Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | FEJN TISTAʼ SSIB IL-FARAĠ?

Faraġ fi żmien taʼ inkwiet

Faraġ fi żmien taʼ inkwiet

L-inkwiet jieħu forom differenti. Ma jistax ikun li nsemmu kull tip taʼ tbatija f’dan l-artiklu, imma ejja nħarsu iktar mill-qrib lejn l-erbaʼ eżempji li diġà semmejna. Innota kif nies li ffaċċjaw problemi differenti sabu faraġ ġenwin mingħand Alla.

META SSIB RUĦEK BLA XOGĦOL

“Tgħallimt naċċetta kwalunkwe tip taʼ xogħol, u naqqasna mill-ispejjeż kollha bla bżonn.”​—Jonathan

“Jien u l-mara tlifna x-xogħol fl-istess żmien,” jiftakar Seth. * “Għal sentejn kellna ngħixu b’dak li naqilgħu u xi biċċa xogħol ’l hemm u ’l hawn. B’hekk, marti, Priscilla, saret dipressa, u ħassejtni ma jien tajjeb għal xejn.

“Kif kampajna? Il-ħin kollu, Priscilla fakkret lilha nfisha fil-kliem taʼ Ġesù f’ Mattew 6:34. Hu qal li m’għandniex inkunu ansjużi dwar l-għada, ladarba l-għada se jkollu l-ansjetajiet tiegħu. U t-talb tagħha mill-qalb taha s-saħħa biex tibqaʼ sejra. Fil-każ tiegħi, Salm 55:22 farraġni. Bħas-salmista, jien tfajt it-tagħbija tiegħi fuq Ġeħova, u sibt li veru sostnieni. Għalkemm issa għandi xogħol, aħna nżommu l-istil tal-ħajja tagħna sempliċi fi qbil mal-parir taʼ Ġesù f’ Mattew 6:20-22. Iżjed minn hekk, aħna rsaqna eqreb lejn Alla u eqreb lejn xulxin.”

“Meta n-negozju żgħir tal-familja tagħna falla, il-futur kien ibeżżagħni,” jammetti Jonathan. “Minħabba kriżi ekonomika, l-20 sena taʼ xogħol iebes ġew fix-xejn. Jien u l-mara bdejna nargumentaw dwar il-flus. Ma stajniex nixtru bil-kard tal-kreditu, għax konna nibżgħu li ma tiġix aċċettata.”

“Imma l-Kelma t’Alla u l-ispirtu tiegħu għenuna biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin. Tgħallimt naċċetta kwalunkwe tip taʼ xogħol, u naqqasna mill-ispejjeż kollha bla bżonn. Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, kellna wkoll l-appoġġ taʼ sħabna fit-twemmin. Huma saħħewlna l-fiduċja fina nfusna u għenuna meta ż-żmien kien tassew iebes.”

META Ż-ŻWIEĠ JITKISSER

“Meta żewġi telaqni f’daqqa waħda, ħassejtni mweġġgħa u rrabjata,” tiftakar Raquel. “U qabduni dwejjaq kbar. Imma rsaqt qrib lejn Alla, u hu farraġni. Il-paċi t’Alla pproteġiet lil qalbi meta dort lejh fit-talb kuljum. Kien qisu fejjaq il-qalb maqsuma tiegħi.

“U grazzi għall-Kelma tiegħu, il-Bibbja, għelibt sentimenti taʼ rabja u korla. Ħadt bis-serjetà l-kliem tal-appostlu Pawlu f’ Rumani 12:21: ‘Tħallix il-ħażen jirbħek, imma dejjem irbaħ il-ħażen bit-tajjeb.’

“Hemm żmien meta jkollna ‘ngħoddu b’mitluf.ʼ . . . Issa għandi miri ġodda f’ħajti.”​—Raquel

“Ħabib għaqli għenni nara l-bżonn li nibqaʼ miexja ’l quddiem. Hu wrieni Ekkleżjasti 3:6 u b’qalb tajba qalli li jkun hemm żmien meta jkollna ‘ngħoddu b’mitluf.ʼ Kien parir iebes, imma kien dak li kelli bżonn. Issa għandi miri ġodda f’ħajti.”

“Meta ż-żwieġ jitkisser, ikollok bżonn appoġġ,” tgħid Elizabeth. “Kelli ħabiba għażiża li tatni dak l-appoġġ, jum wara jum. Hi bkiet miegħi, farrġitni, u ġegħlitni nħossni maħbuba minflok imwarrba. Jien konvinta li Ġeħova użaha biex tfejjaq il-feriti emozzjonali tiegħi.”

META TIMRAD JEW TIXJIEĦ

“Wara li nitlob lil Alla, inħoss l-ispirtu tiegħu jagħtini s-saħħa.”​—Luis

Luis, li ġie kkwotat fil-bidu taʼ din is-serje t’artikli, għandu mard serju tal-qalb, u kważi miet darbtejn. Issa jkollu bżonn l-ossiġnu 16-il siegħa kuljum. “Jien nitlob lil Ġeħova l-ħin kollu,” jgħid hu. “U wara li nitlob lil Alla, inħoss l-ispirtu tiegħu jagħtini s-saħħa. It-talb jagħtini l-kuraġġ biex nibqaʼ għaddej għax għandi fidi fih u naf li jimpurtah minni.”

