Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | L-ERBAʼ RIKKIEBA TAŻ-ŻWIEMEL—KIF JEFFETTWAWNA?

L-erbaʼ rikkieba taż-żwiemel—Min huma?

L-erbaʼ rikkieba taż-żwiemel—Min huma?

L-​erbaʼ rikkieba taż-​żwiemel għandhom mnejn jidhru misterjużi u tal-​biżaʼ, imma m’għandux għalfejn ikun hekk. Għala le? Għax il-​Bibbja u l-​affarijiet li qed naraw madwarna jgħinuna nidentifikaw b’mod ċar x’jissimbolizza kull rikkieb. U għalkemm il-​ġirja tagħhom kienet sinjal taʼ gwaj għall-​art, tistaʼ tfisser ukoll aħbar tajba għalik u għall-​familja tiegħek. B’liema mod? L-​ewwel, ejjew naraw x’inhi l-​identità taʼ kull rikkieb.

IR-RIKKIEB TAŻ-ŻIEMEL L-ABJAD

Il-​viżjoni tibda hekk: “Rajt, u, ara, żiemel abjad; u dak li kien riekeb fuqu kellu qaws; u ngħatatlu kuruna, u ħareġ jirbaħ u jtemm ir-​rebħa tiegħu.”—Rivelazzjoni 6:2.

Min hu r-​rikkieb taż-​żiemel l-​abjad? Il-​bażi biex inkunu nafu min hu nsibuha fl-​istess ktieb tal-​Bibbja, ir-​Rivelazzjoni, li iktar tard jidentifika lil dan ir-​rikkieb tas-​sema bħala “l-​Kelma t’Alla.” (Rivelazzjoni 19:11-​13) Dan it-​titlu, Il-​Kelma, hu taʼ Ġesù Kristu, għax hu jaġixxi bħala l-​kelliemi t’Alla. (Ġwanni 1:1, 14) Apparti minn hekk, hu jissejjaħ “Sultan tas-​slaten u Sid tas-​sidien” u hu deskritt bħala “Leali u Veru.” (Rivelazzjoni 19:11, 16) B’mod ċar, hu għandu l-​awtorità biex ikun sultan-​gwerrier, u hu ma jużax il-​qawwa tiegħu b’xi mod korrott jew abbużiv. Madankollu, iqumu xi mistoqsijiet.

Min tah l-​awtorità lil Ġesù biex jirbaħ? (Rivelazzjoni 6:2) Il-​profeta Danjel ra viżjoni fejn il-​Messija, bħala “bin il-​bniedem,” ingħata “ħakma, dinjità, u saltna.” Dawn ingħatawlu minn ħadd ħlief “ix-​Xiħ fil-​Jiem,” jiġifieri Alla Ġeħova. * (Danjel 7:13, 14) B’hekk, huwa l-​Alla li Jistaʼ Kollox li lil Ġesù tah il-​qawwa u d-​dritt li jmexxi u jiġġudika. Minħabba li l-​Iskrittura spiss tuża l-​kulur abjad biex tissimbolizza ġustizzja, iż-​żiemel l-​abjad huwa simbolu xieraq tal-​gwerra mmexxija b’mod ġust minn Iben Alla.—Rivelazzjoni 3:4; 7:9, 13, 14.

Ir-​rikkieba taż-​żwiemel meta bdew il-​ġirja tagħhom? Innota li l-​ewwel rikkieb, Ġesù, jibda l-​ġirja tiegħu meta jirċievi kuruna. (Rivelazzjoni 6:2) Ġesù meta nħatar bħala Sultan fis-​sema? Dan ma kienx meta mar lura fis-​sema wara mewtu. Il-​Bibbja turi li lura f’dak iż-​żmien inbeda perijodu taʼ stennija. (Ebrej 10:12, 13) Ġesù lis-​segwaċi tiegħu qalilhom kif jistgħu jagħrfu t-​tmiem taʼ dan il-​perijodu taʼ stennija u l-​bidu tat-​tmexxija tiegħu fis-​sema. Hu qal li fil-​bidu tat-​tmexxija tiegħu, il-​kundizzjonijiet tad-​dinja kienu se jieħdu xejra għall-​agħar. Kellu jkun hemm gwerer, nuqqas t’ikel, u mard li jittieħed. (Mattew 24:3, 7; Luqa 21:10, 11) Ftit wara li faqqgħet l-​Ewwel Gwerra Dinjija fl-​1914, sar ovvju li l-​bniedem daħal f’dan il-​perijodu, żmien t’inkwiet fuq l-​art li l-​Bibbja ssejjaħlu “l-​aħħar jiem.”—2 Timotju 3:1-​5.

