Meta jseħħ diżastru
JEKK int esperjenzajt xi diżastru, allura tistaʼ tifhem kif iħossuhom oħrajn li jgħaddu minn din l-esperjenza kerha. Huma jkunu xxokkjati, ma jkunux iridu jemmnu, konfużi, ansjużi, u jkollhom ħolm ikrah. Uħud li jibqgħu ħajjin wara diżastru tant iħossuhom qalbhom maqtugħa u għajjenin li lanqas biss ikollhom ix-xewqa li jippruvaw jirkupraw.
Jekk int tlift kulma kellek minħabba xi diżastru, anki int forsi tħoss li ma tiflaħx għal iktar stress u ansjetà. Jaf saħansitra jgħaddilek minn moħħok li l-ħajja mhix taʼ min jgħixha. Però, il-Bibbja tispjega li l-ħajja hi taʼ min jgħixha u li int jistaʼ jkollok bażi soda biex tittama għall-futur aħjar.
IL-VERITÀ TAL-BIBBJA TAGĦTINA TAMA
Ekkleżjasti 7:8 jgħid: “Aħjar it-tmiem taʼ xi ħaġa milli l-bidu tagħha.” Il-ħajja tistaʼ tidher bla tama meta tipprova tibda tirkupra minn diżastru. Imma hekk kif bil-mod il-mod tibda taħdem iebes biex iġġib ħajtek lura għan-normal, l-affarijiet jistgħu jmorru għall-aħjar.
Il-Bibbja tbassar żmien meta “ma jinstemax iktar . . . il-ħoss taʼ biki jew il-ħoss t’għajat taʼ dwejjaq.” (Isaija 65:19) Dan se jseħħ meta l-art tiġi trasformata f’ġenna taħt is-Saltna t’Alla. (Salm 37:11, 29) Id-diżastri se jkunu xi ħaġa tal-passat. Kull memorja taʼ wġigħ u kull trawma se jitneħħew għal dejjem, għax Alla li Jistaʼ Kollox iwiegħed: “L-affarijiet taʼ qabel ma jitfakkrux, u lanqas ma jweġġgħu l-qalb.”—Isaija 65:17.
Aħseb ftit: Il-Ħallieq għamel arranġament ‘sabiex jagħtik futur u tama’—ħajja fil-paċi taħt it-tmexxija perfetta t’Alla. (Ġeremija 29:11) Li tkun taf din il-verità, jistaʼ verament jagħmel il-ħajja taʼ min jgħixha? Sally, li ssemmiet fl-ewwel artiklu, tgħid, “Li tiftakar fl-affarijiet meraviljużi li se tagħmel is-Saltna t’Alla għalina fil-futur jistaʼ jgħinek biex tħalli l-passat warajk u tkampa fis-sitwazzjoni li tkun fiha.”
Għala ma titgħallimx iktar dwar x’se tagħmel dalwaqt is-Saltna t’Alla għall-bnedmin? Jekk tagħmel dan, tistaʼ tkun fiduċjuż li minkejja d-diżastru li għaddejt minnu, il-ħajja hi taʼ min jgħixha issa hekk kif tistenna b’ħerqa futur fejn mhux se jkun hemm iktar diżastri. Sadanittant, il-Bibbja tagħti gwida prattika li tistaʼ tgħinek tkampa mal-effetti taʼ wara diżastru. Ikkunsidra ftit eżempji.