Meta xi ħadd għażiż ikollu marda terminali
DOREEN baqgħet ixxokkjata meta saret taf li żewġha, Wesley, li kellu biss 54 sena, kellu tumur aggressiv ħafna f’rasu. * It-tobba qalulu li kien baqagħlu biss ftit xhur. “Ma stajtx nemmen dak li kont qed nismaʼ,” tiftakar hi. “Għal ġimgħat sħaħ, lanqas kont naf x’jien nagħmel. Ħassejt li dan kien qed jiġri lil xi ħadd ieħor u mhux lilna. Ma kontx lesta għal dan.”
B’sogħba, ir-reazzjoni taʼ Doreen mhijiex waħda rari. Marda terminali tistaʼ tolqot lil kulħadd fi kwalunkwe żmien. Xi ħaġa taʼ min ifaħħarha hi li ħafna huma lesti li jieħdu ħsieb lil xi ħadd għażiż tagħhom li jkollu marda terminali. Madankollu, li tieħu ħsieb lil xi ħadd f’din il-kundizzjoni hi sfida diffiċli ħafna. Il-membri tal-familja x’jistgħu jagħmlu biex ifarrġu u jieħdu ħsieb lill-maħbub tagħhom li jkun marid serjament? Dawk li jieħdu ħsieb lill-marid kif jistgħu jkampaw mal-ħafna emozzjonijiet li jkollhom matul iż-żmien tal-marda? Hekk kif il-mewt tibda toqrob, x’tistaʼ tistenna? Imma l-ewwel ejja nikkunsidraw għala li tieħu ħsieb xi ħadd li għandu marda terminali hi sfida unika llum.
DILEMMA TAʼ ŻMIENNA
Ix-xjenza medika bidlet il-mod kif immutu. Sa mitt sena ilu, anki f’pajjiżi żviluppati, il-medja taʼ kemm jgħixu n-nies kienet ħafna inqas minn tal-lum. In-nies kienu jmutu malajr minn mard li jittieħed jew minn xi aċċident. L-aċċess għall-isptarijiet kien limitat, u fil-biċċa l-kbira kienu l-familji li kienu jieħdu ħsieb lil morda. Normalment kienu jmutu d-dar.
Illum, l-avvanzi mediċi qed jippermettu lit-tobba jiġġieldu l-mard bil-qawwa kollha li għandhom sabiex itawlu l-ħajja. Mard li fil-passat kien itemm il-ħajja taʼ bniedem fi ftit żmien, illum jaf jieħu s-snin. Però, ħajja mtawla mhux bilfors tfisser li hemm kura. Il-pazjenti spiss ikunu morda serjament, u minħabba f’hekk ma jkunux jistgħu jieħdu ħsieb
tagħhom infushom. Li tieħu ħsieb nies bħal dawn saret xi ħaġa komplikata u jeħtieġ ħafna ħin u sforz.Minħabba f’hekk, aktar u aktar nies qed imutu l-isptar minflok id-dar. Ħafna nies illum mhumiex familjari mal-proċess tal-mewt, u huma ftit in-nies li raw lil xi ħadd imut. Għaldaqstant, dan jistaʼ jqanqal biżaʼ u jżomm lil dak li jkun jew saħansitra jwaqqfu milli jagħmel sforz biex jieħu ħsieb membru tal-familja marid. X’jistaʼ jgħin?
AĦSEB MINN QABEL
Bħalma rajna fil-każ taʼ Doreen, ħafna nies jibqgħu xxokkjati meta jsiru jafu li xi ħadd għażiż għalihom għandu marda terminali. Hekk kif tkun ansjuż, imbeżżaʼ, u mnikket, x’jistaʼ jgħinek biex tħejji ruħek għal dak li jkun ġej? Qaddej leali t’Alla talab: “Urina kif għandna ngħoddu jiemna b’tali mod li nkunu nistgħu niksbu qalb għarfa.” (Salm 90:12) Iva, itlob bil-ħerqa lil Alla Ġeħova biex jurik kif ‘tgħodd il-jiem’ bil-għaqal sabiex tkun tistaʼ tqattaʼ l-aħħar jiem mal-għażiż tiegħek bl-aħjar mod possibbli.
Dan jeħtieġ ippjanar tajjeb. Jekk l-għażiż tiegħek għadu kapaċi jikkomunika u hu lest li jiddiskuti l-kwistjoni, jistaʼ jkun għaqli li ssaqsih lil min irid li jieħu d-deċiżjonijiet għalih meta hu ma jkunx jistaʼ jibqaʼ jagħmel dan. Diskussjoni bil-miftuħ dwar jekk jixtieqx jibqaʼ ħaj bil-magni, imur l-isptar, jew jieħu xi tip taʼ kura tistaʼ tnaqqas in-nuqqas taʼ ftehim u s-sens taʼ ħtija li jesperjenzaw il-membri tal-familja meta jkollhom jieħdu deċiżjonijiet għall-pazjent li ma jkunx għadu kapaċi jagħmel dan. Li tikkomunika malajr kemm jistaʼ jkun u bil-miftuħ jgħin biex il-familja tiffoka fuq li tieħu ħsieb il-persuna matul il-marda. Il-Bibbja tgħid: “Il-pjanijiet jisfrattaw meta ma jkunx hemm diskors kunfidenzjali,” jew komunikazzjoni tajba.—Proverbji 15:22.