Ladarba Ġesù rċieva l-​kuruna tiegħu fl-​1914, għala l-​kundizzjonijiet marru għall-​agħar u mhux għall-​aħjar? Għax f’dak iż-​żmien, Ġesù beda jmexxi fis-​sema, u mhux fuq l-​art. F’dak iż-​żmien faqqgħet gwerra fis-​sema, u s-​Sultan li kien għadu kif ġie maħtur, Ġesù, li jissejjaħ Mikiel, waddab fuq l-​art lil Satana u d-​demonji tiegħu. (Rivelazzjoni 12:7-​9, 12) Minħabba f’hekk, Satana għadu mimli rabja għax jaf li ma fadallux ħafna żmien. Fil-​fatt, Alla mhux se jdum biex iwettaq ir-​rieda tiegħu kontra Satana hawn fuq l-​art. (Mattew 6:10) Issa, ejjew naraw kif it-​tlett iżwiemel l-​oħra jgħinuna nikkonfermaw li qed ngħixu “fl-​aħħar jiem” t’inkwiet. Għall-​kuntrarju tal-​ewwel rikkieb, li b’mod ċar jagħti stampa taʼ individwu partikulari, it-​tlieta taʼ warajh jirrappreżentaw il-​kundizzjonijiet tad-​dinja li nfirxu malajr fuq in-​nies kollha.

IR-​RIKKIEB TAŻ-​ŻIEMEL L-​AĦMAR

“Ħareġ żiemel ieħor, lewn in-​nar; u lil dak li kien riekeb fuqu ngħatalu li jneħħi l-​paċi minn fuq l-​art sabiex joqtlu lil xulxin; u ngħatatlu xabla kbira.”—Rivelazzjoni 6:4.

Dan ir-​rikkieb jirrappreżenta l-​gwerer. Innota li hu ma jneħħix il-​paċi minn ftit nazzjonijiet biss, imma mill-​art kollha. Fl-​1914, għall-​ewwel darba fl-​istorja umana, faqqgħet gwerra mad-​dinja kollha. Warajha kien hemm it-​Tieni Gwerra Dinjija, li kienet saħansitra iktar qerrieda. Xi kalkoli juru li mietu iktar minn 100 miljun ruħ minħabba l-​gwerer u l-​battalji mill-​1914 ’l hawn! Barra minn hekk, għadd enormi taʼ individwi oħrajn weġġgħu serjament.

Kemm huma mifruxin il-​gwerer illum il-​ġurnata? Għall-​ewwel darba fl-​istorja umana, il-​bniedem jidher li għandu l-​abbiltà li jeqred għalkollox in-​nies kollha. Lanqas l-​organizzazzjonijiet li jgħidu li qed jaħdmu għall-​paċi, bħall-​Ġnus Magħquda, ma rnexxielhom iwaqqfu lir-​rikkieb taż-​żiemel l-​aħmar.

IR-​RIKKIEB TAŻ-​ŻIEMEL L-​ISWED

“Rajt, u, ara, żiemel iswed; u dak li kien riekeb fuqu kellu miżien f’idu. U smajt leħen qisu f’nofs l-​erbaʼ ħlejjaq ħajjin jgħid: ‘Kilo qamħ jiswa dinar, u tliet kilojiet xgħir jiswew dinar; u ibżaʼ għaż-​żejt taż-​żebbuġa u għall-​inbid.’”—Rivelazzjoni 6:5, 6.

Ir-​rikkieb jirrappreżenta l-​ġuħ. Hawnhekk naraw stampa li l-​ikel tant kellu jkun skars li kilo qamħ kien se jiswa dinar. Dinar kien paga taʼ ġurnata xogħol fl-​ewwel seklu! (Mattew 20:2) B’dan stajt tixtri tliet kilogrammi xgħir. Dan kien jitqies inferjuri għall-​qamħ. Familja kbira kemm kienet se ddum tiekol minnu? In-​nies jiġu mwissijin biex ikunu prudenti anki fl-​ikel taʼ kuljum. Deskrizzjoni xierqa taʼ dan huwa l-​fatt li ġew imwissija biex jibżgħu għaż-​żejt taż-​żebbuġa u l-​inbid, affarijiet bażiċi taʼ dak iż-​żmien.

Mill-​1914 ’l hawn, kien hemm evidenza li dan ir-​rikkieb taż-​żiemel iswed ma waqafx. Fil-​fatt, madwar 70 miljun ruħ mietu bil-​ġuħ matul is-​seklu 20. Rapport ikkalkula li “805 miljun ruħ—madwar wieħed minn kull disgħa tal-​popolazzjoni tad-​dinja—ma kellhomx biżżejjed ikel b’mod regulari mill-​2012-​2014.” Rapport ieħor jgħid: “Il-​ġuħ joqtol iktar nies kull sena mill-​AIDS, il-​malarja, u t-​tuberkulosi f’daqqa.” Minkejja l-​ħafna sforzi ħabrieka li jsiru biex jitimgħu lil min hu bil-​ġuħ, ir-​rikkieb taż-​żiemel l-​iswed ikompli jiġri.

