Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 20

Nipprovdu faraġ lill-vittmi t’abbuż

Nipprovdu faraġ lill-vittmi t’abbuż

“L-​Alla taʼ kull faraġ . . . ifarraġna fit-​tribulazzjoni kollha tagħna.”—2 KOR. 1:3, 4.

GĦANJA 134 It-​tfal huma wirt mingħand Alla

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. (a) Agħti eżempju li juri li l-​bnedmin jitwieldu bil-​bżonn li jkunu mfarrġin u li għandhom l-​abbiltà li jfarrġu. (b) Xi tfal kif inhuma mweġġgħin?

IL-​BNEDMIN kollha jitwieldu bil-​bżonn li jkunu mfarrġin u għandhom l-​abbiltà tal-​għaġeb li jfarrġu lil oħrajn. Pereżempju, meta tifel żgħir jaqaʼ u jisloħ irkopptu waqt li jkun qed jilgħab, hu jmur jiġri jibki għand il-​mamà jew il-​papà. Huma ma jistgħux ifejqulu l-​ġerħa, imma jistgħu jfarrġuh. Forsi jistaqsuh x’ġara, jixxottawlu d-​dmugħ, ikellmuh bil-​ħlewwa u jgħannquh, u forsi jagħmlulu ftit diżinfettant jew jinfaxxawhielu. F’kemm ilna ngħidu t-​tifel jieqaf jibki u jerġaʼ jibda jilgħab. Maż-​żmien, irkopptu tfiq.

2 Imma kultant, it-​tfal iweġġgħu b’mod iktar gravi. Xi wħud jiġu abbużati sesswalment. L-​abbuż jistaʼ jkun taʼ darba, jew jistaʼ jdum għaddej għal ħafna snin. Hu x’inhu l-​każ, l-​abbuż iġib uġigħ emozzjonali kbir u permanenti. F’xi każi, min jagħmel l-​abbuż jinqabad u jkun ikkastigat. F’każi oħra, jistaʼ jidher li qatt ma jiġi kkastigat. Però, anke jekk ikun ikkastigat minnufih, il-​vittma xorta tistaʼ tibqaʼ tbati l-​konsegwenzi meta tikber.

3. X’inhi r-​rieda taʼ Ġeħova skont it-​2 Korintin 1:3, 4, u liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

3 X’jistaʼ jgħin lil Kristjan li kien vittma t’abbuż meta kien tifel u għadu qed ibati minħabba dan? (Aqra t-​2 Korintin 1:3, 4.) Biċ-​ċar, hija r-​rieda taʼ Ġeħova li n-​nagħaġ tiegħu jintwerew l-​imħabba u l-​faraġ li għandhom bżonn. Allura ejja nikkunsidraw tliet mistoqsijiet: (1) Dawk li ġew abbużati meta kienu tfal għala għandhom bżonn il-​faraġ? (2) Min jistaʼ jipprovdi l-​faraġ meħtieġ? (3) Kif nistgħu nfarrġuhom b’mod effettiv?

IL-​FARAĠ GĦALA HU MEĦTIEĠ?

4-5. (a) Għala hu importanti li nirrealizzaw li t-​tfal huma differenti ħafna mill-​adulti? (b) Jekk tifel ikun abbużat, x’jistaʼ jiġrilha l-​fiduċja tiegħu f’oħrajn?

4 Xi adulti li ġew abbużati meta kienu tfal, għandu mnejn li xorta jkollhom bżonn il-​faraġ avolja jkunu għaddew ħafna snin. Għala? Biex nifhmu, l-​ewwel għandna nirrealizzaw li t-​tfal huma differenti ħafna mill-​adulti. Tifel spiss ikun effettwat b’modi li huma ferm differenti minn kif forsi jiġi effettwat adult minn trattament ħażin. Ikkunsidra xi eżempji.

5 It-​tfal għandhom bżonn iħobbu u jafdaw lil min irabbihom u jieħu ħsiebhom. Dan jgħinhom iħossuhom protetti u jgħallimhom jafdaw lil kull min iħobbhom. (Salm 22:9) B’dispjaċir, l-​abbuż spiss isir fid-​dar tat-​tfal, u spiss minn membri tal-​familja u ħbieb tal-​familja. Meta tifel ikun abbużat minn xi ħadd li jafda, jistaʼ jkun diffiċli għalih li jafda lil oħrajn, anke wara ħafna snin.

