IMITA L-FIDI TAGĦHOM | DAVID
“Il-battalja hi taʼ Ġeħova”
DAVID ipprova jżomm sod hekk kif is-suldati għaddew b’guffaġni minn maġenbu. Kienu mwerwrin bil-biżaʼ huma u jaħarbu mill-kamp tal-battalja. X’beżżagħhom daqshekk? Darba wara l-oħra, David setaʼ semagħhom jirripetu kelma waħda. Kienet l-isem taʼ raġel. U hemmhekk, bilwieqfa fil-wied lest għall-ġlied, kien ir-raġel innifsu, li forsi deher ikbar minn kwalunkwe raġel li David qatt ra.
Gulija! David setaʼ jara għala s-suldati beżgħu minnu—kien kbir b’mod esaġerat, raġel m’ogħla hawn. Anke mingħajr l-armatura tal-għaġeb tiegħu, probabbilment kien jiżen iżjed minn żewġt irġiel f’daqqa. Imma hu kien armat sa snienu u b’saħħtu immens, gwerrier tal-esperjenza. Gulija għajjat għal sfida. Immaġina l-leħen qawwi tiegħu jirbombja mal-ġnub tal-għoljiet hu u jgħajjar lill-armata tal-Iżrael u s-sultan tagħhom, Sawl. Hu sfida lil kwalunkwe bniedem jiġi u jiġġieled miegħu, biex jissetilja din il-gwerra fi ġlieda waħda!—1 Samwel 17:4-10.
L-Iżraelin triegħdu bil-biżaʼ. Is-Sultan Sawl triegħed bil-biżaʼ. David sar jaf li din is-sitwazzjoni kienet ilha għaddejja iżjed minn xahar! Iż-żewġ armati, dik tal-Filistin u tal-Iżraelin, baqgħu ma ċedewx hekk kif Gulija baqaʼ jisfidahom jum wara l-ieħor. David kien imnikket. X’mistħija li tara s-sultan tal-Iżrael u s-suldati tiegħu, inkluż tlieta minn ħut David ikbar minnu, jitkexkxu bil-biżaʼ! F’għajnejn David, dan il-pagan Gulija kien qed jagħmel agħar milli jimbarazza lill-armata tal-Iżrael; kien qed jinsulta lill-Alla tal-Iżrael, Ġeħova! Imma David, sempliċi żagħżugħ, x’setaʼ jagħmel? U llum, x’nistgħu nitgħallmu mill-fidi taʼ David?—1 Samwel 17:11-14.
“IDILKU, GĦAX DAN HU!”
Ejja mmorru lura ħafna xhur qabel. Kien dieħel il-lejl hekk kif David kien jirgħa n-nagħaġ taʼ missieru xi mkien fuq l-għoljiet ħdejn Betlem. Kien żagħżugħ b’sura sabiħa, x’aktarx fl-adoloxxenza tiegħu, ħamrani, b’għajnejn intelliġenti u li jiġbduk. Meta kien ikun fil-kwiet, kien iqattaʼ l-ħin idoqq l-arpa. Is-sbuħija tal-ħolqien taʼ Alla kienet tqanqlu, u l-kapaċità tiegħu li jdoqq tjiebet mhux ħażin wara ħafna sigħat pjaċevoli jipprattika. Imma dakinhar filgħaxija, David ġie msejjaħ. Missieru ried jarah dak il-ħin stess.—1 Samwel 16:12.
Hu sab lil missieru, Ġesse, jitkellem maʼ raġel xiħ ħafna. Kien il-profeta leali Samwel. Ġeħova bagħtu jidlek wieħed mis-subien taʼ Ġesse bħala s-sultan li jmiss tal-Iżrael! Samwel diġà kien ra lis-sebaʼ aħwa taʼ David ikbar minnu, imma Ġeħova lil Samwel għamilhielu ċara li Hu ma għażel lil ħadd minnhom. Meta wasal David, madankollu, Ġeħova qal lil Samwel: “Idilku, għax dan hu!” Quddiem ħut David kollha ikbar minnu, Samwel fetaħ il-qarn mimli żejt speċjali u ferraʼ ftit minnu fuq ras David. Il-ħajja taʼ David qatt ma kienet l-istess wara li ġie midluk. Il-Bibbja tgħid: “L-ispirtu taʼ Ġeħova beda jaħdem fuq David minn dakinhar ’il quddiem.”—1 Samwel 16:1, 5-11, 13.
