It-tbassir dwar il-futur
Qatt ħsibt kif se jkun il-futur għalik u għall-familja tiegħek? Se tkun sinjur jew fqir, se tkun maħbub jew se tħossok waħdek? Se tgħix ħajja twila jew ħajtek se tintemm ħesrem? In-nies ilhom eluf taʼ snin jispekulaw fuq mistoqsijiet bħal dawn.
Illum l-esperti jistudjaw xi jkun qed jingħoġob u xi jkun popolari fid-dinja u mbagħad jgħidu x’se jiġri fil-futur. Filwaqt li ħafna minn dak li jbassru jseħħ, xi affarijiet li jgħidu mhux talli ma jseħħux imma talli jmorru żmerċ. Pereżempju, fl-1912, Guglielmo Marconi, l-inventur taʼ telegrafu bla wajer, ġie kwotat li bassar: “Il-gwerer kollha se jispiċċaw meta jkun hawn l-era li ma tużax wajers.” U rappreżentant tad-Decca Record Company, li m’aċċettax li jaħdem mal-Beatles fl-1962, kien jemmen li l-gruppi li jdoqqu l-kitarri kien għadda żmienhom.
Ħafna jduru lejn is-sopranaturali biex jiksbu xi ħjiel dwar il-futur. Xi wħud jieħdu pariri minn astrologi, u f’ħafna rivisti u gazzetti jkun hemm l-oroskopju b’mod regolari. Oħrajn imorru għand dawk li jbassru l-futur għax jemmnu li dawn “jaqraw” il-futur billi jinterpretaw il-karti tal-qari tax-xorti, in-numri, jew il-linji li jkun hemm fuq il-pala tal-id taʼ dak li jkun.
Bi sforz biex isiru jafu l-futur, xi nies li għexu żmien twil ilu kienu jmorru għand orakli—qassisin irġiel jew nisa li kienu jgħaddu informazzjoni mingħand l-alla li kienu jgħidu li jirrappreżentaw. Pereżempju, jingħad li s-Sultan Croesus taʼ Lidja bagħat rigali li kienu jiswew ħafna flus lill-oraklu taʼ Delfi, il-Greċja, biex isir jaf x’kien se jkun ir-riżultat jekk jiġġieled kontra Ċiru tal-Persja. L-oraklu qal li Croesus kien se jeqred “imperu kbir” jekk imur kontra Ċiru. Fiduċjuż li se jirbaħ, Croesus mar jiggwerra kontrih, imma l-imperu kbir li nqered kien tiegħu stess!
It-tbassir xejn ċar tal-oraklu ma kienx t’għajnuna. Dan setaʼ jidher li kien minnu, jirbaħ min jirbaħ il-gwerra. Croesus tilef kollox minħabba din l-informazzjoni ħażina. Dawk li llum qed iduru lejn metodi popolari li jbassru l-futur, qegħdin imorru aħjar?