Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | L-ERBAʼ RIKKIEBA TAŻ-ŻWIEMEL—KIF JEFFETTWAWNA?

L-​erbaʼ rikkieba taż-​żwiemel u int

L-​erbaʼ rikkieba taż-​żwiemel u int

Jitfaċċaw f’daqqa b’ħoss kbir! L-​erbaʼ żwiemel b’saħħithom u r-​rikkieba tagħhom tant jagħtu stampa ħajja li kważi donnhom iridu joħorġu mill-​paġni tal-​Bibbja! L-​ewwel żiemel hu abjad—ir-​rikkieb tiegħu huwa sultan glorjuż li għadu kif ġie maħtur. Warajh ġej żiemel lewn in-​nar. Fuqu hemm rikkieb li jneħħi l-​paċi minn fuq l-​art kollha. Imbagħad warajh hemm it-​tielet żiemel li hu iswed tuta. Fuqu hemm rikkieb li qed iżomm miżien ’il fuq hekk kif qed jiġi mxandar messaġġ taʼ swied il-​qalb dwar nuqqas taʼ ikel bażiku. Ir-​rabaʼ żiemel huwa aħdar safrani. Dan huwa sinjal taʼ mard qattiel u qed jiġi misjuq mill-​Mewt infisha. U l-​Qabar, il-​qabar komuni tal-​umanità, dejjem fil-​qrib. Dan qed jaħsad ħasda kbira taʼ ħajjiet!—Rivelazzjoni 6:1-​8.

“Kont imbeżżgħa l-​ewwel darba li qrajt dwar l-​erbaʼ rikkieba taż-​żwiemel. Ħassejt li kien ġej Jum il-​Ġudizzju u peress li kont għadni mhux lesta, ma kontx se nsalva.”—Crystal.

“Kont affaxxinat mill-​erbaʼ rikkieba li kienu fuq żwiemel b’lewn differenti minn xulxin. Ladarba fhimt x’kienet tfisser il-​viżjoni, bdiet tagħmel sens għalija.”—Ed.

Int tħossok bħalma kienet tħossha Crystal dwar l-​erbaʼ rikkieba taż-​żwiemel tal-​Apokalissi? Jew tħossok bħal Ed? Hu x’inhu l-​każ, il-​ġirja impressjonanti taʼ dawn ir-​rikkieba hi waħda mill-​iktar xeni magħrufa fir-​Rivelazzjoni, l-​aħħar ktieb tal-​Bibbja. Kont taf li tistaʼ tibbenefika jekk tifhem din il-​viżjoni? Kif? Alla jwiegħed li tistaʼ ssib ferħ taʼ veru jekk taqra u titgħallem minn dan il-​ktieb profetiku u tgħix ħajtek fi qbil miegħu.—Rivelazzjoni 1:1-​3.

Għalkemm xi wħud jibżgħu mill-​viżjoni tal-​erbaʼ rikkieba, l-​iskop tagħha mhuwiex li jbeżżgħek. Fil-​fatt, miljuni sabu li din il-​viżjoni ssaħħilhom il-​fidi tagħhom u saħansitra tagħtihom tama taʼ futur sabiħ. Dan tistaʼ tesperjenzah int ukoll. Jekk jogħġbok, kompli aqra.