Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif kienet verament l-apparenza taʼ Ġesù?

Kif kienet verament l-apparenza taʼ Ġesù?

Ħadd m’għandu ritratt taʼ Ġesù. Hu qatt ma ppoża għal xi ritratt jew skultura. Xorta waħda, hu deher f’għadd kbir taʼ xogħlijiet taʼ artisti matul is-​sekli.

Naturalment, dawk l-​artisti ma kinux jafu kif Ġesù kien jidher verament. Il-​kultura, it-​twemmin reliġjuż, u x-​xewqat tan-​nies li kienu jordnaw l-​arti, spiss kienu jiddeterminaw kif l-​artisti kienu jpinġu lil Ġesù. Minkejja dan, il-​pitturi u l-​iskulturi tagħhom jistgħu jinfluwenzaw, jew saħansitra jċajpru, il-​mod kif in-​nies iħarsu lejn Ġesù u t-​tagħlim tiegħu.

Xi artisti jpinġu lil Ġesù bħala bniedem fraġli u debboli, b’xagħar twil u daqna qasira, jew jagħmluh jidher imdejjaq ħafna. Fi tpinġijiet oħra, Ġesù jidher sopranaturali u bir-​raġġiera, jew inkella jidher maqtugħ għalih waħdu. Madankollu, tpinġijiet bħal dawn, jiddeskrivu b’mod korrett kif kien Ġesù? Kif nistgħu nsiru nafu? Mod wieħed hu billi neżaminaw stqarrijiet fil-​Bibbja li jistgħu jgħinuna nifhmu kif setgħet kienet l-​apparenza tiegħu. Dawn jistgħu jgħinuna wkoll biex ikollna l-​ħarsa t-​tajba dwaru.

“ĦEJJEJT ĠISEM GĦALIJA”

Dan il-​kliem qalu Ġesù f’talba, x’aktarx meta tgħammed. (Ebrej 10:5; Mattew 3:13-​17) Kif kien jidher dak il-​ġisem? Xi 30 sena qabel, l-​anġlu Gabrijel kien qal lil Marija: “Int tnissel f’ġufek u tiled iben, . . . Bin Alla.” (Luqa 1:31, 35) B’hekk, Ġesù kien raġel perfett, bħalma kien Adam meta ġie maħluq. (Luqa 3:38; 1 Korintin 15:45) Ġesù żgur li kien raġel mibni, u probabbilment il-​fattizzi tiegħu kienu jixbhu lil dawk t’ommu, Marija, li kienet Lhudija.

Ġesù kellu daqna, bħalma kienet id-​drawwa fost il-​Lhud b’kuntrast mar-​Rumani. Li wieħed ikollu daqna kien simbolu taʼ dinjità u rispett; id-​daqna kienet tinżamm qasira u nadifa. Ġesù żgur li kien jieħu ħsiebha u jittrimmjaha u kien jaqtaʼ xagħru pulit. Dawk biss li kienu dedikati bħala Nażiriti, bħal Sansun, li ma kinux jaqtgħu xagħarhom.—Numri 6:5; Imħallfin 13:5.

Sakemm kellu 30 sena, Ġesù fil-​biċċa l-​kbira kien mastrudaxxa. Hu kien jaħdem mingħajr l-​għajnuna tal-​għodda moderna li għandna disponibbli llum. (Marku 6:3) Għaldaqstant, hu żgur li kien raġel b’saħħtu. Fil-​bidu tal-​ministeru tiegħu, mingħajr l-​għajnuna taʼ ħadd, hu “keċċa mit-​tempju lil kulmin kellu n-​nagħaġ u l-​baqar, u xerred il-​muniti tas-​sarrafa tal-​flus u qalbilhom l-​imwejjed.” (Ġwanni 2:14-​17) Trid tkun raġel taʼ saħħa kbira biex twettaq xi ħaġa bħal din. Ġesù uża l-​ġisem li Alla ħejja għalih biex iwettaq dan l-​inkarigu li tah Alla: “Irrid inxandar l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll, għax għal dan intbgħatt.” (Luqa 4:43) Kellu bżonn stamina straordinarja biex jivvjaġġa mal-​Palestina kollha bil-​mixi u jiddikjara dan il-​messaġġ.

“EJJEW GĦANDI, . . . U JIEN INSERRAĦKOM”

Il-​mod dħuli u ħelu taʼ kif Ġesù kien jaġixxi man-​nies żgur li għamel din l-​istedina iktar attraenti għal dawk li kienu “mħabbtin u mgħobbijin.” (Mattew 11:28-​30) Għal kull min kien lest li jitgħallem minnu, l-​imħabba u l-​qalb tajba tiegħu komplew isaħħu l-​wegħda li għamel. Saħansitra ż-​żgħar riedu jkunu qrib Ġesù, għax il-​Bibbja tgħid: “[Hu] ħaddan it-​tfal miegħu.”—Marku 10:13-​16.

