Għandhom il-Kristjani jqimu f’postijiet meqjusin sagri?
KULL sena, iżjed minn sitt miljun ruħ jivvjaġġaw lejn foresta taċ-ċedru fil-Peniżola taʼ Shima fil-Ġappun. Imorru lejn in-Niċċa Grandjuża taʼ Ise, fejn l-alla mara tax-Xintù, Amaterasu Omikami, ilha tiġi meqjuma xi elfejn sena. L-aduraturi l-ewwel jippurifikaw lilhom infushom billi jaħslu jdejhom u ħalqhom. Imbagħad, bilwieqfa quddiem il-haiden tan-niċċa (sala għall-qima), isegwu ritwal li fih imilu, iċapċpu, u jitolbu lill-alla mara. * Ix-Xintù tippermetti lill-membri tagħha jipprattikaw reliġjonijiet oħra, u xi Buddisti, dawk li jgħidu li huma Kristjani, u oħrajn ma jħossu li jagħmlu l-ebda kompromess f’li jieħdu sehem fir-ritwali Xintù f’dan il-post meqjus sagru.
Ħafna mir-reliġjonijiet ewlenin tad-dinja għandhom postijiet li jqisuhom sagri, * u miljuni taʼ nies bla għadd iżuruhom. F’pajjiżi li jgħidu li huma Kristjani, hemm ħafna knejjes u niċeċ iddedikati lil Ġesù, lil Marija, u lill-qaddisin. Oħrajn bħalhom huma mibnijin f’postijiet fejn jinżammu relikwi reliġjużi jew fejn ġrajjiet Bibliċi jew “mirakli” taʼ żminijiet iżjed reċenti jintqal li saru. Ħafna nies imorru f’dawn il-postijiet meqjusin sagri għax jemmnu li t-talb tagħhom aktarx jintlaqaʼ aħjar jekk jintqal f’post sagru. Għal oħrajn, li jaslu sa post meqjus sagru jkun it-tmiem taʼ pellegrinaġġ li jkunu għamlu biex juru d-devozzjoni reliġjuża tagħhom.
Ikun hemm iżjed ċans li jinstemgħu u jitwieġbu t-talb u l-petizzjonijiet jekk dawn jiġu offruti f’post meqjus sagru? Togħġbu lil Alla d-devozzjoni taʼ dawk li jagħmlu pellegrinaġġi lejn xi niċċa? Iktar importanti, għandhom il-Kristjani jqimu f’postijiet meqjusin sagri? It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet mhux biss se jgħidulna kif għandna nqisu l-qima li tingħata quddiem niċċa imma tgħinna wkoll nifhmu x’tip taʼ qima togħġob lil Alla.
QIM “BL-ISPIRTU U L-VERITÀ”
Konversazzjoni li kellu Ġesù mal-mara Samaritana turi l-ħarsa taʼ Alla lejn il-qima f’postijiet ‘sagri’ jew niċeċ. Ġesù kien qed jivvjaġġa fis-Samarija u waqaf jistrieħ ħdejn bir qrib il-belt taʼ Sikar. Beda jitkellem maʼ mara li ġiet tieħu l-ilma mill-bir. Waqt il-konversazzjoni, il-mara semmiet differenza ewlenija bejn il-Lhud u s-Samaritani. “Missirijietna qiemu fuq din il-muntanja,” qalet hi, “imma intom tgħidu li f’Ġerusalemm hu l-post fejn in-nies għandhom iqimu.”—Ġwanni 4:5-9, 20.
Il-muntanja li kienet qed tirreferi għaliha l-mara kienet il-Muntanja Geriżim, li qiegħda xi 50 kilometru lejn it-Tramuntana taʼ Ġerusalemm. Hemmhekk Ġwanni 4:21) X’kumment impressjonanti, speċjalment mingħand Lhudi! Għala kellha tieqaf il-qima fit-tempju taʼ Alla f’Ġerusalemm?
darba s-Samaritani kellhom tempju fejn kienu jiċċelebraw festi bħall-Qbiż. Madankollu, minflok ma ffoka fuq din id-differenza kontroversjali bejniethom, Ġesù qal lill-mara: “Emminni, mara, ġejja s-siegħa meta la fuq din il-muntanja u lanqas f’Ġerusalemm ma tqimuh lill-Missier.” (Ġesù kompla: “Ġejja s-siegħa, u hi issa, meta l-aduraturi veri jqimu lill-Missier bl-ispirtu u l-verità, għax, tabilħaqq, il-Missier qed ifittex nies bħal dawn biex iqimuh.” (Ġwanni 4:23) Għal sekli sħaħ, il-Lhud qiesu t-tempju manjifiku f’Ġerusalemm bħala ċ-ċentru għall-qima tagħhom. Huma vvjaġġaw ’l hemm tliet darbiet fis-sena biex jagħmlu sagrifiċċji lil Alla tagħhom, Ġeħova. (Eżodu 23:14-17) Imma Ġesù qal li dan kollu kellu jinbidel u li “aduraturi veri” kellhom iqimu “bl-ispirtu u l-verità.”
