Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 22

Tejjeb il-mod kif tistudja!

Tejjeb il-mod kif tistudja!

‘Aċċertaw ruħkom minn dak li hu iktar importanti.’—FLP. 1:10.

GĦANJA 35 X’inhu l-​iktar importanti?

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Ħafna għala ma jkollhomx aptit jistudjaw?

ILLUM, ħafna jkollhom jaħdmu iebes ħafna biex jaqilgħu biżżejjed flus biex jgħixu. Ħafna minn ħutna jaħdmu sigħat twal biex ikollhom l-​affarijiet neċessarji għall-​familji tagħhom. Ħafna oħrajn iqattgħu diversi sigħat kuljum biex imorru x-​xogħol u jiġu lura. Ħafna jaqilgħu l-​għajxien tagħhom billi jagħmlu xogħol iebes fiżikament. Fi tmiem il-​ġurnata, dawn ħutna rġiel u nisa jkunu għajjenin ħafna! L-​aħħar ħaġa li jkollhom aptit jagħmlu hi li jistudjaw.

2. Int meta ssib ħin biex tistudja?

2 Imma r-​realtà hi li għandna nsibu l-​ħin biex nistudjaw—verament nistudjaw—il-​Kelma t’Alla u l-​pubblikazzjonijiet tagħna. Dan hu assolutament neċessarju jekk irridu li jkollna relazzjoni tajba maʼ Ġeħova u ngħixu għal dejjem! (1 Tim. 4:15, 16) Xi wħud iqumu kmieni kull filgħodu u jistudjaw meta jkunu fil-​kwiet u moħħhom ikun għadu frisk wara raqda tajba. Oħrajn jaraw li jwarrbu ftit minuti fl-​aħħar tal-​ġurnata meta ma jkun hemm xejn xi jtellifhom biex jieħdu ikel spiritwali u jimmeditaw fuqu.

3-4. X’aġġustamenti saru fl-​ammont taʼ materjal li nirċievu biex naqraw u naraw, u għala?

3 Probabbilment int taqbel li hu importanti li ssib ħin biex tistudja. Imma x’għandna nistudjaw? Forsi tgħid, ‘Tant għandna x’naqraw li nsibha diffiċli biex inlaħħaq.’ Xi aħwa jirnexxilhom jaqraw il-​pubblikazzjonijiet u jaraw il-​vidjows kollha li joħorġu, imma oħrajn isibuha diffiċli. Il-​Ġemgħa li Tiggverna jafuh dan. Għal din ir-​raġuni, reċentement iddeċidew li jnaqqsu l-​materjal li nirċievu, kemm dak printjat u kemm dak fuq l-​internet.

4 Pereżempju, aħna m’għadniex noħorġu l-​Yearbook għax fuq il-​jw.org® u fil-​programm taʼ kull xahar tal-​JW Broadcasting® insibu ħafna esperjenzi inkuraġġanti. It-​Torri tal-​Għassa għall-​pubbliku u Stenbaħ! issa qed joħorġu biss tliet darbiet fis-​sena. Dawn l-​aġġustamenti ma sarux biex ikollna iktar ħin nagħmlu attivitajiet oħra. Imma l-​iskop tagħhom kien biex ikollna iktar ħin niffokaw fuq “dak li hu iktar importanti.” (Flp. 1:10) Ejja niddiskutu kif tistaʼ tiddeċiedi x’inhu l-​iktar importanti u kif tistaʼ tibbenefika bis-​sħiħ mill-​istudju personali tal-​Bibbja.

IDDEĊIEDI X’INHU L-​IKTAR IMPORTANTI

5-6. Liema pubblikazzjonijiet għandna nagħmlu ċert li nistudjaw sew?

5 X’għandna nistudjaw l-​ewwel? Għandna żgur inqattgħu ħin kuljum nistudjaw il-​Kelma t’Alla. Il-​kapitli li qed ikollna x’naqraw għall-​qari tal-​Bibbja taʼ kull ġimgħa tal-​kongregazzjoni issa ġew imnaqqsin. Dan sar biex ikollna iktar ħin nimmeditaw fuq dak li naqraw u biex nagħmlu iktar riċerka. Il-​mira tagħna m’għandhiex tkun biss li naqraw il-​kapitli għal dik il-​ġimgħa, imma li nħallu l-​messaġġ tal-​Bibbja jmissilna qalbna u b’hekk nersqu eqreb lejn Ġeħova.—Salm 19:14.

