IL-BIBBJA TBIDDEL IL-ĦAJJIET
Ma ridtx immut!
-
SENA TAT-TWELID: 1964
-
POST TAT-TWELID: L-INGILTERRA
-
PASSAT: OMM ŻAGĦŻUGĦA MĦARBTA
IL-PASSAT TIEGĦI
Twelidt f’Paddington, post ġewwa Londra li fih jgħixu ħafna nies. Kont ngħix m’ommi u maʼ tliet ħuti bniet akbar minni. Missieri mhux dejjem kien parti minn ħajjitna peress li kellu l-problema tax-xorb.
Meta kont għadni żgħira, ommi għallmitni nitlob kull filgħaxija. Kelli Bibbja żgħira li kien fiha biss is-Salmi, u ivvintajt melodiji biex inkun nistaʼ nkantahom. Niftakarni naqra silta f’wieħed mill-kotba tiegħi li baqgħet stampata f’moħħi: “Xi darba għada ma jasalx.” Minħabba dan il-kliem, għamilt iljieli ma nagħlaqx għajn m’għajn naħseb fuq il-futur. Bejni u bejn ruħi kont naħseb: ‘Bilfors li hemm aktar fil-ħajja. Għala qiegħda hawn?’ Ma ridtx immut!
Kont sirt kurjuża ħafna dwar l-okkult. Kont nipprova nkellem lill-mejtin, inżur iċ-ċimiterji maʼ ħbiebi tal-iskola, kif ukoll nara films tal-biżaʼ magħhom. Konna naħsbu li dan kien eċċitanti u fl-istess ħin tal-biżaʼ.
Kelli biss għaxar snin meta qbadt it-triq għan-niżla. Bdejt inpejjep it-tabakk, u f’qasir żmien ma stajtx ngħaddi mingħajru. Aktar tard, żidt fil-vizzji billi bdejt inpejjep il-ħaxixa. Taʼ 11-il sena, bdejt nixrob l-alkoħol. Għalkemm fit-togħma ma kienx jogħġobni, l-effett tas-sokor iva. Kont inħobb ħafna wkoll il-mużika u ż-żfin. Kont immur parties u diskoteki kull meta stajt. Kont noħroġ billejl baxx baxx u nerġaʼ nidħol lura bl-istess mod ftit qabel ma kien ibexbex. Billi l-għada kont inkun għajjiena, taʼ spiss kont niskarta l-iskola. Meta kont immur, taʼ sikwit kont nixrob l-alkoħol bejn lezzjoni u oħra.
Fl-aħħar sena tal-iskola, ġibt marki baxxi ħafna. Peress li ommi ma tantx kienet konxja taʼ kemm kont tħarbatt, kienet diżappuntata u rrabjata ħafna. Kellna xi ngħidu u jien tlaqt mid-dar. Għal xi żmien kont ngħix man-namrat tiegħi, Tony, li kien Rasta. Hu kien involut f’reati żgħar, kien ibigħ id-drogi, u kien magħruf li kien vjolenti ħafna. Ma domtx ma nqbadt tqila u, taʼ 16-il sena biss, kellna l-ewwel tifel.
KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI
L-ewwel darba li ltqajt max-Xhieda taʼ Ġeħova kont ngħix f’dar għall-ommijiet mhux miżżewġa u t-trabi tagħhom.
Hemmhekk, l-awtoritajiet lokali kienu tawni kamra. Żewġ nisa Xhieda kienu jżuru regolarment xi wħud mill-ommijiet l-oħra li wkoll kienu għadhom żgħar. Darba waħda dħalt f’diskussjoni magħhom. L-intenzjoni tiegħi kienet li nuri li x-Xhieda kienu żbaljati. Madankollu, huma wieġbu l-ħafna mistoqsijiet li kelli bil-kalma u b’mod ċar mill-Bibbja. Ħadt pjaċir ħafna nitkellem magħhom għax kienu tant ħelwin u ġentili. Għalhekk aċċettajt li nistudja l-Bibbja magħhom.Malajr tgħallimt xi ħaġa mill-Bibbja li biddlitli ħajti. Minn mindu kont żgħira, kont nibżaʼ mill-mewt. Madankollu, issa sirt naf bit-tagħlim taʼ Ġesù dwar l-irxoxt! (Ġwanni 5:28, 29) Tgħallimt ukoll li Alla kien jimpurtah minni b’mod persunali. (1 Pietru 5:7) Messli qalbi b’mod speċjali l-kliem taʼ Ġeremija 29:11 li jgħid: “‘Għax jien naf il-ħsibijiet li qed naħseb dwarkom,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘ħsibijiet taʼ paċi, mhux taʼ ħsara, sabiex nagħtikom futur u tama.’” Bdejt nemmen li jistaʼ jkolli t-tama li ngħix għal dejjem f’Ġenna tal-art.—Salm 37:29.
