7) Kieku Ġeħova ried, hu setaʼ jagħmel ċert li Ġesù jitwieled f’post ħafna aħjar. Imma Ġeħova ried li Ġesù jitrabba f’familja li tpoġġi l-​qima t’Alla l-​ewwel. Din kienet l-​iktar ħaġa importanti għal Ġeħova.

8 Dan ir-​rakkont dwar it-​twelid taʼ Ġesù jgħallimna kif Ġeħova jqis l-​affarijiet materjali. Xi ġenituri jridu li t-​tfal tagħhom ikollhom l-​aqwa affarijiet materjali, anki jekk dan jagħmel ħsara lir-​relazzjoni tat-​tfal maʼ Ġeħova. Imma jidher ovvju li Ġeħova jqis ir-​relazzjoni tagħna miegħu bħala l-​iktar ħaġa importanti. Għandek int l-​istess ħarsa taʼ Ġeħova dwar dan? X’juri dak li tagħmel?—Aqra Ebrej 13:5.

9, 10. Kif nistgħu nuru li għandna l-​istess ħarsa taʼ Ġeħova dwar li nfixklu lil oħrajn?

9 Eżempju ieħor hu kif Ġeħova jħares lejn persuna li tfixkel lil oħrajn, jiġifieri, li ġġegħelhom jagħmlu dnub jew jieqfu jaqdu lil Ġeħova. Ġesù qal: “Kulmin ifixkel lil wieħed minn dawn iċ-​ċkejknin li jemmnu, ikun aħjar għalih jekk idawrulu m’għonqu ġebla taʼ mitħna, bħal dik li jdawwar ħmar, u jitfgħuh il-​baħar.” (Marku 9:42) Dan veru kliem iebes! U aħna nafu li Ġesù hu eżatt bħal Missieru. Għalhekk, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova xejn ma jieħu pjaċir meta xi ħadd ifixkel lil wieħed mis-​segwaċi taʼ Ġesù.—Ġwanni 14:9.

10 Għandna l-​istess ħarsa taʼ Ġeħova u Ġesù dwar li nfixklu lil oħrajn? X’juri dak li nagħmlu? Pereżempju, forsi jogħġobna ċertu stil taʼ lbies u dehra. Imma x’se nagħmlu jekk l-​għażla tagħna tistaʼ tfixkel lil xi wħud fil-​kongregazzjoni jew iġġiegħel lil oħrajn ikollhom ħsibijiet immorali? Sejra l-​imħabba tagħna għal ħutna timmotivana biex inċedu l-​preferenzi tagħna?—1 Timotju 2:9, 10.

11, 12. Kif se nipproteġu lilna nfusna jekk nitgħallmu nobogħdu dak li Ġeħova jobgħod u jkollna r-​rażan?

11 It-​tielet eżempju hu: Ġeħova jobgħod il-​ħażen. (Salm 5:4) Veru, hu jaf li kultant insibuha diffiċli li nagħmlu l-​ħaġa t-​tajba minħabba l-​imperfezzjoni tagħna. Minkejja dan, Ġeħova jridna li bħalu nobogħdu dak li hu ħażin. (Aqra Salm 97:10.) Jekk nimmeditaw fuq għala Ġeħova jobgħod l-​affarijiet ħżiena, dan se jgħinna jkollna l-​ħarsa tiegħu u jagħtina s-​saħħa nirrifjutaw li nagħmlu affarijiet ħżiena.

Ċerti affarijiet huma ħżiena, avolja l-​Bibbja ma titkellimx b’mod speċifiku dwarhom

12 Jekk nitgħallmu nobogħdu dak li hu ħażin, dan se jgħinna nirrealizzaw ukoll li ċerti affarijiet huma ħżiena, avolja l-​Bibbja ma titkellimx b’mod speċifiku dwarhom. Pereżempju, tip taʼ kondotta immorali li jissejjaħ lap dancing qed isir iktar komuni fid-​dinja llum. Xi nies iħossu li dan mhuwiex l-​istess bħal li wieħed ikollu att sesswali maʼ xi ħadd, allura jaħsbu li mhuwiex ħażin. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Imma hu dan verament kif iħossu Ġeħova? Ftakar, Ġeħova jobgħod kull tip taʼ ħażen. Mela ejja nżommu ’l bogħod minn kull ħaġa ħażina billi nitgħallmu jkollna r-​rażan fuqna nfusna u nobogħdu dak li Ġeħova jobgħod.—Rumani 12:9.

AĦSEB ISSA DWAR X’SE TAGĦMEL FIL-​FUTUR

13. Għala għandna naħsbu issa kif Ġeħova jħares lejn sitwazzjoni biex inkunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet għaqlin fil-​futur?

13 Meta nistudjaw għandna naħsbu kif Ġeħova jħares lejn sitwazzjoni għax dan jistaʼ jgħinna nieħdu deċiżjonijiet għaqlin. Imbagħad, jekk xi darba nispiċċaw f’sitwazzjoni fejn ikollna bżonn nieħdu deċiżjoni dak il-​ħin, aħna mhux se ninqabdu fuq sieq waħda. (Proverbji 22:3) Ejja nikkunsidraw xi eżempji mill-​Bibbja.