Għalkemm Ġesù għadda minn agunija qabel ma miet, ma kienx bniedem li jġiblek swied taʼ qalb. Hu kien bniedem jaf jieħu pjaċir. Pereżempju, hu ħa sehem f’festa taʼ tieġ f’Kana u fiha saħansitra biddel l-​ilma fi nbid mill-​aqwa. (Ġwanni 2:1-​11) F’okkażjonijiet simili, hu għallem lezzjonijiet li ma jintesewx.—Mattew 9:9-​13; Ġwanni 12:1-​8.

Fuq kollox, Ġesù kien jipprietka b’tali mod li kulħadd setaʼ jkollu t-​tama mill-​isbaħ taʼ ħajja taʼ dejjem. (Ġwanni 11:25, 26; 17:3) Meta 70 mid-​dixxipli tiegħu bdew jirrakkontaw l-​esperjenzi tagħhom tal-​ippritkar, hu qalilhom: “Ifirħu għax isimkom tnaqqax fis-​smewwiet,” u hu “ħass ferħ kbir.”—Luqa 10:20, 21.

“IMMA INTOM M’GĦANDKOMX TKUNU HEKK”

Il-​mexxejja reliġjużi taʼ żmien Ġesù kienu jaraw kif jagħmlu biex jiġbdu l-​attenzjoni lejhom infushom u lejn l-​awtorità tagħhom. (Numri 15:38-​40; Mattew 23:5-​7) Għall-​kuntrarju tagħhom, Ġesù għallem lill-​appostli tiegħu biex ma jiddominawx lil oħrajn. (Luqa 22:25, 26) Infatti, Ġesù wissa: “Oqogħdu attenti mill-​iskribi li jridu jippassiġġaw bi lbiesi twal u jridu t-​tislim fis-​swieq.”—Marku 12:38.

B’kuntrast, Ġesù kien jitħallat mal-​folla, u xi kultant lanqas biss kien jintgħaraf. (Ġwanni 7:10, 11) Hu ma kienx jispikka fiżikament fost il-​11-​il appostlu leali. It-​traditur Ġuda bies lil Ġesù bħala “sinjal” biex dawk li marru jaqbduh, setgħu jagħrfuh.—Marku 14:44, 45.

Mela għalkemm hemm ħafna dettalji li ma nafuhomx, huwa ċar li Ġesù ma kienx jidher kif spiss jiġi mpinġi. Però, iktar importanti minn kif kien jidher verament, hu kif aħna nqisuh issa.

“FTIT IEĦOR U D-​DINJA MA TARANIX IKTAR”

Ftit sigħat wara li qal dan il-​kliem, Ġesù kien mejjet u midfun. (Ġwanni 14:19) Hu ta ħajtu “b’fidwa għal ħafna.” (Mattew 20:28) Fit-​tielet jum, Alla rxoxtah “fl-​ispirtu” u “ma ppermettilux jidher lil kulħadd, imma” lil xi wħud mid-​dixxipli tiegħu. (1 Pietru 3:18; Atti 10:40, 41) Kif kienet l-​apparenza taʼ Ġesù meta deher lid-​dixxipli tiegħu? Milli jidher kienet differenti mhux ħażin mill-​apparenza taʼ qabel, għax saħansitra l-​eqreb dixxipli tiegħu m’għarfuhx. Marija l-​Maddalena ħasbet li kien ġardinar; u ż-​żewġ dixxipli li kienu fi triqithom lejn Għemmaws, ħasbuh barrani.—Luqa 24:13-​18; Ġwanni 20:1, 14, 15.

Kif għandna nġibu lil Ġesù quddiem għajnejna llum? Iktar minn 60 sena wara li miet Ġesù, l-​appostlu maħbub Ġwanni ra viżjonijiet taʼ Ġesù. Ġwanni ma rax persuna qed tmut fuq salib. Minflok, hu ra “Sultan tas-​slaten u Sid tas-​sidien.” Ġesù hu s-​Sultan tas-​Saltna t’Alla. Hu dalwaqt se jegħleb l-​għedewwa t’Alla, kemm demoniċi kif ukoll bnedmin, u se jġib barkiet dejjiema għall-​umanità.—Rivelazzjoni 19:16; 21:3, 4.