6. L-​abbuż sesswali għala hu krudil u taʼ ħsara?

6 It-​tfal ma jistgħux jipproteġu lilhom infushom. L-​abbuż sesswali hu krudil u taʼ ħsara. Li t-​tfal ikunu sforzati jagħmlu affarijiet sesswali ħafna snin qabel ma jkunu maturi biżżejjed biex jagħmlu s-​sess fiż-​żwieġ jistaʼ jagħmlilhom ħsara kbira. L-​abbuż jistaʼ jġegħelhom ikollhom ħarsa żbaljata lejn is-​sess, iġegħelhom iħossuhom ma jiswew għal xejn, u ma jafdawx lil oħrajn.

7. (a) Għala hu faċli biex xi ħadd iqarraq bit-​tfal u mbagħad jabbużahom, u kif għandu mnejn jagħmel dan? (b) X’jistaʼ jkun ir-​riżultat taʼ gideb bħal dan?

7 It-​tfal ikunu għadhom ma żviluppawx għalkollox l-​abbiltajiet tagħhom li jaħsbu, li jirraġunaw, jew li jagħrfu u jevitaw il-​periklu. (1 Kor. 13:11) Allura hu faċli ħafna biex xi ħadd iqarraq bihom u mbagħad jabbużahom. Min jabbuża mit-​tfal jgħidilhom gideb perikoluż. Gideb bħal li huwa t-​tort tagħhom li qed jiġu abbużati, li l-​abbuż għandu jibqaʼ sigriet, li ħadd mhu se jemminhom jew jgħinhom jekk jikxfu l-​abbuż, jew li atti sesswali bejn l-​adulti u t-​tfal huma turija taʼ mħabba sinċiera. Jistaʼ jieħu ħafna snin biex it-​tfal jindunaw li dan kien kollu gideb. Meta jikbru jistgħu jispiċċaw jaħsbu li huma maħmuġin u li ma jistħoqqilhomx jintwerew imħabba jew faraġ.

8. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jistaʼ jfarraġ lil dawk li ġew imweġġgħin?

8 Mela nistgħu nifhmu għala l-​abbuż sesswali jistaʼ jwassal għal ħsara li ddum snin sħaħ. Kemm hu krudil dan l-​att kriminali! Il-​fatt li dan l-​abbuż hu mifrux mad-​dinja kollha juri ċar li qed ngħixu fl-​aħħar jiem, meta ħafna nies huma “mingħajr imħabba naturali” u meta “n-​nies mill-​agħar u l-​impusturi jibqgħu sejrin mill-​ħażin għall-​agħar.” (2 Tim. 3:1-5, 13) It-​tattiki taʼ Satana huma verament kattivi, u huwa taʼ niket meta n-​nies jagħmlu dak li jrid hu. Madankollu, Ġeħova hu bil-​wisq iktar b’saħħtu minn Satana u l-​qaddejja tiegħu. Ġeħova jafhom sew it-​tattiki taʼ Satana. Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jaf eżatt kemm qed inbatu, u hu jistaʼ jipprovdi l-​faraġ li neħtieġu. Aħna mberkin li naqdu “l-​Alla taʼ kull faraġ, li jfarraġna fit-​tribulazzjoni kollha tagħna, biex inkunu nistgħu nfarrġu lil dawk li jkunu f’kull xorta taʼ tribulazzjoni bil-​faraġ li aħna stess qed niġu mfarrġin bih minn Alla.” (2 Kor. 1:3, 4) Allura, lil min juża Ġeħova biex ifarraġna?

MIN JISTAʼ JIPPROVDI L-​FARAĠ?

9. Skont kliem is-​Sultan David f’​Salm 27:10, Ġeħova x’se jagħmel għal dawk trattati ħażin minn familthom stess?

9 It-​tfal li l-​ġenituri tagħhom kienu jafu li qed jiġu abbużati imma ma pproteġewhomx jew dawk li ġew abbużati minn tal-​familja jew ħbieb tal-​familja għandhom bżonn b’mod speċjali li jkunu mfarrġin. Is-​Sultan David kien jaf li nistgħu nibqgħu ċerti li Ġeħova dejjem se jfarraġna. (Aqra Salm 27:10.) David kien konvint li Ġeħova se jkun Missier għal dawk li ġew trattati ħażin mill-​familja tagħhom. Ġeħova kif jagħmel dan? Hu juża lil dawk li jaqduh lealment. Ħutna fil-​kongregazzjoni huma bħal familja għalina. Pereżempju, Ġesù qal li dawk li qdew lil Ġeħova miegħu kienu bħal ħutu u ommu għalih.—Mt. 12:48-50.

