Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Meta tħoss li qtajt qalbek mill-ħajja

Meta tħoss li qtajt qalbek mill-ħajja

“Dejjem bqajt inħoss dawk l-​emozzjonijiet,” tammetti Adriana, mill-​Brażil. “Allura kkonkludejt li jkun aħjar jekk inneħħi ħajti b’idejja.”

ĠIELI ħassejtek daqshekk ħażin li ma xtaqtx tibqaʼ tgħix iktar? Mela forsi tifhem kif ħassitha Adriana. Hi batiet minn anzjetà qawwija u kienet tħossha mdejqa u bla tama. Adriana saret taf li kellha dipressjoni klinika.

Ikkunsidra wkoll kif ħassu raġel Ġappuniż jismu Kaoru, li kien jieħu ħsieb lill-​ġenituri morda tiegħu li kienu kbar fl-​età. “Dak iż-​żmien kelli wkoll wisq pressjoni fuq ix-​xogħol biex inkampa miegħu,” jispjega hu. “Maż-​żmien tlift l-​aptit, u ma bqajtx norqod sew. Bdejt naħseb kemm nistrieħ li kieku mmut.”

Raġel Niġerjan jismu Ojebode jgħid, “Kont inkun dejjem imdejjaq sal-​punt li nibki, allura bdejt nipprova nara kif se noqtol lili nnifsi.” Fortunatament, Ojebode, Kaoru, u Adriana ma għamlux suwiċidju. Imma kull sena mijiet taʼ eluf hekk jagħmlu.

FEJN TISTAʼ SSIB L-​GĦAJNUNA

Il-​maġġoranza tan-​nies li jikkommettu suwiċidju huma rġiel, li ħafna minnhom iħossuhom imbarazzati jitolbu l-​għajnuna. Ġesù qal li n-​nies morda għandhom bżonn tabib. (Luqa 5:31) Mela jekk int tħossok b’dan il-​mod, jekk jogħġbok tiddejjaqx tfittex l-​għajnuna. Ħafna li jbatu minn dipressjoni sabu li trattament mediku għenhom ikampaw. Kemm Ojebode, Kaoru, u kif ukoll Adriana rċivew għajnuna professjonali u issa qed ikampaw ħafna aħjar.

It-​tobba jistgħu jużaw mediċina jew terapija jew it-​tnejn li huma biex jikkuraw id-​dipressjoni. Dawk li jbatu minnha għandhom bżonn li l-​familja u l-​ħbieb tagħhom jipprovaw jifhmuhom, juru paċenzja, jieħdu ħsiebhom, u jappoġġjawhom. L-​aqwa ħabib li xi ħadd jistaʼ jkollu hu Alla Ġeħova, li jipprovdi għajnuna kbira fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja.

HEMM SOLUZZJONI DEJJIEMA?

Vittmi taʼ dipressjoni ħafna drabi jkollhom bżonn trattament twil u jridu jitgħallmu jkampaw billi jagħmlu aġġustamenti fil-​mod kif jgħixu. Imma jekk int għandek id-​dipressjoni, tistaʼ tħares ’il quddiem għal futur sabiħ, bħal Ojebode. Hu jgħid: “Inħares ’il quddiem biex nara t-​twettiq taʼ Isaija 33:24, li jbassar żmien fejn ħadd fuq l-​art ma jgħid, ‘Jien marid.’” Bħal Ojebode, ikseb faraġ mill-​wegħda t’Alla taʼ “art ġdida,” fejn mhux se jkun hemm iktar “uġigħ.” (Rivelazzjoni 21:1, 4) Din il-​wegħda tfisser li mhux se jkun hemm iktar uġigħ mentali u emozzjonali. L-​emozzjonijiet taʼ wġigħ li tħoss se jitilqu darba għal dejjem. L-​uġigħ emozzjonali qatt iktar mhu se tibqaʼ ‘tiftakru, u lanqas iweġġaʼ l-​qalb.’—Isaija 65:17.