KIF TISTAʼ TGĦIN
Normalment, l-irwol primarju taʼ dawk li jieħdu ħsieb lil xi ħadd hu li jagħtu faraġ. Persuna li tkun qed tmut ikollha bżonn tiġi aċċertata li hi maħbuba u li mhijiex waħedha. Kif jistaʼ jsir dan? Aqra jew kanta lill-pazjent, u agħżel letteratura jew għanjiet li huma inkuraġġanti u li jogħġbuh. Ħafna nies jiġu mfarrġa meta membru tal-familja jżommilhom idhom u jkellimhom bil-ħlewwa.
Spiss ikun t’għajnuna li l-pazjenti tgħidilhom min hi kull persuna li żżurhom. Rapport jgħid: “Is-smigħ jingħad li hu l-aħħar mill-ħames sensi li jintilef. Il-pazjenti għandhom mnejn jibqgħu jisimgħu sew anki meta jidhru li jkunu reqdin. Għalhekk, tgħid xejn quddiemhom li ma tixtieqhomx jisimgħu.”
2 Korintin 1:8-11) Talb mill-qalb matul stress kbir u mard serju hu imprezzabbli.
Jekk inhu possibbli, itolbu flimkien. Il-Bibbja ssemmi li f’okkażjoni waħda, l-appostlu Pawlu u sħabu kienu taħt pressjoni estrema u lanqas biss kienu ċerti minn ħajjiethom stess. Liema għajnuna fittxew? Pawlu talab bil-ħniena lil sħabu: “Intom ukoll tistgħu tgħinu billi titolbu għalina bil-ħerqa.” (AĊĊETTA R-REALTÀ
Il-ħsieb biss li xi ħadd maħbub tagħna se jmut, spiss iġib niket kbir. U mhux taʼ b’xejn, għax il-mewt mhijiex naturali. Aħna ma ġejniex maħluqin biex naċċettaw il-mewt bħala parti normali mill-ħajja. (Rumani 5:12) Infatti, il-Kelma t’Alla ssejjaħ il-mewt “għadu.” (1 Korintin 15:26) Allura nistgħu nifhmu li xi ħadd ma jkunx irid jaħseb dwar il-mewt taʼ xi ħadd għażiż għalih, u din hi saħansitra xi ħaġa normali.
Iżda meta familja taħseb minn qabel dwar dak li jistaʼ jiġri, jistaʼ jgħinha biex tnaqqas il-beżgħat u tiffoka fuq li tagħmel il-pazjent komdu kemm jistaʼ jkun. Xi affarijiet li jistgħu jiġru huma miktubin fil-kaxxa “ L-aħħar ftit ġimgħat tal-ħajja.” Naturalment, mhux kull pazjent jgħaddi minn dawn il-kundizzjonijiet kollha u wkoll mhux bilfors se jkunu fl-istess ordni. Xorta waħda, il-biċċa l-kbira tal-pazjenti jesperjenzaw minn tal-inqas ftit minn dawn il-bidliet.
Wara l-mewt taʼ xi ħadd għażiż, jistaʼ jkun għaqli li tikkuntattja lil xi ħabib tal-qalb li jkun diġà qabel li jgħinek. Dawk li jieħdu ħsieb il-marid u l-familja forsi jkollhom bżonn jiġu aċċertati li l-maħbub tagħhom m’għadux ibati. Il-Ħallieq tal-umanità bi mħabba jassigurana li “l-mejtin ma jafu assolutament xejn.”—Ekkleżjasti 9:5.
L-IKTAR WIEĦED LI JISTAʼ JIEĦU ĦSIEB
Li tistrieħ fuq Alla hu essenzjali—mhux biss matul iż-żmien li l-membru tal-familja jkun marid imma wkoll matul in-niket li ġġib magħha l-mewt. Hu jistaʼ jgħinek permezz taʼ kliem u għemejjel taʼ faraġ minn oħrajn. “Jien tgħallimt naċċetta l-għajnuna taʼ kulħadd,” tgħid Doreen. “Infatti, tant tawna għajnuna li bqajna bla kliem. Jien u żewġi konna nafu fiż-żgur li Ġeħova kien qisu qed jgħidilna, ‘Jien qiegħed hawn magħkom biex ngħinkom tgħaddu minn dan.’ Qatt mhu se ninsa din il-ħaġa.”
Iva, Alla Ġeħova hu l-iktar wieħed li jistaʼ jieħu ħsiebna. Bħala l-Ħallieq tagħna, hu jifhem l-uġigħ u d-dwejjaq li nħossu. Hu kapaċi u ħerqan li jagħtina l-għajnuna u l-inkuraġġiment li jkollna bżonn sabiex inkunu nistgħu nkampaw. Jerġaʼ aħjar minn hekk, hu wiegħed li dalwaqt se jeqred il-mewt darba għal dejjem u jirxoxta lil biljuni taʼ nies li qegħdin fil-memorja tiegħu. (Ġwanni 5:28, 29; Rivelazzjoni 21:3, 4) Imbagħad, ilkoll inkunu nistgħu ngħidu l-istess kliem li qal l-appostlu Pawlu: “Mewt, fejn hi r-rebħa tiegħek? Mewt, fejn hi t-tingiża tiegħek?”—1 Korintin 15:55.
^ par. 2 L-ismijiet ġew mibdulin.