Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | L-ANĠLI—X’TGĦID IL-BIBBJA DWARHOM?

Kif l-​anġli jistgħu jgħinuk

Kif l-​anġli jistgħu jgħinuk

L-​anġli leali għandhom interess kbir f’dak li jiġri lill-​bnedmin u huma involuti sew f’li jwettqu r-​rieda taʼ Ġeħova. Meta Alla ħalaq l-​art, l-​anġli “għajtu bil-​ferħ flimkien, u l-​ulied kollha t’Alla bdew jgħajtu b’tifħir.” (Ġob 38:4, 7) Matul l-​istorja tal-​bniedem, l-​anġli kellhom ix-​xewqa li jkunu jafu dwar il-​profeziji li għandhom x’jaqsmu mal-​ġrajjiet futuri li se jseħħu fuq l-​art.—1 Pietru 1:11, 12.

Il-​Bibbja turi li sabiex iwettqu r-​rieda t’Alla, l-​anġli xi kultant ipproteġew lil aduraturi veri. (Salm 34:7) Pereżempju:

  • Meta Ġeħova ġab qerda fuq il-​bliet mill-​agħar taʼ Sodoma u Gomorra, xi anġli għenu lil Lot, li kien raġel sewwa, u l-​familja tiegħu biex jaħarbu.—Ġenesi 19:1, 15-​26.

  • Meta tliet żgħażagħ Ebrej f’Babilonja tal-​qedem ġew ikkundannati biex imutu f’forn jikwi, Alla “bagħat l-​anġlu tiegħu u ħeles lill-​qaddejja tiegħu.”—Danjel 3:19-​28.

  • Wara li r-​raġel ġust Danjel qattaʼ l-​lejl f’ħofra taʼ ljuni mġewħin, hu spjega li kien għadu ħaj għax “Alla . . . bagħat l-​anġlu tiegħu u għalaq ħalq l-​iljuni.”—Danjel 6:16, 22.

L-​anġli ilhom jgħinu lin-​nies leali

L-​ANĠLI APPOĠĠJAW IL-​KONGREGAZZJONI KRISTJANA TAL-​BIDU

Xi kultant, meta kien neċessarju li jitwettaq l-​iskop taʼ Ġeħova, l-​anġli li qdew bħala messaġġiera intervenew fl-​attivitajiet tal-​kongregazzjoni Kristjana tal-​bidu. Pereżempju:

  • Anġlu fetaħ il-​bibien taʼ ħabs u qal lill-​appostli li kienu hemmhekk biex ikomplu jippritkaw fit-​tempju.—Atti 5:17-​21.

  • Anġlu qal lill-​evanġelizzatur Filippu biex imur fit-​triq tad-​deżert li minn Ġerusalemm tinżel għal Gaża u jipprietka lil Etjopjan li kien mar Ġerusalemm biex iqim lil Alla.—Atti 8:26-​33.

  • Meta kien wasal iż-​żmien maħtur minn Alla biex uħud mhux Lhud isiru Kristjani, anġlu deher ġo viżjoni lil Kornelju, li kien fizzjal tal-​armata Rumana, u tah istruzzjoni biex jgħid lill-​appostlu Pietru jmur għandu.—Atti 10:3-​5.

  • Meta l-​appostlu Pietru kien il-​ħabs, deherlu anġlu u ħarġu mill-​ħabs.—Atti 12:1-​11.

KIF L-​ANĠLI JISTGĦU JGĦINUK

M’hemmx evidenza li llum Alla qed juża l-​anġli biex jgħinu lin-​nies b’mod mirakoluż bħalma hu deskritt fil-​Bibbja. Madankollu, rigward iż-​żmien tagħna, Ġesù qal: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-​tmiem.” (Mattew 24:14) Kont taf li d-​dixxipli taʼ Kristu qed jagħmlu dan ix-​xogħol taħt il-​ħarsien tal-​anġli?

L-anġli jgħinu biex l-aħbar tajba tiġi mxandra mal-art kollha

Il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni juri li l-​anġli kienu se jkunu beżlin jgħinu lin-​nies mad-​dinja kollha jitgħallmu dwar Alla Ġeħova u l-​iskop tiegħu għall-​umanità. L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Rajt anġlu ieħor itir f’nofs is-​sema, u kellu aħbar tajba taʼ dejjem biex ixandarha bħala bxara taʼ ferħ lil dawk li jgħammru fuq l-​art, u lil kull ġens u tribù u lsien u poplu, u qal b’leħen għoli: ‘Ibżgħu minn Alla u agħtuh glorja, għax waslet is-​siegħa biex jagħmel il-​ġudizzju, u għalhekk qimu lil Dak li għamel is-​sema u l-​art u l-​baħar u l-​għejun taʼ l-​ilmijiet.’” (Rivelazzjoni 14:6, 7) Ħafna esperjenzi taʼ żmienna juru li l-​anġli qed jappoġġjaw ix-​xogħol tal-​ippritkar tas-​Saltna madwar id-​dinja. Tabilħaqq, anki meta midneb wieħed biss jindem u jerġaʼ lura lejn Ġeħova, “ikun hemm ferħ fost l-​anġli t’Alla.”—Luqa 15:10.

X’se jiġri meta jitlesta x-​xogħol tal-​ippritkar? Imbagħad, l-​armati t’anġli fis-​sema se jappoġġjaw lil Ġesù Kristu, is-​Sultan tas-​slaten, fil-​“gwerra tal-​jum il-​kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox” f’Armageddon. (Rivelazzjoni 16:14-​16; 19:14-​16) L-​anġli setgħanin se jaqdu bħala wħud li se jwettqu l-​ġudizzju divin hekk kif il-​Mulej Ġesù “jġib vendetta fuq dawk li . . . ma jobdux l-​aħbar tajba dwar il-​Mulej tagħna Ġesù.”—2 Tessalonikin 1:7, 8.

Għaldaqstant, kun ċert li l-​anġli għandhom interess persunali fik. Huma jimpurtahom ħafna minn dawk li jixtiequ jaqdu lil Alla, u Ġeħova għal darba wara l-​oħra użahom biex isaħħu u jipproteġu lill-​qaddejja leali tiegħu fuq l-​art.—Ebrej 1:14.

Mela, kull wieħed minna għandu għażla importanti x’jagħmel. Se nisimgħu u nobdu l-​aħbar tajba li qed tiġi mxandra mal-​art kollha? Se jkun il-​pjaċir tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​komunità tiegħek li jgħinuk tibbenefika mill-​għajnuna kollha mħabba tal-​anġli setgħanin t’Alla.