6 X’għandna wkoll nistudjaw sew? Nagħmlu tajjeb li nippreparaw l-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa u l-​Istudju tal-​Bibbja tal-​Kongregazzjoni kif ukoll l-​informazzjoni l-​oħra li jkollna fil-​laqgħa taʼ fost il-​ġimgħa. Ukoll, għandna naqraw kull ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa u Stenbaħ!

7. Għandek tkun skuraġġit jekk m’intix tlaħħaq taqra jew tara kull ħaġa li toħroġ fuq il-​websajt tagħna u l-​JW Broadcasting?

7 Imma int forsi tgħid, ‘Ħeqq, naqbel kieku, imma xi ngħidu għall-​artikli u l-​vidjows li joħorġu fuq il-​websajt tagħna, jw.org, u l-​JW Broadcasting? Daqs kemm hemm!’ Ikkunsidra dan l-​eżempju: Hemm restorant li joffri varjetà taʼ ikel f’buffet kbir. Naturalment, huwa impossibbli għall-​klijenti biex iduqu l-​ikel kollu. Allura, huma se jkollhom jagħżlu ftit minnu. B’mod simili, jekk int ma tistax tlaħħaq maʼ kull ħaġa li l-​organizzazzjoni toħroġ fuq l-​internet, tiskuraġġix ruħek. Aqra jew ara dak li tistaʼ. Issa ejja naraw xi jfisser li tistudja u x’nistgħu nagħmlu biex l-​istudju jgħinna kemm jistaʼ jkun.

JEĦTIEĠ SFORZ BIEX NISTUDJAW

8. Liema passi nistgħu nieħdu meta nkunu qed nistudjaw It-​Torri tal-​Għassa, u li tagħmel dan kif se jgħinek?

8 Meta tistudja, int trid tiffoka fuq dak li qed taqra biex titgħallem xi ħaġa importanti. Allura ma jfissirx li taqra taʼ malajr l-​informazzjoni u li timmarka t-​tweġiba. Pereżempju, meta tipprepara l-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa, l-​ewwel aqra dak li hemm miktub fil-​ħarsa bil-​quddiem li tkun fil-​bidu tal-​artiklu. Imbagħad, aqra u aħseb dwar it-​titlu tal-​artiklu, kif ukoll is-​sottitli u l-​mistoqsijiet bħala reviżjoni. Imbagħad, aqra bil-​mod u oqgħod attent għad-​dettalji. Agħti attenzjoni għas-​sentenza li tgħidlek x’inhu s-​suġġett tal-​paragrafu, li normalment tkun fil-​bidu tal-​paragrafu. Din is-​sentenza spiss tgħinek tkun taf x’punt qed jispjega l-​paragrafu. Hekk kif taqra l-​artiklu kollu, aħseb kif kull paragrafu għandu x’jaqsam mas-​sottitlu u mat-​tema prinċipali tal-​artiklu. Ħu nota taʼ kliem jew lezzjonijiet li ma kontx tafhom qabel u li tixtieq titgħallem iktar dwarhom.

9. (a) Għala u kif għandna noqogħdu speċjalment attenti għall-​iskritturi meta nistudjaw It-​Torri tal-​Għassa? (b) Bħalma juri Ġożwè 1:8, x’għandna nagħmlu wara li naqraw l-​iskritturi?

9 L-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa huwa studju tal-​Bibbja. Għalhekk, oqgħod speċjalment attent għall-​iskritturi, l-​iktar dawk li se jinqraw meta l-​kongregazzjoni tiddiskuti l-​artiklu. Agħti attenzjoni speċjali għal kif il-​kliem jew is-​sentenzi fil-​versi joħorġu l-​idea prinċipali tal-​paragrafu. Ukoll, waqt li tkun qed taqra, ħu l-​ħin biex taħseb fil-​fond dwar l-​iskritturi u aħseb kif tistaʼ tapplikahom f’ħajtek.—Aqra Ġożwè 1:8.

Ġenituri, għallmu lit-tfal tagħkom kif jistudjaw (Ara paragrafu 10) *

10. Fi qbil maʼ dak li nitgħallmu f’​Ebrej 5:14, il-​ġenituri għala għandhom iqattgħu ħin fil-​qima bħala familja biex jgħallmu lit-​tfal tagħhom kif jistudjaw u jagħmlu riċerka?