Beda David isir ambizzjuż biex isir 1 Samwel 17:34-36; Isaija 31:4.
sultan? Le, kien kuntent jistenna l-ispirtu taʼ Ġeħova jmexxih biex jgħidlu meta kien il-waqt li jieħu responsabbiltajiet ikbar. Sadanittant, hu baqaʼ jagħmel ix-xogħol umli tiegħu taʼ ragħaj. Kien xogħol li għamel b’dedikazzjoni u kuraġġ kbir. L-imrieħel taʼ missieru kienu mheddin darbtejn, darba minn iljun u darba minn ors. David ma pprovax sempliċement ikeċċihom mill-bogħod. Pjuttost, mill-ewwel daħal għal ġlieda biex jiddefendi n-nagħaġ bla difiża taʼ missieru. Fid-darbtejn li huma, hu qatel il-bhima salvaġġa u feroċi waħdu!—Maż-żmien, David reġaʼ ġie msejjaħ. Ir-reputazzjoni tiegħu waslet s’għand is-Sultan Sawl. Għalkemm kien għadu gwerrier b’saħħtu, Sawl kien tilef l-approvazzjoni taʼ Ġeħova billi rribella kontra l-istruzzjonijiet taʼ Alla. Ġeħova kien neħħa l-ispirtu tiegħu minn fuq Sawl, u b’hekk is-sultan spiss kien ikollu inklinazzjonijiet ħżiena—rabja kbira, suspetti, u vjolenza. Meta Sawl kien ikollu dan l-ispirtu ħażin, il-ħaġa li kienet isserrħu kienet il-mużika. Xi rġiel taʼ Sawl saru jafu bir-reputazzjoni taʼ David bħala mużiċista u bħala ġellied. Allura, David ġie msejjaħ u malajr sar wieħed mill-mużiċisti taʼ Sawl u dak li jġorrlu l-armi.—1 Samwel 15:26-29; 16:14-23.
Iż-żgħażagħ b’mod partikulari jistgħu jitgħallmu ħafna mill-fidi taʼ David f’dawn l-affarijiet. Innota li hu qattaʼ l-ħin liberu tiegħu f’affarijiet li ressquh eqreb lejn Ġeħova. Ukoll, bil-paċenzja żviluppa abbiltajiet li kienu prattiċi u li ppreparawh għal xogħol. Però, fuq kollox, hu aġixxa meta l-ispirtu taʼ Ġeħova ggwidah. X’lezzjonijiet eċċellenti għalina lkoll x’nitgħallmu!—Ekkleżjasti 12:1.
“TĦALLI LIL ĦADD JAQTAʼ QALBU MINĦABBA FIH”
Waqt li kien jaqdi lil Sawl, David spiss mar lura fejn kien joqgħod biex jirgħa n-nagħaġ, kultant għal perijodi itwal mis-soltu. Kien matul wieħed minn dawn il-perijodi li Ġesse bagħat lil David biex jara kif inhuma t-tliet ulied kbar tiegħu, li kienu qed jaqdu fl-armata taʼ Sawl. B’ubbidjenza, David, mgħobbi bl-affarijiet għal ħutu, irħielha lejn il-pjanura l-baxxa t’Elah. Meta wasal, kien diżappuntat meta ra ż-żewġ armati staġnati kif ġie deskritt fil-bidu taʼ dan l-artiklu. Huma ffaċċjaw lil xulxin minn fuq iż-żewġ għoljiet opposti tal-wied wiesaʼ u mserrep.—1 Samwel 17:1-3, 15-19.
David ma setax jittollera din is-sitwazzjoni. Kif jistaʼ jkun li l-armata tal-Alla l-ħaj, Ġeħova, taħrab b’biżaʼ kbira minn sempliċi bniedem—u wieħed pagan wara kollox? David ra l-isfidi taʼ Gulija bħala insult dirett lil Ġeħova. Allura, beda jkellem bil-ħeġġa lis-suldati dwar li jirbaħ lil Gulija. Elijab, ħuh il-kbir, ma damx ma sar jaf dwar x’kien qed jgħid David. Hu ċanfar lil ħuh iż-żgħir bl-aħrax, u akkużah li kien hemmhekk biss biex jara l-għadd taʼ dawk maqtulin fil-battalja. Imma David wieġbu billi qallu: “Issa x’għamilt jien? Mhux kelma għedt?” Imbagħad hu kompla jitkellem b’fiduċja dwar li jirbaħ lil Gulija, sakemm xi ħadd wassal kliemu lil Sawl. Is-sultan ordna li David jinġieb quddiemu.—1 Samwel 17:23-31.