“Nixtieq nagħmel ħafna affarijiet, imma ma nistax,” tispjega Petra, li għandha fuq it-80 sena. “Huwa diffiċli meta nara saħħti sejra lura. Inħossni dgħajfa u jkolli niddependi fuq il-mediċina. Spiss naħseb dwar kif Ġesù talab lil Missieru biex jeħilsu minn ċerta prova, jekk kien possibbli.” Imma Ġeħova saħħu lil Ġesù, u hekk isaħħaħ lili. It-talb hu t-terapija tiegħi taʼ kuljum. Inħossni ħafna aħjar wara li nitkellem maʼ Alla.​—Mattew 26:39.

Julian, li għal kważi 30 sena ilu jissielet mal-isklerożi multipla, marda li taffettwa n-nervituri tal-ġisem, iħossu l-istess. “Bdilt is-siġġu t’uffiċjal esekuttiv mas-siġġu tar-roti,” hu jgħid. “Iżda ħajti issa hi taʼ valur għaliex hija dedikata kompletament biex naqdi lil oħrajn. L-għoti jistaʼ jtaffi t-tbatija, u Ġeħova tassew iżomm il-wegħda tiegħu li jsaħħaħna meta jkollna bżonn. Bħall-appostlu Pawlu, nistaʼ verament ngħid: ‘Għal kollox niflaħ bis-saħħa taʼ dak li jqawwini.’”​—Filippin 4:13.

META JMUTLEK XI ĦADD

“Meta missieri miet f’inċident tat-traffiku, għall-ewwel ma stajtx nemmen,” jiftakar Antonio. “Vera dehret inġusta—kien sempliċement miexi għall-affari tiegħu. Imma ma kien hemm xejn li stajt nagħmel. Dam ħamest ijiem f’koma qabel ma miet. B’xi mod, żammejt lura milli nibki quddiem ommi, imma meta kont inkun waħdi kont ninfaqaʼ nibki. Bqajt nistaqsi lili nnifsi: ‘Għala? Għala?ʼ

“Matul dawk il-ġranet terribbli, bqajt nitlob lil Ġeħova biex jgħinni nikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħi u jagħtini l-paċi. U bil-mod il-mod ħassejtni iżjed kalm. Niftakar li l-Bibbja tispjega li “l-ġrajjiet mhux mistennijin” jistgħu jiġu fuq kull wieħed u waħda minna. Ladarba Alla ma jistax jigdeb, jien konvint li se nerġaʼ nara lil missieri fl-irxoxt.”​—Ekkleżjasti 9:11; Ġwanni 11:25; Titu 1:2.

“Għalkemm it-tifel tagħna miet fl-aċċident tal-ajruplan, għad għandna ħafna memorji sbieħ taż-żminijiet li qattajna flimkien.”​—Robert

Robert, li ssemma fl-artiklu tal-bidu, iħossu l-istess. Hu jgħid, “Jien u marti sibna l-paċi tal-moħħ imsemmija f’ Filippin 4:6, 7. Esperjenzajnieha permezz tat-talb tagħna lil Ġeħova. Din il-paċi ġewwinija għenitna nkellmu lir-riporters tal-aħbarijiet dwar it-tama li għandna tal-irxoxt. Għalkemm it-tifel tagħna miet fl-aċċident tal-ajruplan, għad għandna ħafna memorji sbieħ taż-żminijiet li qattajna flimkien. Aħna nipprovaw nikkonċentraw fuqhom.

“Meta Xhieda sħabna qalulna li rawna nispjegaw il-fidi tagħna bil-kalma fuq it-televixin, għednielhom li bla dubju dan kien grazzi għal ħafna talb li ġie offrut għalina. Vera nemmen li Ġeħova kien qed jappoġġjana permezz tal-kwantità taʼ messaġġi taʼ faraġ min-naħa tagħhom.”

Kif juru dawn l-eżempji, Alla jistaʼ jipprovdi l-faraġ lil nies li jiffaċċjaw varjetà kbira taʼ problemi u sfidi. Xi ngħidu għalik? Jinqalaʼ x’jinqalaʼ f’ħajtek, hemm il-faraġ disponibbli biex jgħinek tgħaddi miż-żminijiet ebsin. * Allura għala ma tmurx għand Ġeħova għall-għajnuna? Hu “l-Alla taʼ kull faraġ.”​—2 Korintin 1:3.

^ par. 5 Xi ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.

^ par. 23 Jekk tixtieq għajnuna biex tersaq qrib lejn Alla u tirċievi l-faraġ tiegħu, jekk jogħġbok ikkuntattja lix-Xhieda taʼ Ġeħova fl-inħawi tiegħek jew ikteb lill-eqreb uffiċċju tal-fergħa.