SUĠĠETT PRINĊIPALI | GĦALA GĦANDEK TKUN ONEST?
Hi antikwata l-onestà?
Hitoshi kien jaħdem fl-uffiċċju tal-accounts taʼ aġenzija tal-impjiegi fil-Ġappun. Waqt li kien qed jirrivedi kont finanzjarju maʼ taʼ fuqu, lil Hitoshi ntqallu li kien mistenni minnu li jipproduċi rapport falsifikat. Hitoshi spjega li l-kuxjenza tiegħu ma kinitx se tħallih jagħmel xogħol diżonest. B’hekk, is-superjur taʼ Hitoshi heddu li se jkeċċih, u fl-aħħar mill-aħħar tilef l-impjieg tiegħu.
Fix-xhur taʼ wara, Hitoshi sewwed qalbu minħabba li ma setax isib impjieg. Pereżempju, waqt intervista għax-xogħol, Hitoshi semma li ma setax jagħmel xogħol diżonest. Dak li kien qed jintervistah wieġbu, “Kemm taħseb stramb!” Il-familja u l-ħbieb taʼ Hitoshi ħeġġewh biex iżomm mad-deċiżjoni tiegħu li jkun onest, imma bdew jiġuh id-dubji. Pereżempju, qal, “Bdejt niddubita kinitx idea tajba li nkun onest dwar it-twemmin tiegħi.”
L-esperjenza taʼ Hitoshi tfakkarna li mhux kulħadd japprezza l-onestà. Infatti, hemm min iqisha bħala żvantaġġ, speċjalment fil-qasam tan-negozju. “Jien imdawra b’nies diżonesti,” qalet impjegata fl-Afrika t’Isfel, “u kultant il-pressjoni biex issir bħalhom tkun kbira ħafna.”
Illum il-gideb hu forma taʼ diżonestà li hi mifruxa maʼ kullimkien. Xi snin ilu, studju minn Robert S. Feldman, psikologu fil-University of Massachusetts Amherst, sab li 60 fil-mija tal-adulti jigdbu mill-inqas darba f’konversazzjoni taʼ 10 minuti. “Kien riżultat sorprendenti,” jgħid Feldman. “Ma konniex qed nistennew li l-gideb ikun parti tant komuni fil-ħajja taʼ kuljum.” Mhijiex ħaġa stramba li l-biċċa l-kbira tan-nies jobogħdu li ħaddieħor jigdbilhom filwaqt li ftit huma l-prattiki li huma iżjed komuni mill-gideb?
Il-gideb, is-serq, u forom oħra taʼ diżonestà għala huma tant komuni llum? Id-diżonestà kif teffettwa lin-nies inġenerali? U iżjed importanti, kif nistgħu nevitaw li ninvolvu ruħna f’dawn il-prattiki diżonesti?