10 Huwa naturali li l-​ġenituri jixtiequ li t-​tfal tagħhom jieħdu pjaċir waqt il-​Qima Bħala Familja kull ġimgħa. Però, għalkemm huwa tajjeb li l-​ġenituri jkollhom ċar f’moħħhom dak li se jagħmlu waqt il-​qima bħala familja, m’hemmx bżonn iħossu li kull ġimgħa għandhom jirreċtaw xi drama tal-​Bibbja jew jagħmlu xi proġett eċċitanti. Filwaqt li fil-​Qima Bħala Familja jistgħu jaraw il-​programm taʼ kull xahar fuq il-​JW Broadcasting jew kultant jagħmlu proġetti speċjali, bħal li jibnu mudell tal-​arka taʼ Noè, hu importanti wkoll li t-​tfal jiġu mgħallmin kif jistudjaw. Pereżempju, huma jridu jitgħallmu kif jippreparaw għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni jew kif jagħmlu riċerka dwar problema li kellhom l-​iskola. (Aqra Ebrej 5:14.) Jekk iqattgħu xi ħin jistudjaw suġġett mill-​Bibbja d-​dar, se jkun eħfef għalihom li joqogħdu attenti waqt il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet, li mhux dejjem ikun fihom vidjow. Ovvjament, it-​tul taʼ kull studju jiddependi mill-​età u l-​karattru tat-​tfal.

11. Għala hu importanti li ngħallmu lill-​istudenti tal-​Bibbja kif jistudjaw fil-​fond waħedhom?

11 Anki l-​istudenti tal-​Bibbja tagħna għandhom bżonn jitgħallmu kif jistudjaw. Meta jkunu għadhom fil-​bidu, aħna nieħdu pjaċir narawhom jimmarkaw it-​tweġibiet għall-​istudju tal-​Bibbja tagħhom jew għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Imma aħna għandna bżonn ngħallmuhom kif jagħmlu riċerka u kif jistudjaw fil-​fond waħedhom. B’dal-​mod, jekk ikollhom problema, mhux se jkollhom għalfejn isaqsu lil oħrajn fil-​kongregazzjoni dwar x’għandhom jagħmlu, għax se jkunu jafu kif jagħmlu riċerka li se tgħinhom mill-​pubblikazzjonijiet tagħna.

STUDJA BI SKOP

12. Liema miri jistaʼ jkollna meta nistudjaw?

12 Jekk ma tħobbx tistudja, forsi taħseb li hu impossibbli li titgħallem tieħu pjaċir tistudja. Imma tistaʼ. Ibda billi tistudja biss għal ħin qasir u mbagħad bil-​mod il-​mod żid il-​ħin. Ara li jkollok mira f’moħħok. Ovvjament, l-​iktar mira importanti għandha tkun biex tersaq eqreb lejn Ġeħova. Mira li tistaʼ tilħaqha iktar malajr tistaʼ tkun li twieġeb mistoqsija li xi ħadd ikun staqsiek jew li tagħmel riċerka dwar problema li qed tiffaċċja.

13. (a) Spjega kif żagħżugħ jistaʼ jispjega dak li jemmen lil oħrajn. (b) Int kif tistaʼ tapplika l-​parir li nsibu f’​Kolossin 4:6?

13 Ejja ngħidu li int żagħżugħ li tmur l-​iskola. It-​tfal tal-​klassi għandhom mnejn jemmnu fit-​teorija tal-​evoluzzjoni. Int tixtieq tiddefendi t-​tagħlim tal-​Bibbja, imma forsi ma tħossokx kapaċi. Allura dan ifisser li għandek bżonn tagħmel studju! Il-​miri tiegħek jistgħu jkunu: (1) biex issaħħaħ il-​fidi tiegħek stess li kollox ġie maħluq minn Alla u (2) biex titgħallem tispjega aħjar dak li temmen mill-​Bibbja. (Rum. 1:20; 1 Pt. 3:15) L-​ewwel forsi tistaqsi lilek innifsek, ‘It-​tfal tal-​klassi għala jgħidu li jemmnu fl-​evoluzzjoni?’ Imbagħad agħmel riċerka tajba billi tuża l-​pubblikazzjonijiet tagħna. Jaf issibha eħfef li tispjega x’temmen minn kemm ħsibt. Ħafna nies jemmnu bl-​evoluzzjoni sempliċiment għax xi ħadd li jirrispettaw qalilhom li hi vera. Jekk issib punt jew tnejn li tistaʼ turihom, int tkun tistaʼ tgħin lil xi ħadd li verament jixtieq jitgħallem il-​verità.—Aqra Kolossin 4:6.

INTERESSA RUĦEK BIEX TITGĦALLEM

14-16. (a) X’tistaʼ tagħmel biex tifhem aħjar ktieb tal-​Bibbja li m’intix familjari miegħu? (b) Spjega kif l-​iskritturi li huma użati jistgħu jgħinuk tifhem aħjar il-​ktieb taʼ Għamos. (Ara wkoll il-​kaxxa “ Sir af aħjar il-​karattri tal-​Bibbja!”)