David qal dan il-kliem inkuraġġanti lis-sultan dwar Gulija: “Tħalli lil ħadd jaqtaʼ qalbu minħabba fih.” Sawl u l-irġiel tiegħu veru kienu qatgħu qalbhom minħabba Gulija. Forsi għamlu 1 Samwel 17:32.
l-iżball komuni li jqabblu lilhom infushom maʼ dak ir-raġel enormi, u ġabu quddiem għajnejhom kif kienu jlaħħqulu biss sa sidru. Huma immaġinaw lil dak il-ġgant armat jeħles minnhom faċilment u malajr. Imma David ma ħasibx hekk. Kif se naraw, hu ra l-problema minn lenti totalment differenti. Allura hu offra li jiġġieled lil Gulija hu stess.—Sawl oġġezzjona: “Int m’għandekx il-ħila tmur għal dan il-Filisti biex tiġġieled miegħu, għax int għadek daqsxejn taʼ tifel, u hu ilu gwerrier sa minn tfulitu.” David verament kien tifel? Le, imma kien żgħir wisq biex jingħaqad fl-armata, u jistaʼ jkun li kien jidher żgħir għall-età tiegħu. Imma David kien diġà magħruf bħala ġellied qalbieni u jistaʼ jkun li kellu bejn 17 u 19-il sena sa dak iż-żmien.—1 Samwel 16:18; 17:33.
David assigura lil Sawl billi rrakkonta dak li ġara fil-każ tal-iljun u l-ors. Kien qiegħed jiftaħar? Le. David kien jaf kif kien rebaħ dawk il-battalji. Hu qal: “Ġeħova, li ħelisni minn taħt difrejn l-iljun u minn taħt difrejn l-ors, ikun hu li jeħlisni minn id dan il-Filisti.” Fl-aħħar, Sawl ċeda u wieġeb: “Mur, u jalla Ġeħova juri li qiegħed miegħek.”—1 Samwel 17:37.
Tixtieq ikollok fidi bħal taʼ David? Mela, innota li l-fidi taʼ David ma kinitx sempliċement idealiżmu jew fantasija. Kellu l-fidi f’Alla tiegħu minħabba l-għarfien u l-esperjenza. Kien jaf lil Ġeħova bħala l-Protettur kollu mħabba u Dak li jżomm il-wegħdi. Jekk irridu niksbu fidi bħal din, għandna bżonn nibqgħu nitgħallmu dwar l-Alla tal-Bibbja. Hekk kif napplikaw dak li nitgħallmu, se nsibu li r-riżultati tajbin se jsaħħu l-fidi tagħna bl-istess mod.—Ebrej 11:1.
“ĠEĦOVA JAGĦTIK F’IDEJJA”
Għall-ewwel, Sawl ipprova jlibbes lil David bl-armatura tiegħu stess. Kienet kważi bħal taʼ Gulija, magħmula minn ram aħmar, u x’aktarx kienet tinkludi kurazza, li kienet magħmula minn biċċiet taʼ ħadid imrikkeb fuq xulxin. Madankollu, David ipprova jiċċaqlaq u jimxi waqt li kien imlibbes b’dan l-apparat tqil u goff u malajr sab li ma kienx tajjeb għalih. Hu ma kienx imħarreġ bħala suldat, allura ma kienx imdorri jilbes armatura, speċjalment l-armatura li kienet tintlibes minn Sawl, li kien l-itwal raġel fil-ġens tal-Iżrael! (1 Samwel 9:2) Neħħieha minn fuqu u għażel li jilbes ħwejjeġ li kien imdorri bihom—dawk taʼ ragħaj armat biex jipproteġi l-merħla tiegħu.—1 Samwel 17:38-40.
David kellu l-bastun tiegħu taʼ ragħaj, xkora fuq spalltu, u żbandola. Issa żbandola setgħet tidher ħaġa żgħira, imma kienet fil-fatt arma tal-biżaʼ. Kienet tikkonsisti f’but imqabbad mat-tarf taʼ żewġ ħbula rqaq u twal tal-ġild, u kienet arma ideali għal ragħaj. Kien ipoġġi ġebla fil-but, idawwarha bis-saħħa kollha fuq rasu, imbagħad jerħi wieħed mill-ħbula, u jwaddab il-ġebla b’eżattezza qerrieda. Tant kienet effettiva din l-arma li l-armati kultant użaw gruppi taʼ rġiel li kienu jużaw l-iżbandola.
Armat b’dan il-mod, David għaġġel biex jiltaqaʼ mal-għadu tiegħu. Nistgħu biss nimmaġinaw it-talb ferventi taʼ David hu u jitbaxxa fil-qiegħ niexef tal-wied u jiġbor ħames ġebliet żgħar u lixxi. Imbagħad mar fil-post tal-battalja—mhux bil-mixi, imma bil-ġiri!
