Nistgħu nafdaw l-astrologi u ’l dawk li jbassru l-futur?
L-ASTROLOĠIJA
L-astroloġija hi tip taʼ tbassir li hu bbażat fuq it-twemmin li l-istilel, il-qamar, u l-pjaneti jinfluwenzaw bil-kbir il-ħajja tan-nies fuq l-art. L-astrologi jsostnu li l-futur u l-personalità taʼ xi ħadd huma influwenzati mill-pożizzjoni taʼ fejn ikunu dawn l-affarijiet meta jitwieled.
Minkejja li l-oriġini tal-astroloġija hija antika ħafna u tmur lura għaż-żmien Babilonja tal-qedem, xorta waħda għadha popolari. Infatti, għad hawn ħafna nies li jemmnu lill-astrologi u dak li jbassru. Imma nistgħu noqogħdu fuq dak li jgħidu? Le. Hawnhekk se ssib għala.
-
Il-pjaneti u l-istilel m’għandhomx il-qawwa li jeffettwaw lin-nies bħalma jgħidu l-astrologi.
-
Normalment it-tbassir tagħhom tant ikun ġenerali li jistaʼ japplika għal kulħadd.
-
Illum l-astrologi jagħmlu l-kalkoli tagħhom skont it-twemmin antik li l-pjaneti jduru madwar id-dinja. Imma, fil-fatt, il-pjaneti jduru madwar ix-xemx.
-
L-astrologi ma jaqblux bejniethom f’dak li jbassru dwar l-istess persuna.
-
L-astrologi jpoġġu lin-nies taħt waħda mit-12-il kategorija taʼ stilel, jew sinjali żodjakali, skont id-data li jkunu twieldu fiha. Matul is-sekli, il-pożizzjoni tal-art fl-ispazju tinbidel. Minħabba f’hekk, id-dati li huma assoċjati mas-sinjali żodjakali m’għadhomx jaqblu maʼ meta x-xemx tkun tidher fuq il-gruppi taʼ stilel li s-sinjali ġew imsemmijin għalihom.
Jingħad li s-sinjali żodjakali jagħtu ħjiel taʼ kif se jkun il-karattru taʼ dak li jkun. Imma fil-verità, in-nies li jagħlqu żmienhom fl-istess jum m’għandhomx l-istess karattru; il-jum tat-twelid taʼ persuna ma juri xejn dwar il-personalità tagħha. Minflok ma jaraw lin-nies kif inhuma verament, l-astrologi jiġġudikaw l-imġiba u l-karattru taʼ dak li jkun billi jassumu. Mhuwiex dan tip taʼ preġudizzju?
DAWK LI JBASSRU L-FUTUR
In-nies ilhom imorru għand dawk li jbassru l-futur sa minn żmien il-qedem. Xi wħud minn dawk li kienu jbassru kienu jużaw affarijiet bħall-ġewwieni taʼ xi annimal jew taʼ bniedem, jew jaraw il-mod kif serduq inaqqar l-ikel tiegħu biex jgħidu x’se jiġri. Oħrajn kienu jużaw il-kafè jew il-weraq tat-te biex ibassru. Illum jużaw karti tal-qari tax-xorti, boċċi tal-kristall, dammi, u affarijiet oħra biex “jaqraw” il-futur taʼ persuna. Nistgħu nafdaw lil dawk li jbassru l-futur biex inkunu nafu x’se jiġri? Le, lanqas xejn. Ejja nirraġunaw fuq din il-ħaġa.
Ikkunsidra l-kwistjoni tal-konsistenza. Dawk li jbassru l-futur jużaw metodi differenti, imma spiss jikkontradixxu lil xulxin f’dak li jgħidu. Anki meta jużaw l-istess metodu, dak li jbassru jkun differenti. Pereżempju, jekk individwu jmur għand tnejn min-nies li jbassru l-futur u li jużaw l-istess karti biex “jaqraw” il-futur, il-loġika titlob li t-tweġiba tagħhom tkun l-istess. Imma spiss ma jkunx hekk.
Hemm dubji dwar il-metodi jew il-motivi taʼ dawk li jbassru l-futur. Xi kritiċi jgħidu li l-karti u l-boċċi tal-kristall huma sempliċi affarijiet biex taparsi qed jaraw xi ħaġa. Imbagħad dawk li jbassru l-futur joqogħdu attenti għal kif persuna tirreaġixxi minflok ma jkun moħħhom x’qed juru l-affarijiet. Pereżempju, xi ħadd tas-sengħa jsaqsi mistoqsijiet ġenerali u mbagħad joqgħod attent ħafna għal kif persuna twieġeb u x’mossi tagħmel ħalli jkun jistaʼ jikseb xi ħjiel dwar il-klijent. Imbagħad dak li jbassar il-futur jieħu l-mertu għax ikun jaf fatti u sitwazzjonijiet li l-klijent ikun għadu kif qallu bla ma jaf. Meta jiksbu l-fiduċja tal-klijenti, xi wħud minn dawk li jbassru l-futur jirnexxilhom jieħdu somom kbar taʼ flus mingħandhom.
DAK LI TGĦIDILNA L-BIBBJA
Min jaħdem fl-astroloġija u jbassar il-futur jagħti x’jifhem li l-futur tagħna hu deċiż minn qabel, li kulħadd għandu destin. Imma huwa minnu dan? Il-Bibbja tgħidilna li aħna stess nistgħu nagħżlu dak li nemmnu jew dak li rridu nagħmlu. Dak li nagħżlu se jeffettwa l-futur tagħna.—Ġożwè 24:15.
L-adoraturi t’Alla għandhom raġuni oħra biex ma jaċċettawx l-astroloġija u t-tbassir tal-futur—Alla jikkundanna kull forma taʼ teħbir. Fil-Bibbja nsibu dan il-kliem: “M’għandux jinstab fik xi ħadd . . . li jeħber, min jipprattika l-maġija jew xi ħadd li jfittex sinjali li bihom jaqra l-futur jew saħħâr, jew min jagħmel xi magħmul fuq ħaddieħor jew xi ħadd li jikkonsulta maʼ medjum taʼ l-ispirti jew min xogħlu hu li jbassar il-ġrajjiet jew xi ħadd li jistħarreġ dwar il-mejtin. Għax kulmin jagħmel dawn l-affarijiet ikun xi ħaġa mistkerrha għal Ġeħova.” a—Dewteronomju 18:10-12.
a Dan hu l-isem tal-“Iktar Għoli fuq l-art kollha.”—Salm 83:18.