Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Wegħdi li se jseħħu żgur

Wegħdi li se jseħħu żgur

L-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla qed tiġi ppritkata fl-​art kollha, bħalma pprofetizza Ġesù. (Mattew 24:14) Il-​ktieb Bibliku taʼ Danjel jgħidilna li din is-​Saltna hi gvern minn Alla. Kapitlu 2 taʼ dan il-​ktieb fih profezija li turi liema gvernijiet, jew saltniet, umani kienu se jkunu dominanti, minn żmien Babilonja tal-​qedem sal-​lum il-​ġurnata. Vers 44 ibassar dak li se jiġri fil-​futur:

“L-​Alla tas-​sema jwaqqaf saltna li qatt ma tinqered. U din is-​saltna ma tgħaddix għal għand poplu ieħor. Hi se tfarrak u ttemm dawn is-​saltniet kollha, u hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”

Din u profeziji oħrajn tal-​Bibbja jbassru li s-​Saltna t’Alla se tieħu post it-​tmexxija tal-​bniedem u ġġib stabbiltà u ordni għan-​nies fuq l-​art. Kif se tkun il-​ħajja taħt din is-​Saltna? Hawnhekk se ssib xi wegħdi tal-​għaġeb li se jseħħu dalwaqt.

  • IL-GWERER SE JISPIĊĊAW

    Salm 46:9: “[Alla] qed iwaqqaf il-​gwerer sa tarf l-​art. Il-​qaws jaqsmu fi tnejn u l-​lanza jkissirha biċċiet; il-​karrijiet jaħraqhom fin-​nar.”

    Immaġina kif tkun id-​dinja kieku l-​flus kollha u s-​sengħa tal-​bnedmin li bħalissa qed jintużaw biex jiġu vvintati l-​armi jibdew jintużaw biex jgħinu lin-​nies minflok biex joqtluhom! Din il-​wegħda se ssir realtà taħt is-​Saltna t’Alla.

  • IL-MARD SE JISPIĊĊA

    Isaija 33:24: “Ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’”

    Aħseb dwar dinja li fiha ħadd ma jkollu mard tal-​qalb, kanċer, malarja, jew xi tip taʼ mard ieħor. L-​isptarijiet u l-​mediċina mhux se jkollna bżonnhom iktar. Dawk li se jgħixu fuq l-​art se jgawdu saħħa perfetta.

  • IN-NUQQAS T’IKEL SE JISPIĊĊA

    Salm 72:16: “Se jkun hemm ħafna qmuħ fuq l-​art; fuq il-​qċaċet tal-​muntanji jkun hemm iżżejjed.”

    L-​art se tipproduċi biżżejjed ikel għal kulħadd, u kull persuna se jkollha bl-​abbundanza. Il-​ġuħ u l-​malnutrizzjoni se jispiċċaw.

  • L-UĠIGĦ, IN-NIKET, U L-MEWT SE JISPIĊĊAW

    Rivelazzjoni 21:4: “[Alla] jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-​affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.”

    Dan ifisser li n-​nies se jgħixu għal dejjem bħala bnedmin perfetti fuq art magħmula ġenna! Dan hu dak li wegħedna l-​Ħallieq tagħna li tant iħobbna, Alla Ġeħova.

“ŻGUR TIRNEXXI”

Jidher li hu impossibbli dan kollu? Ħafna nies mill-​ewwel jaqblu li l-​ħajja kif inhi mwiegħda u deskritta fil-​Bibbja hi xi ħaġa li kulħadd jixtieqha. Però, għal raġunijiet differenti, ħafna jsibuha diffiċli biex jifhmu l-​idea li l-​bnedmin jistgħu jgħixu għal dejjem. Din mhix taʼ sorpriża għalina, għax ħadd qatt m’esperjenza ħajja bħal din, u għalhekk qatt ma smajna dwarha.

Il-​bnedmin tant ilhom skjavi tad-​dnub u l-​mewt, u tant l-​uġigħ, is-​sofferenza, u d-​diffikultajiet saru parti mill-​ħajja li ħafna nies jaħsbu li huma affarijiet normali jew naturali. Imma dan hu differenti ħafna minn kif kien l-​iskop tal-​Ħallieq tagħna, Alla Ġeħova.

Biex jgħinna nifhmu kemm dak kollu li wegħedna se jiġri żgur, Alla b’enfasi qal dwar il-​kelma tiegħu: “Ma terġax lura lejja mingħajr riżultati, imma żgur tagħmel dak li jogħġobni, u żgur tirnexxi f’dak li bgħattha tagħmel.”—Isaija 55:11.

Fil-​Bibbja, Ġeħova hu deskritt bħala l-​Alla “li ma jistax jigdeb.” (Titu 1:2) Peress li hu wegħedna dawn l-​affarijiet sbieħ kollha għall-​futur, ikun għaqli jekk min-​naħa tagħna nikkunsidraw dawn il-​mistoqsijiet: Hu verament possibbli għall-​bnedmin biex jgħixu għal dejjem fl-​art magħmula Ġenna li Alla wiegħed? X’għandna nagħmlu biex nibbenefikaw minn din il-​wegħda? Fil-​paġni li jmiss taʼ din il-​pubblikazzjoni se ssib informazzjoni li tgħinek twieġeb dawn il-​mistoqsijiet.