IR-​RIKKIEB TAŻ-​ŻIEMEL AĦDAR SAFRANI

“Rajt, u, ara, żiemel aħdar safrani; u dak li kien riekeb fuqu kien jismu Mewt. U l-​Qabar kien ġej eżatt warajh. U ngħatatilhom l-​awtorità fuq ir-​rabaʼ parti taʼ l-​art, biex joqtlu b’sejf twil u b’nuqqas taʼ ikel u b’mard li jġib il-​mewt u bil-​bhejjem salvaġġi taʼ l-​art.”—Rivelazzjoni 6:8.

Ir-​rabaʼ rikkieb jirrappreżenta l-​mewt minħabba mard u raġunijiet oħra. Ftit wara l-​1914, l-​influwenza Spanjola qatlet lil għaxriet taʼ miljuni. Probabbilment kien hemm xi 500 miljun ruħ infettati, madwar terz tan-​nies li kienu ħajjin dak iż-​żmien!

Imma l-​influwenza Spanjola kienet biss il-​bidu. L-​esperti jikkalkulaw li mijiet taʼ miljuni mietu bil-​ġidri matul is-​seklu 20. Sal-​lum il-​ġurnata, il-​ħajjiet taʼ miljuni jintemmu ħesrem bl-​AIDS, it-​tuberkulosi, u l-​malarja, minkejja l-​ħafna riċerka medika.

Ma tagħmilx differenza jekk hux bil-​gwerra, bil-​ġuħ, jew bil-​mard, ir-​riżultat hu l-​istess, mewt. B’mod persistenti, il-​Qabar jiġbor fih il-​vittmi u ma jtihom l-​ebda tama.

DALWAQT SE JKUN HAWN ŻMIEN AĦJAR!

Iż-​żmien t’inkwiet t’issa dalwaqt se jispiċċa. Ftakar dan: Ġesù “ħareġ jirbaħ” fl-​1914 billi waddab lil Satana għal fuq l-​art, imma dak iż-​żmien Ġesù ma rebaħx għalkollox. (Rivelazzjoni 6:2; 12:9, 12) Dalwaqt, matul Armageddon, Ġesù se jneħħi l-​influwenza taʼ Satana u jeqred lin-​nies li jappoġġjaw lix-​Xitan. (Rivelazzjoni 20:1-​3) Ġesù mhux biss se jwaqqaf it-​tiġrija tat-​tliet rikkieba l-​oħrajn imma saħansitra se jreġġaʼ lura l-​effetti tat-​tiġrija qerrieda tagħhom. Dan kif? Ikkunsidra dak li twiegħed il-​Bibbja.

Flok il-​gwerer se tirrenja l-​paċi. Ġeħova se “jwaqqaf il-​gwerer sa tarf l-​art. Il-​qaws jaqsmu fi tnejn u l-​lanza jkissirha biċċiet.” (Salm 46:9) U n-​nies li jħobbu l-​paċi, se jkollhom “sliem kotran,” u b’hekk “jitgħaxxqu ferm.”—Salm 37:11.

Flok il-​ġuħ se jkun hemm ħafna ikel. “Se jkun hemm ħafna qmuħ fuq l-​art; fuq il-​qċaċet tal-​muntanji jkun hemm iżżejjed.”—Salm 72:16.

Ġesù daqt se jreġġaʼ lura l-effetti tat-tliet rikkieba l-oħrajn

Flok il-​mard u l-​mewt, se jkun hemm saħħa perfetta u ħajja taʼ dejjem għal kulħadd. Alla se “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.”—Rivelazzjoni 21:4.

Meta Ġesù kien fuq l-​art, wera kif se jkunu l-​kundizzjonijiet fil-​futur taħt it-​tmexxija tiegħu. Dan ifarraġna għax hu ppromwova l-​paċi, tema’ lil eluf b’mod mirakoluż, fejjaq lill-​morda, u saħansitra qajjem lill-​mejtin.—Mattew 12:15; 14:19-​21; 26:52; Ġwanni 11:43, 44.

Huwa l-​pjaċir tax-​Xhieda taʼ Ġeħova li juruk mill-​Bibbja tiegħek kif tistaʼ tkun lest meta t-​tiġrija tar-​rikkieba tispiċċa. Se taċċetta l-​istedina biex titgħallem iktar?

^ par. 7 Ġeħova hu l-​isem t’Alla bħalma turina l-​Bibbja.