14. X’nistgħu nitgħallmu mit-​tweġiba taʼ Ġużeppi lill-​mara taʼ Potifar?

14 Meta l-​mara taʼ Potifar ipprovat tħajjar lil Ġużeppi jagħmel affarijiet ħżiena magħha, hu mill-​ewwel irrifjuta. Żgur li hu kien immedita fuq kif Ġeħova jħares lejn iż-​żwieġ. (Aqra Ġenesi 39:8, 9.) Ġużeppi qal lill-​mara taʼ Potifar: “Kif nistaʼ jien nagħmel dan il-​ħażen hekk kbir u nidneb kontra Alla?” Dan juri li hu kien jaħseb bħal Ġeħova. Xi ngħidu għalina? X’se tagħmel int jekk xi ħadd fuq ix-​xogħol jibda jifflertja miegħek? Jew jekk xi ħadd jibgħatlek messaġġ jew stampa sesswali fuq il-​mowbajl? * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Hu iktar eħfef li tibqaʼ leali lejn Ġeħova wara li tkun tgħallimt u aċċettajt kif hu jqis dawn l-​affarijiet u ddeċidejt x’se tagħmel.

15. Kif nistgħu nibqgħu leali lejn Ġeħova, kif għamlu t-​tliet Ebrej?

15 Ikkunsidra wkoll l-​eżempju tat-​tliet Ebrej magħrufin bħala Sidrak, Mesak, u Għabednego. Meta s-​Sultan Nebukadnessar kmandahom biex iqimu l-​istatwa tad-​deheb li kien għamel, huma b’mod sod irrifjutaw. It-​tweġiba ċara lis-​sultan uriet li huma kienu diġà ħasbu dwar dak li kien se jiġri jekk jibqgħu leali lejn Ġeħova. (Eżodu 20:4, 5; Danjel 3:4-6, 12, 16-18) Xi ngħidu għal-​lum? X’se tagħmel jekk l-​imgħallem jistaqsik biex tagħti donazzjoni għal ċelebrazzjoni li għandha x’taqsam mar-​reliġjon falza? Minflok ma noqogħdu nistennew sakemm ħaġa bħal din tiġri, ma jkunx aħjar jekk minn issa nimmeditaw dwar kif Ġeħova jqis dawn l-​affarijiet? Imbagħad, jekk xi darba nkunu f’sitwazzjoni bħal din, se jkun eħfef għalina li nagħmlu u ngħidu l-​ħaġa t-​tajba, bħalma għamlu t-​tliet Ebrej.

Għamilt riċerka, imlejt dokument mediku legali, u tkellimt mat-tabib tiegħek? (Ara paragrafu 16)

16. Li nifhmu b’mod ċar il-​ħsibijiet taʼ Ġeħova kif jistaʼ jgħinna nippreparaw għal emerġenza medika?

16 Li nimmeditaw fuq il-​ħsibijiet taʼ Ġeħova jistaʼ jgħinna wkoll nibqgħu leali lejh jekk ikollna emerġenza medika. M’għandniex xi ngħidu, aħna determinati li ma niħdux trasfużjoni taʼ demm sħiħ jew taʼ kwalunkwe wieħed mill-​erbaʼ komponenti primarji tad-​demm. (Atti 15:28, 29) Imma hemm xi proċeduri li jinvolvu d-​demm li kull Kristjan irid jibbaża d-​deċiżjoni personali tiegħu fuq prinċipji tal-​Bibbja. Meta jkun l-​aħjar żmien biex tiddeċiedi x’se tagħmel? Xħin tkun l-​isptar, forsi muġugħ jew taħt pressjoni biex tieħu deċiżjoni malajr? Żgur li le. Issa huwa l-​waqt li tagħmel riċerka, timla dokument mediku legali li jispjega ċar dak li trid, u titkellem mat-​tabib tiegħek. * (Ara n-​nota taʼ taħt.)

17-19. Għala hu importanti li nitgħallmu issa kif jaħseb Ġeħova dwar sitwazzjoni? Agħti eżempju.

17 Issa, aħseb dwar kemm kien pront Ġesù biex jirrifjuta l-​parir mhux għaqli taʼ Pietru: “Kun ħanin miegħek innifsek, Mulej.” Żgur li Ġesù kien immedita ħafna dwar dak li Alla riedu jagħmel u fuq il-​profeziji dwar ħajtu u mewtu fuq l-​art. Dan l-​għarfien tah is-​saħħa biex jibqaʼ leali lejn Ġeħova u jagħti ħajtu bħala sagrifiċċju għalina lkoll.—Aqra Mattew 16:21-23.