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kienu jesprimu mħabba ġenwina lejja. Meta attendejt waħda mil-laqgħat tagħhom għall-ewwel darba, kien hemm atmosfera sabiħa—kulħadd kien ospitabbli u dħuli ħafna! (Ġwanni 13:34, 35) Dan kien kuntrast qawwi mal-mod kif kont ġejt ittrattata fil-knisja lokali. Ix-Xhieda laqgħuni minkejja ċ-ċirkustanzi tiegħi. Dawn tawni l-attenzjoni u l-ħin tagħhom, ħafna għajnuna prattika, u ħadu ħsiebi. Ħassejtni bħallikieku kont parti minn familja kbira taʼ mħabba.
Mill-istudju tal-Bibbja rrealizzajt li kien se jkolli nagħmel bidliet f’ħajti sabiex nilħaq mal-livelli morali għoljin t’Alla. Ma kinitx ħaġa faċli biex nieqaf inpejjep it-tabakk. Fl-istess ħin, indunajt li ċerta mużika kienet tqabbadni leblieba biex nieħu l-ħaxixa. Għalhekk, biddilt it-tip taʼ mużika li kont nismaʼ. Peress li ma ridtx nisker iżjed, ma bqajtx immur parties u diskoteki li kienu jħajruni nagħmel dan. U fittixt ħbieb ġodda li kienu se jgħinuni jkolli ħajja aħjar.—Proverbji 13:20.
Sadanittant, Tony wkoll kien qed jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova. Waqt li x-Xhieda kienu jwieġbu l-mistoqsijiet li kellu, hu wkoll sar konvint li dak li kien qed jitgħallem kien il-verità. Hu għamel bidliet kbar f’ħajtu: ma baqax jagħmilha mal-ħbieb vjolenti li kellu qabel, waqaf jagħmel ir-reati żgħar, u qataʼ l-ħaxixa. Biex nogħġbu l-Ġeħova aktar bis-sħiħ, it-tnejn li aħna rajna l-bżonn li nirranġaw il-ħajja immorali li konna qed ngħixu u li nipprovdu ambjent stabbli għat-tifel tagħna. Għalhekk, iżżewwiġna fl-1982.
“Issa m’għadnix ngħaddi ljieli mqajma ninkwieta dwar il-futur jew dwar il-mewt”
Niftakarni nfittex artikli fir-rivisti tat-Torri tal-Għassa u Stenbaħ! * li kellhom rakkonti taʼ nies li rnexxielhom jagħmlu l-bidliet f’ħajjithom li jien xtaqt nagħmel. Kemm inkuraġġewni l-eżempji tagħhom! Ħassejtni msaħħa biex nibqaʼ nistinka u biex ma nċedix. Komplejt nitlob lil Ġeħova biex ma jaqtax qalbu minni. Jiena u Tony tgħammidna bħala Xhieda taʼ Ġeħova f’Lulju tal-1982.
KIF IBBENEFIKAJT
Ħajti ġiet salvata għax żviluppajt relazzjoni m’Alla Ġeħova. Jiena u Tony esperjenzajna l-appoġġ taʼ Ġeħova matul żminijiet diffiċli wkoll. Tgħallimna nistrieħu fuq Alla waqt li għaddejna minn diffikultajiet, u nħossu li hu dejjem għenna u kompla jsaħħaħ il-familja tagħna.—Salm 55:22.
Sibt l-għaxqa f’li ngħin it-tifel u tifla tagħna biex isiru jafu lil Ġeħova bħalma nafu jien. Issa nħoss ferħ simili hekk kif nara t-tfal tagħhom jikbru fl-għarfien t’Alla wkoll.
Issa m’għadnix ngħaddi ljieli mqajma ninkwieta dwar il-futur jew dwar il-mewt. Jiena u Tony okkupati bis-sħiħ nivvjaġġaw kull ġimgħa minn kongregazzjoni għall-oħra tax-Xhieda taʼ Ġeħova biex nagħtu l-inkuraġġiment. Aħna ningħaqdu mal-membri taʼ dawn il-kongregazzjonijiet f’li nuru lil oħrajn li jekk jeżerċitaw il-fidi f’Ġesù, huma wkoll ikunu jistgħu jgawdu ħajja eterna.
^ par. 19 Ippubblikat ukoll mix-Xhieda taʼ Ġeħova.