14 Immaġina li fil-​laqgħa li jmiss se naqraw u niddiskutu ktieb tal-​Bibbja miktub minn wieħed mill-​profeti ż-​żgħar li forsi m’intix daqshekk familjari miegħu. L-​ewwel pass forsi jkun li tkabbar l-​interess f’dak li kiteb il-​profeta. Kif tistaʼ tagħmel dan?

15 L-​ewwel nett, staqsi lilek innifsek: ‘X’naf dwar dan il-​kittieb? Min kien, fejn għex, x’kien xogħlu?’ Li nitgħallmu iktar dwaru jistaʼ jgħinna nifhmu aħjar għala uża ċertu kliem jew eżempji. Hekk kif taqra l-​Bibbja, fittex għal kliem li se jgħinek tifhem x’tip taʼ karattru kellu l-​kittieb.

16 Imbagħad, se ssibha t’għajnuna li tkun taf meta nkiteb il-​ktieb. Tistaʼ faċilment tkun taf dan billi tiċċekkja l-​“Lista tal-​kotba tal-​Bibbja” f’paġni 1546-​1547 tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa. Apparti minn hekk, tistaʼ tara ċ-​ċart tal-​profeti u s-​slaten fil-​ktejjeb Gwida għall-​istudju tal-​Kelma t’Alla, paġni 14-​17. Ladarba l-​ktieb tal-​Bibbja li qed tistudja huwa ktieb taʼ profeziji, ikun tajjeb li titgħallem kif kienet il-​ħajja tan-​nies meta ġie miktub. Liema attitudnijiet u prattiki ħżiena tan-​nies kien qed jittama li jgħinhom ibiddlu l-​profeta? Min għex fl-​istess żmien tiegħu? Biex tifhem aħjar is-​sitwazzjoni, għandu mnejn ikollok tfittex f’kotba oħra tal-​Bibbja. Pereżempju, biex tifhem aħjar x’kien qed jiġri fi żmien Għamos, ikun taʼ benefiċċju għalik li taqra l-​versi tat-​2 Slaten u t-​2 Kronaki, li qegħdin fir-​referenzi marġinali * tal-​vers taʼ Għamos 1:1. Flimkien maʼ dan, tistaʼ forsi terġaʼ taħseb dwar il-​kitbiet taʼ Ħosea, li jistaʼ jkun li għex fl-​istess żmien taʼ Għamos. Jekk tfittex fil-​kotba tal-​Bibbja li semmejna, int se tifhem aħjar kif kienet il-​ħajja fi żmienu.—2 Slat. 14:25-​28; 2 Kron. 26:1-​15; Ħos. 1:1-​11; Għam. 1:1.

 

OQGĦOD ATTENT GĦAD-​DETTALJI

17-18. Uża l-​eżempji tal-​paragrafi jew eżempju personali biex turi kif l-​informazzjoni li għandha mnejn tidher mhux importanti tistaʼ tgħinek tieħu pjaċir iktar waqt l-​istudju personali tiegħek.

17 Ikun tajjeb li meta taqra l-​Bibbja jkollok xewqa kbira li titgħallem iktar. Ejja ngħidu, pereżempju, li qed taqra kapitlu 12 tal-​profezija taʼ Żakkarija, li tbassar il-​mewt tal-​Messija. (Żak. 12:10) Meta tasal f’vers 12, int se taqra li “l-​familja tad-​dar taʼ Natan” kienet se tibki u titnikket ħafna bit-​telfa tal-​Messija. Minflok ma tibqaʼ għaddej bil-​qari, oqgħod attent għad-​dettalji billi tieqaf u tistaqsi lilek innifsek: ‘X’konnessjoni hemm bejn id-​dar taʼ Natan u l-​Messija? Hemm xi mod kif ikolli iktar informazzjoni?’ Għax ma tipprovax tiskopri iktar billi tagħmel riċerka? L-​ewwel referenza marġinali ħdejn il-​kelma Natan tieħdok fit-​2 Samwel 5:14, fejn hemm titgħallem li Natan kien wieħed mit-​tfal tas-​Sultan David. U t-​tieni referenza marġinali tieħdok f’​Luqa 3:31, u turi li Ġesù kien dixxendent dirett taʼ Natan min-​naħa taʼ Marija. (Ara It-​Torri tal-​Għassa t’Awwissu 2017, p. 32, para. 4.) F’daqqa waħda, tinteressa ruħek! Int taf li kien hemm profezija li tgħid li Ġesù kellu jiġi mill-​familja taʼ David. (Mt. 22:42) Imma David kellu iktar minn 20 tifel. Mhux tal-​għaġeb li Żakkarija identifika eżatt li l-​familja tad-​dar taʼ Natan kellha tibki l-​mewt taʼ Ġesù?