18 Illum, Alla jridna nkunu l-​ħbieb tiegħu u nagħmlu l-​aħjar li nistgħu biex nippritkaw l-​aħbar tajba. (Mattew 6:33; 28:19, 20; Ġakbu 4:8) Imma xi nies b’intenzjoni tajba għandhom mnejn jipprovaw jiskuraġġuna, bħalma għamel Pietru lil Ġesù. Pereżempju, l-​imgħallem tiegħek forsi joffrilek iktar flus, imma int taf li se jkollok bżonn taħdem iktar sigħat u mhux se jkollok biżżejjed ħin biex tattendi l-​laqgħat jew tipprietka mal-​kongregazzjoni. Jew jekk għadek l-​iskola, ejja ngħidu li l-​għalliema tiegħek joffrulek l-​opportunità li tmur tgħix ’il bogħod mid-​dar biex tkompli tistudja. Jekk dan jiġri, għandek int bżonn titlob, tagħmel riċerka, u titkellem maʼ membri tal-​familja jew mal-​anzjani qabel tieħu deċiżjoni? Ikun aħjar jekk titgħallem issa kif Ġeħova jħares lejn dawn is-​sitwazzjonijiet u tagħmel il-​ħsibijiet tiegħek bħal tiegħu. Imbagħad jekk xi darba tkun offrut dawn l-​affarijiet, għandu mnejn ma ssibhomx daqshekk taʼ tentazzjoni. Int taf eżatt x’se tagħmel għax tkun diġà ddeċidejt li tibqaʼ ffokat fuq li taqdi lil Ġeħova.

19 Probabbilment int tistaʼ taħseb f’sitwazzjonijiet oħra li għandhom mnejn f’daqqa waħda jittestjaw il-​lealtà tiegħek lejn Ġeħova. Veru li ma nistgħux nippreparaw għal kull sitwazzjoni possibbli, imma jekk nimmeditaw fuq il-​ħsibijiet taʼ Ġeħova matul l-​istudju personali, iktar se jkun hemm ċans li niftakru dak li tgħallimna u nkunu nafu kif se napplikawh fi kwalunkwe sitwazzjoni. Għalhekk, meta nistudjaw, ejja noqogħdu attenti għal kif Ġeħova jħares lejn is-​sitwazzjoni, nagħmlu l-​ħsieb tagħna jixbah lil tiegħu, u naħsbu kif dan jistaʼ jgħinna nieħdu deċiżjonijiet għaqlin issa u fil-​futur.

IL-​ĦSIBIJIET TAʼ ĠEĦOVA U L-​FUTUR TIEGĦEK

20, 21. (a) Għala se ngawdu l-​libertà tagħna fid-​dinja l-​ġdida? (b) Kif nistgħu ngawdu l-​ħajja issa?

20 Ilkoll kemm aħna nħarsu ’l quddiem għad-​dinja l-​ġdida. Il-​maġġorparti minna jittamaw li jgħixu f’Ġenna fuq l-​art. Taħt is-​Saltna t’Alla, aħna se ninħelsu mill-​uġigħ u t-​tbatija kollha li nesperjenzaw f’din is-​sistema. U ovvjament, xorta se jkollna l-​libertà li nieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq il-​preferenzi u x-​xewqat tagħna.

21 Imma dan ma jfissirx li se jkollna libertà bla limiti. Il-​ġwejdin xorta se jieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq il-​liġijiet taʼ Ġeħova u l-​ħsibijiet tiegħu. U dan se jġibilhom ferħ kbir u paċi abbundanti. (Salm 37:11) Sakemm jasal dak iż-​żmien, aħna nistgħu ngawdu l-​ferħ issa hekk kif nagħmlu l-​ħsibijiet tagħna bħal taʼ Ġeħova.

^ par. 12 Il-​lap dancing hija attività li ssir minn persuna li tistaʼ tkun nofsha għarwiena u li tagħmel movimenti sesswali waqt li tkun bilqiegħda f’ħoġor, jew fuq koxxtejn, il-​klijent jew klijenta. Skont il-​fatti tas-​sitwazzjoni, dan jistaʼ jiġi kkunsidrat bħala immoralità sesswali u jitlob li l-​anzjani jifformaw kumitat ġudizzjali. Kristjan li ħa sehem f’dan għandu jitlob l-​għajnuna tal-​anzjani.—Ġakbu 5:14, 15.

^ par. 14 L-​użu tal-​mowbajl biex jintbagħtu messaġġi, ritratti, jew vidjows sesswali jissejjaħ sexting. Skont il-​fatti tas-​sitwazzjoni, jaf ikun hemm bżonn li l-​anzjani jifformaw kumitat ġudizzjali. F’xi każi, l-​awtoritajiet tal-​gvern saħansitra akkużaw lil żgħażagħ b’offiżi sesswali minħabba li ħadu sehem f’sexting. Għal iktar informazzjoni, mur fuq jw.org/mt u aqra l-​artiklu onlajn “Iż-​żgħażagħ jistaqsu—X’għandi nkun naf dwar is-​sexting?(Ikklikkja fuq TAGĦLIM TAL-​BIBBJA > ŻGĦAŻAGĦ.) Jew aqra l-​artiklu “Kif Għandek Tkellem lill-​Adoloxxent Tiegħek Dwar is-​Sexting” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! taʼ Novembru 2013, paġni 4-​5.

^ par. 16 Għal iktar informazzjoni dwar prinċipji Bibliċi li jistgħu jgħinuk, ara, pereżempju, il-​ktieb Żommu Ruħkom fl-​Imħabba t’Alla, paġni 215-218.