It-tempju Lhudi kien struttura letterali f’post ġeografiku speċifiku. Imma l-ispirtu u l-verità mhumiex materjali, lanqas mhuma limitati għal xi post fiżiku. B’hekk, Ġesù kien qed jispjega li l-qima Kristjana vera ma kinitx se tkun iċċentrata fuq jew dipendenti minn ebda struttura materjali jew post fiżiku, kemm jekk il-Muntanja Geriżim, it-tempju f’Ġerusalemm, jew kwalunkwe post sagru ieħor.
Fil-konversazzjoni tiegħu mal-mara Samaritana, Ġesù semma wkoll li “s-siegħa” għal din il-bidla fil-qima lejn Alla kienet “ġejja.” Dan meta kien se jiġri? Is-siegħa ġiet meta Ġesù, permezz tal-mewt taʼ sagrifiċċju tiegħu, temm is-sistema taʼ qima Lhudija bbażata fuq il-Liġi taʼ Mosè. (Rumani 10:4) Però, Ġesù qal ukoll: “Is-siegħa . . . hi issa.” Għala? Għax bħala l-Messija, hu kien diġà qed jiġbor lid-dixxipli li kienu se jobdu l-kmand li mbagħad semma: “Alla hu Spirtu, u dawk li jqimuh iridu jqimu bl-ispirtu u l-verità.” (Ġwanni 4:24) Mela, x’jiġifieri qima bl-ispirtu u l-verità?
Meta Ġesù semma l-qima, ma kienx qed jitkellem dwar forma taʼ qima spirituża, fuq ruħha, jew entużjastika. Pjuttost, kien qed jitkellem dwar li wieħed ikun immexxi bl-ispirtu qaddis t’Alla, li fost affarijiet oħra jiggwida l-fehma tagħna tal-Iskrittura. (1 Korintin 2:9-12) U l-verità li rrefera għaliha Ġesù hi għarfien eżatt taʼ tagħlim mill-Bibbja. Għalhekk, iżjed milli tingħata f’xi post speċjali, il-qima tagħna tkun aċċettata minn Alla jekk tkun skont dak li tgħallem il-Bibbja u tkun iggwidata bl-ispirtu qaddis.
IL-ĦARSA KRISTJANA LEJN IL-POSTIJIET MEQJUSIN SAGRI
Mela, il-Kristjani kif għandhom iqisu l-pellegrinaġġi u l-qima f’postijiet meqjusin sagri? Meta nqisu l-kmand taʼ Ġesù li l-aduraturi veri jqimu lil Alla bl-ispirtu u l-verità, jidher ċar li qima quddiem kwalunkwe niċċa jew f’post meqjus sagru m’għandha l-ebda valur speċjali għal Missierna tas-sema. Iżjed minn hekk, il-Bibbja tgħidilna kif Alla jqis il-qima tal-idoli. Tgħid: “Aħarbu mill-idolatrija” u “ħarsu ruħkom mill-idoli.” (1 Korintin 10:14; 1 Ġwanni 5:21) Għalhekk, Kristjan veru ma jqimx f’xi post li jitqies bħala sagru fih innifsu jew wieħed li jinkuraġġixxi l-idolatrija. B’hekk, minħabba n-natura nfisha tal-postijiet meqjusin sagri, il-Kristjani veri ma jqimux f’postijiet bħal dawn.
Però, dan ma jfissirx li l-Kelma t’Alla tipprojbixxi li jkollok post preferut għat-talb, l-istudju, jew għall-meditazzjoni. Post fejn jinġabru n-nies għall-qima li hu miżmum tajjeb u taʼ dinjità jwassal għal tagħlim u diskussjoni t’affarijiet spiritwali. Lanqas mhu ħażin tagħmel xi mafkar, bħal lapida, għal xi persuna li tkun mietet. Dan jistaʼ sempliċement ikun espressjoni taʼ tifkira taʼ jew affezzjoni lejn il-mejjet. Madankollu, li tqis post bħal dan sagru jew li tqim l-istatwi jew relikwi fih imur totalment kontra l-kliem taʼ Ġesù.
Għalhekk, m’għandekx għalfejn tmur quddiem xi niċċa bit-tama li jkun hemm iżjed ċans li Alla jilqaʼ t-talba tiegħek minn hemm. Lanqas mhu se jieħu pjaċir bik Alla jew jagħtik xi barkiet speċjali talli għamilt pellegrinaġġ lejn xi post sagru. Il-Bibbja tgħidilna li Alla Ġeħova, il-“Mulej tas-sema u l-art, ma jgħammarx f’tempji magħmulin bl-idejn.” Imma dan ma jfissirx li Alla hu ’l bogħod minna. Nistgħu nitolbuh inkunu fejn inkunu u hu jismagħna għax “m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.”—Atti 17:24-27.
^ par. 2 Ir-ritwali jistgħu jvarjaw f’niċeċ tax-Xintù differenti.
^ par. 3 Ara l-kaxxa “ X’inhuma l-postijiet meqjusin sagri?”