18 Ikkunsidra eżempju ieħor. Fl-​ewwel kapitlu taʼ Luqa naqraw li l-​anġlu Gabrijel mar għand Marija u qalilha xi ħaġa tal-​għaġeb dwar l-​iben li kien se jkollha: “Dan ikun kbir u jissejjaħ Bin l-​Iktar Għoli; u Alla Ġeħova jagħtih it-​tron taʼ David missieru, u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem.” (Lq. 1:32, 33) Jistaʼ jkun li iktar nagħtu kas l-​ewwel kliem li qal Gabrijel, li Ġesù kien se jissejjaħ “Bin l-​Iktar Għoli.” Imma Gabrijel ipprofetizza wkoll li Ġesù kien se “jsaltan.” Allura jaf nibdew naħsbu x’setaʼ fisser għal Marija dan il-​kliem. Ħasbet hi li Gabrijel kien qed jgħid li Ġesù kien se jieħu post is-​Sultan Erodi jew jieħu post il-​mexxej li kien imiss taʼ Iżrael? Kieku Ġesù sar sultan, Marija kienet se tkun is-​sultana omm, u l-​familja tagħha kienet se tgħix fil-​palazz irjali. Però, m’hemm imkien imniżżel li Marija semmiet dawn l-​affarijiet lil Gabrijel; lanqas ma naqraw li Marija talbet biex ikollha pożizzjoni tajba fis-​Saltna, bħalma tnejn mid-​dixxipli taʼ Ġesù talbu. (Mt. 20:20-​23) Dan id-​dettall jikkonvinċina iktar kemm Marija kienet mara verament umli!

19-20. Bħalma juri Ġakbu 1:22-25 u 4:8, x’inhuma l-​miri tagħna meta nistudjaw?

19 Ejja niftakru li r-​raġuni prinċipali għala nistudjaw il-​Kelma t’Alla u l-​pubblikazzjonijiet tagħna hi għax nixtiequ nersqu eqreb lejn Ġeħova. Ukoll, irridu naraw iktar ċar x’tip taʼ persuna aħna u liema bidliet għandna nagħmlu biex nogħġbu lil Alla. (Aqra Ġakbu 1:22-​25; 4:8.) Għalhekk, fil-​bidu taʼ kull studju għandna nitolbu lil Ġeħova għall-​ispirtu qaddis tiegħu. Aħna nitolbuh bil-​ħerqa jgħinna nibbenefikaw kemm nistgħu mill-​informazzjoni u jgħinna naraw ċar liema bidliet għandna bżonn nagħmlu.

20 Jalla lkoll kemm aħna nkunu bħall-​qaddej leali t’Alla li s-​salmista ddeskriva: “L-​għaxqa tiegħu hi fil-​liġi taʼ Ġeħova, u lejl u nhar jaqra u jimmedita fuq il-​liġi tiegħu. Hu . . . jirnexxi f’kulma jagħmel.”—Salm 1:2, 3.

GĦANJA 88 Għarrafni triqatek

^ par. 5 Ġeħova b’ġenerożità jagħtina abbundanza taʼ materjal x’naraw, x’naqraw, u x’nistudjaw. Dan l-​artiklu se jgħinek tiddeċiedi x’se tistudja, u joffrilek suġġerimenti prattiċi li se jgħinuk tibbenefika kemm tistaʼ mill-​istudju personali tiegħek.

^ par. 16 Ir-​referenzi marġinali jinstabu fil-​kolonna tan-​nofs tal-​paġni tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida. Din il-​kolonna fiha lista taʼ versi mill-​Bibbja li għandhom x’jaqsmu mal-​vers li qrajt. Fuq l-​app tal-​JW Library® dawn ġeneralment jitilgħu fuq in-​naħa tal-​lemin tal-​iskrin meta tagħfas fuq l-​ittri ż-​żgħar ħdejn ċertu kliem taʼ vers.

^ par. 62 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ġenituri juru lit-​tfal tagħhom kif jippreparaw għall-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa taʼ kull ġimgħa.

^ par. 64 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu jagħmel riċerka fuq il-​kittieb tal-​Bibbja, Għamos. L-​istampi juru dak li l-​ħu qed jara fl-​immaġinazzjoni tiegħu hekk kif jaqra r-​rakkonti fil-​Bibbja u jimmedita fuqhom.