10. L-​appostlu Pawlu kif iddeskriva xogħlu bħala anzjan?

10 Ikkunsidra eżempji kif il-​kongregazzjoni Kristjana tistaʼ tkun bħal familja. L-​appostlu Pawlu kien anzjan leali u ħadem iebes. Hu ħalla eżempju tajjeb ħafna, u wkoll kien imnebbaħ jgħid lil oħrajn biex jimitawh bħalma hu imita lil Kristu. (1 Kor. 11:1) Innota kif darba Pawlu ddeskriva xogħlu bħala anzjan: “Ġibna ruħna b’mod ġentili fostkom, bħal kif omm li treddaʼ tgħożż lil uliedha.” (1 Tess. 2:7) Anzjani leali llum jistgħu bl-​istess mod jużaw kliem ħelu u ġentili hekk kif joffru faraġ Skritturali lil dawk fil-​bżonn.

Aħwa nisa maturi spiritwalment spiss huma effettivi ħafna meta jfarrġu (Ara paragrafu 11) *

11. X’juri li mhux l-​anzjani biss jistgħu jfarrġu lil oħrajn?

11 L-​anzjani biss jistgħu jfarrġu lill-​vittmi t’abbuż? Le. Ilkoll kemm aħna għandna r-​responsabbiltà biex ‘nibqgħu nfarrġu lil xulxin.’ (1 Tess. 4:18) Aħwa nisa maturi spiritwalment jistgħu jkunu t’għajnuna kbira għal aħwa nisa li jeħtieġu l-​faraġ. Bix-​xieraq, Alla Ġeħova qabbel lilu nnifsu maʼ omm li tfarraġ lil binha. (Is. 66:13) Il-​Bibbja tinkludi eżempji taʼ nisa li farrġu lil dawk li kienu qed ibatu. (Ġob 42:11) Kemm jitgħaxxaq Ġeħova meta jara aħwa nisa llum ifarrġu lil ħuthom nisa li qed ibatu minn uġigħ emozzjonali! F’xi każi, anzjan jew tnejn jistgħu jitolbu oħt matura spiritwalment jekk tkunx tistaʼ tgħin oħt li qed tbati minn uġigħ emozzjonali. *

KIF NISTGĦU NOFFRU L-​FARAĠ?

12. Meta nipprovaw ngħinu, x’m’għandniex nagħmlu?

12 Ovvjament, meta nipprovaw ngħinu m’għandniex nistaqsu dwar affarijiet li l-​ħu jew l-​oħt ma tixtieqx titkellem dwarhom. (1 Tess. 4:11) X’nistgħu nagħmlu għal dawk li għandhom bżonn u jridu l-​għajnuna u l-​faraġ? Ejja nikkunsidraw ħames modi Skritturali kif nistgħu nkunu taʼ faraġ.

13. Skont l-​1 Slaten 19:5-8, l-​anġlu taʼ Ġeħova x’għamillu lil Elija, u kif nistgħu nimitawh?

13 Agħti għajnuna prattika. Meta l-​profeta Elija kien qed jaħrab minn dawk li riedu joqtluh, tant kien skuraġġit li xtaq imut. Min-​naħa tiegħu Ġeħova bagħatlu anġlu setgħan. Dan l-​anġlu għen lil Elija b’mod prattiku, billi tah ikla sħuna u inkuraġġieh jiekol. (Aqra l-​1 Slaten 19:5-8.) Dan ir-​rakkont jurina verità utli: Kultant xi ħaġa sempliċi li nagħmlu għal xi ħadd tistaʼ tkun t’għajnuna kbira. Forsi b’xi ikla, rigal żgħir, jew kartolina nistgħu niżguraw lil ħuna jew oħtna b’qalb maqsuma li aħna nħobbuha u jimpurtana minnha. Jekk mhux faċli għalina li nitkellmu maʼ xi ħadd dwar l-​emozzjonijiet tiegħu, nistgħu nuru li jimpurtana billi nagħmlu dawn l-​affarijiet t’għajnuna li semmejna.

