Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Meta jkollok marda serja

Meta jkollok marda serja

“Meta sirt naf li kelli kanċer tal-​pulmun u l-​musrana, ħassejt li kont għadni kif irċivejt is-​sentenza tal-​mewt. Imma wara li wasalt id-​dar mingħand it-​tabib, għedt bejni u bejn ruħi, ‘Orrajt, ma kontx qed nistenna din l-​aħbar, imma rrid insib mod kif inkampa.’”—Linda, li għandha 71 sena.

“Jien inbati minn marda taʼ wġigħ kbir li teffettwali n-​nervituri tan-​naħa tax-​xellug taʼ wiċċi. Xi kultant, l-​uġigħ tant ikun gravi li minħabba f’hekk waqajt f’dipressjoni. Spiss kont inħossni waħdi u anke ħsibt dwar li nagħmel suwiċidju.”—Elise, li għandha 49 sena.

JEKK int jew xi ħadd li tħobb sar jaf li għandu marda li tistaʼ twassal għall-​mewt, taf kemm jistaʼ jkun taʼ wġigħ. U minbarra l-​marda nfisha, ikollok tkampa maʼ emozzjonijiet fraġli. Il-​biżaʼ u l-​ansjetà jistgħu jiżdiedu minħabba l-​appuntamenti stressanti għand it-​tabib, id-​diffikultà biex tikseb kura jew biex tħallasha, jew l-​effetti tal-​mediċina. L-​uġigħ mentali li hu assoċjat maʼ mard serju jistaʼ jkun wisq għalik.

Fejn nistgħu nduru għall-​għajnuna? Ħafna sabu li jitfarrġu l-​iktar meta jistrieħu fuq Alla permezz tat-​talb u meta jaqraw siltiet inkuraġġanti mill-​Bibbja. Għajnuna oħra tistaʼ tiġi mill-​imħabba u l-​appoġġ li jistgħu jipprovdu l-​familja u l-​ħbieb.

KIF XI WĦUD KAMPAW

Robert li għandu 58 sena ta dan il-​parir: “Uri fidi f’Alla waqt li tiffaċċja l-​marda u hu jgħinek tissaporti. Dur lejn Ġeħova fit-​talb. Għidlu kif tħossok. Itlob biex itik l-​ispirtu qaddis. Staqsih biex jgħinek tkun pożittiv u tinkuraġġixxi lill-​familja tiegħek u biex iżżomm kalm waqt li tissaporti l-​marda tiegħek.

“Ikun t’għajnuna kbira meta l-​familja tappoġġak emozzjonalment, meta jkunu hemm għalik. Kuljum minn tal-​inqas iċempel xi ħadd minnhom biex jistaqsini kif jien. Nirċievi l-​inkuraġġiment mingħand ħbieb anke li joqogħdu ’l bogħod. Dan veru jġegħelni nħossni aħjar u jgħinni biex ma naqtax qalbi.”

Jekk int ħabib li qed iżżur lil xi ħadd marid, innota x’tgħid Linda: “Il-​persuna marida aktarx li tkun tixtieq tkompli b’ħajja normali kemm jistaʼ jkun u forsi mhux dejjem tkun tixtieq titkellem dwar il-​marda. Allura aħjar li titkellem dwar l-​affarijiet li titkellem dwarhom is-​soltu.”

Bis-​saħħa mingħand Alla u l-​faraġ mill-​Iskrittura, kif ukoll bl-​appoġġ tal-​familja u l-​ħbieb, aħna nistgħu nkunu fiduċjużi li l-​ħajja hi taʼ min jgħixha, anke meta nkunu qed niffaċċjaw marda serja.