X’ħaseb Gulija meta ra l-opponent tiegħu? “Beda jistmerru,” naqraw, “għax ra li kien daqsxejn taʼ tifel u kien ħamrani, taʼ sura sabiħa.” Gulija għajjat: “Jien xi kelb, biex ġejt għalija bl-oħtra?” Milli jidher, ra l-bastun taʼ David imma ma tax kas tal-iżbandola. Hu seħet lil David f’isem l-allat Filistin u għamel wegħda li jagħti l-ġisem mejjet tal-għadu mistmerr tiegħu lit-tjur tas-smewwiet u lill-bhejjem tar-rabaʼ.—1 Samwel 17:41-44.
Sal-lum, it-tweġiba taʼ David għadha stqarrija kbira taʼ fidi. Immaġina ż-żagħżugħ jgħajjat lejn Gulija: “Int ġej lejja b’sejf, b’lanza, u b’ġavellott, imma jien ġej lejk bl-isem taʼ Ġeħova taʼ l-armati, l-Alla tat-truppi taʼ Israel, li int sfidajt.” David kien jaf li l-qawwa umana u l-armi ma kinux importanti ħafna. Gulija wera diżrispett lejn Alla Ġeħova, u Ġeħova kien se jaġixxi. Bħalma qal David, “il-battalja hi taʼ Ġeħova.”—1 Samwel 17:45-47.
David ra kemm kien twil Gulija u x’armi kellu. Madankollu, David irrifjuta li jħalli affarijiet bħal dawn ibeżżgħuh. Hu m’għamilx l-iżball li Sawl
u l-membri tal-armata għamlu. David ma qabbilx lilu nnifsu maʼ Gulija. Minflok, hu ħares lejn Gulija u poġġieh f’paragun maʼ Ġeħova. B’tul taʼ kważi tliet metri, Gulija kien jisboq irġiel oħrajn, imma kemm kien kbir meta mqabbel mas-Sovran tal-univers? Verament, bħal kwalunkwe bniedem ieħor, bilkemm kien ikbar minn insett—f’dan il-każ, wieħed li Ġeħova kien lest li jeqred!David ġera lejn l-għadu tiegħu u daħħal idu fl-ixkora għal ġebla. Poġġieha fl-iżbandola u dawwarha fuq rasu b’kemm kellu saħħa sakemm bdiet tvenven. Gulija, forsi miexi eżatt wara r-raġel li kien iġorrlu t-tarka, resaq lejn David. It-tul kbir taʼ Gulija attwalment setaʼ kien taʼ żvantaġġ għalih, ladarba raġel b’tul normali li jġorr it-tarka ma kienx se jkun possibbli għalih li jgħolliha biżżejjed biex jipproteġi ras il-ġgant. U kien proprju hawn li David immira.—1 Samwel 17:41.
David waddab il-ġebla. Immaġina s-silenzju hekk kif il-ġebla taret lejn il-mira tagħha. Bla dubju, Ġeħova għamel ċert li David ma kellux għalfejn iwaddab ġebla oħra. Il-ġebla laqtet il-post eżatt u daħlet f’ras Gulija. Dak il-bniedem qisu kolonna waqaʼ mal-art, wiċċu ’l isfel! Ir-raġel li kien iġorrlu t-tarka ħarab bil-biżaʼ. David mar ħdejn Gulija, ħadlu s-sejf tiegħu, u bih qataʼ ras il-ġgant.—1 Samwel 17:48-51.
Fl-aħħar, Sawl u s-suldati tiegħu reġgħu sabu l-kuraġġ. B’għajta qawwija tal-gwerra, ġrew wara l-Filistin. Il-battalja spiċċat eżatt kif David qal lil Gulija: ‘Ġeħova . . . jagħti lilkom ilkoll f’idejna.’—1 Samwel 17:47, 52, 53.
Illum, il-qaddejja taʼ Alla ma jiħdux sehem fi gwerer. Dak iż-żmien għadda. (Mattew 26:52) Xorta waħda, għandna bżonn nimitaw il-fidi taʼ David. Bħalu, għandna bżonn inqisu lil Ġeħova bħala reali—bħala l-uniku Alla li naqdu u nirrispettaw. Forsi, ikun hemm drabi li nħossuna ċkejknin ħdejn il-problemi tagħna, imma l-problemi tagħna huma żgħar meta nqabbluhom mal-qawwa bla limitu taʼ Ġeħova. Jekk nagħżlu lil Ġeħova bħala l-Alla tagħna u npoġġu l-fidi fih bħal David, imbagħad ma jkun hemm ebda sfida, ebda problema, li għandha tbeżżagħna. M’hemm xejn li l-qawwa taʼ Ġeħova ma tistax tegħleb!