14. X’nistgħu nitgħallmu mir-​rakkont dwar Elija?

14 Għin lil min hu mnikket iħossu protett u komdu. Nistgħu nitgħallmu xi ħaġa oħra mir-​rakkont dwar Elija. B’mod mirakoluż Ġeħova ta lill-​profeta l-​għajnuna li kellu bżonn biex jimxi t-​triq twila li kellu sal-​Muntanja Ħoreb. Jistaʼ jkun li Elija ħassu protett f’dan il-​post imbiegħed fejn Ġeħova kien għamel patt mal-​poplu tiegħu fil-​passat. Forsi ħass li fl-​aħħar kien qiegħed ’il bogħod sew minn dawk li riedu joqtluh. X’nistgħu nitgħallmu minn dan? Jekk irridu nfarrġu lill-​vittmi t’abbuż, l-​ewwel għandna bżonn ngħinuhom iħossuhom protetti. Pereżempju, l-​anzjani għandhom jiftakru li meta jkellmu oħt imnikkta, hi forsi tħossha iktar protetta u komda jekk jiltaqgħu d-​dar, f’ambjent iktar rilassat, milli f’xi kamra fis-​Sala tas-​Saltna. Ħaddieħor forsi jħossu aħjar fis-​Sala tas-​Saltna.

Aħna nistgħu nkunu taʼ serħan billi nisimgħu bil-​paċenzja, nitolbu bil-​qalb, u nużaw kliem li jfarraġ (Ara paragrafi 15-20) *

15-16. X’hemm involut biex tkun semmiegħ tajjeb?

15 Kun semmiegħ tajjeb. Il-​Bibbja tagħti dan il-​parir ċar: “Kull bniedem irid ikun ħafif biex jismaʼ, tqil biex jitkellem.” (Ġak. 1:19) Aħna semmiegħa tajbin? Forsi naħsbu li biex inkunu semmiegħa tajbin għandna sempliċement inħarsu lejn il-​persuna u ma ngħidu xejn. Imma li tkun semmiegħ tajjeb jinvolvi iktar minn hekk. Pereżempju, Elija fl-​aħħar fetaħ qalbu maʼ Ġeħova u qallu kemm kien qed iħossu ħażin, u Ġeħova semgħu tassew. Ġeħova fehem li Elija kien beżgħan, li ħassu waħdu, u li ħaseb li x-​xogħol kollu tiegħu kien għalxejn. Ġeħova bi mħabba għenu jegħleb dawn l-​emozzjonijiet. Hu wera li kien semgħu tassew lil Elija.—1 Slat. 19:9-11, 15-18.

16 Meta nkunu qed nisimgħu lil ħuna jew oħtna titkellem, kif nistgħu nuru mogħdrija u mħabba lejha? Kultant, ftit kliem b’tattika u bi mħabba jistgħu juru kif inħossuna. Int forsi tgħid: “Jiddispjaċini li ġralek hekk! L-​ebda tifel m’għandu jiġi trattat b’dal-​mod!” Forsi tistaʼ tistaqsi mistoqsija jew tnejn biex tkun ċert li fhimt dak li l-​vittma qed tgħid. Għandu mnejn tistaqsi, “Tistaʼ jekk jogħġbok tgħinni nifhem xi trid tgħid?” jew “Meta għedtli hekk, jien fhimtek li . . . Hekk ridt tgħid?” Espressjonijiet taʼ mħabba bħal dawn jistgħu jiżguraw lill-​persuna li int tassew qed tismagħha, u qed tipprova tkun ċert li tifhimha.—1 Kor. 13:4, 7.

17. Għala għandna nkunu paċenzjużi u ‘tqal biex nitkellmu’?

17 Madankollu, tinsiex li trid tkun ‘tqil biex titkellem.’ Tinterrompix biex tagħti parir jew biex tikkoreġi dak li taħseb il-​persuna. U kun paċenzjuż! Meta Elija fl-​aħħar fetaħ qalbu maʼ Ġeħova, hu uża kliem iebes għax kien imnikket ħafna. Iktar tard, wara li Ġeħova saħħaħ il-​fidi t’Elija, hu reġaʼ fetaħ qalbu u qal l-​istess kliem. (1 Slat. 19:9, 10, 13, 14) Dan x’jgħallimna? Kultant dawk li jkunu mnikktin ikollhom bżonn jiftħu qalbhom iktar minn darba. Bħal Ġeħova, aħna rridu nisimgħuhom bil-​paċenzja. Minflok ma nipprovaw insibulhom soluzzjoni, aħna nuruhom mogħdrija u mħabba.—1 Pt. 3:8.

18. X’tip taʼ talb jistaʼ jfarraġ lil dawk imweġġgħin, u għala?

18 Itlob bil-​qalb maʼ min hu mweġġaʼ. Min ikun dipress ħafna jistaʼ ma jħossux kapaċi jitlob. Forsi jħoss li ma jistħoqqlux javviċina lil Ġeħova. Mod wieħed kif nistgħu nfarrġuh hu billi nitolbu miegħu u nsemmuh b’ismu. Fit-​talba nistgħu ngħidu lil Ġeħova kemm il-​wieħed dipress hu għażiż għalina u għall-​kongregazzjoni. Nistgħu nitolbu lil Ġeħova biex jgħin lil dan il-​qaddej prezzjuż tiegħu jħossu kalm u mfarraġ. Talb bħal dan jistaʼ jkun taʼ faraġ kbir.—Ġak. 5:16.

19. X’jistaʼ jgħinna nippreparaw biex infarrġu lil xi ħadd?

19 Agħżel kliem li jfejjaq u jfarraġ. Aħseb qabel titkellem. Kliem bla ħsieb jistaʼ jweġġaʼ. Kliem ħelu jistaʼ jfejjaq. (Prov. 12:18) Allura itlob lil Ġeħova biex jgħinek tuża kliem ħelu, taʼ faraġ, u taʼ serħan. Ftakar li l-​iktar kliem t’għajnuna hu dak taʼ Ġeħova li nsibu f’Kelmtu.—Ebr. 4:12.

20. L-​abbuż x’jistaʼ jġiegħel lill-​vittmi jaħsbu, u aħna xi rriduhom ikunu jafu?

20 L-​abbuż jistaʼ jġiegħel lill-​vittmi jaħsbu li huma maħmuġin, ma jiswew xejn, li ħadd ma jħobbhom, jew saħansitra li mhumiex tajbin biżżejjed biex ħaddieħor iħobbhom. X’gidba terribbli din! Allura uża l-​Iskrittura biex tfakkarhom li Ġeħova jħobbhom ħafna. (Ara l-​kaxxa “ Faraġ mill-​Iskrittura.”) Ftakar kif anġlu b’qalb tajba saħħaħ lill-​profeta Danjel meta ħassu dgħajjef u dipress. Ġeħova ried lil dan ir-​raġel għażiż ikun jaf li hu prezzjuż. (Dan. 10:2, 11, 19) Bl-​istess mod, ħutna mnikktin huma prezzjużi għal Ġeħova!

21. X’se jiġrilhom dawk kollha li għamlu affarijiet ħżiena u ma nidmux, imma aħna x’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

21 Meta nfarrġu lil oħrajn, aħna nfakkruhom li Ġeħova jħobbhom. U qatt m’għandna ninsew li Ġeħova hu wkoll Alla taʼ ġustizzja. Hu jaf dwar kull persuna li ġiet abbużata, anke jekk ħadd iktar ma jaf. Ġeħova jara kollox, u se jagħmel ċert li dawk kollha li għamlu affarijiet ħżiena u ma nidmux se jiġu kkastigati. (Num. 14:18) Sadattant, ejja nagħmlu kulma nistgħu biex nuru mħabba maʼ min hu vittma t’abbuż. Iktar minn hekk, kemm hu taʼ faraġ li tkun taf li Ġeħova se jfejjaq b’mod permanenti lill-​vittmi kollha taʼ Satana u d-​dinja tiegħu! Dalwaqt, dawn l-​affarijiet taʼ wġigħ qatt iktar mhu se jitfakkru jew iweġġgħu l-​qalb.—Is. 65:17.

GĦANJA 109 Ħobb mill-​qalb bil-​ħeġġa kollha

^ par. 5 Dawk li ġew abbużati sesswalment meta kienu żgħar għandu mnejn ikollhom jiffaċċjaw ħafna sfidi saħansitra snin wara. Dan l-​artiklu se jgħinna nifhmu għala. Ukoll, se nikkunsidraw min jistaʼ jipprovdi faraġ lil dawn l-​uħud. Fl-​aħħar se niddiskutu modi effettivi kif nistgħu nipprovdu faraġ.

^ par. 11 Hija l-​għażla personali tal-​persuna li ġiet abbużata jekk titlobx għajnuna professjonali.

^ par. 76 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Oħt matura spiritwalment tfarraġ oħt li għandha wġigħ emozzjonali.

^ par. 78 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Żewġ anzjani jżuru lill-​oħt li għandha wġigħ emozzjonali. Hi stiednet lill-​oħt matura biex tkun magħha.