ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 44
Skopri X’Hemm Iżjed fil-Bibbja
‘Ifhmu bis-sħiħ il-wisaʼ u t-tul u l-għoli u l-fond.’—EFES. 3:18.
GĦANJA 95 Id-dawl qed jitqawwa
ĦARSA BIL-QUDDIEM a
1-2. X’inhu l-aħjar mod kif tistudja l-Bibbja? Agħti eżempju.
IMMAĠINA li tixtieq tixtri post. Qabel tiddeċiedi liema se tixtri, xi tkun trid tara? Ritratt tal-faċċata biss? Le. Żgur tkun trid tmur u tara d-dar minn barra u minn ġewwa. Forsi tkun tixtieq tara wkoll il-pjanta tad-dar biex tara kif inhuma mqassmin il-kmamar. Jagħmel sens li tkun tixtieq tara d-dettalji kollha qabel tixtri.
2 Meta naqraw u nistudjaw il-Bibbja nistgħu nagħmlu xi ħaġa simili. Studjuż tal-Bibbja qal li l-Bibbja hi bħal “binja kbira li għandha l-pedamenti fil-fond ħafna.” Mela kif nistgħu nsiru nafu sew x’hemm fil-Bibbja? Jekk taqraha taʼ malajr, se titgħallem affarijiet faċli biss, jiġifieri “l-affarijiet elementari tad-dikjarazzjonijiet sagri t’Alla.” (Ebr. 5:12) Imma bħalma għandek bżonn “tidħol” fid-dar biex taraha sew, għandek bżonn tistudja l-Bibbja sew biex tifhimha aħjar. Mod tajjeb kif tistudja l-Bibbja hu billi tara kif partijiet mill-messaġġ li fiha huma marbutin flimkien. Ipprova ifhem dak li temmen u r-raġuni għala temmen hekk.
3. L-appostlu Pawlu x’inkuraġġiehom jagħmlu lill-aħwa, u għala? (Efesin 3:14-19)
3 Biex tifhem sew il-Bibbja kollha, hemm xi affarijiet li trid tistudjahom sew. L-appostlu Pawlu inkuraġġixxa lill-aħwa biex jistudjaw il-Bibbja sew ħalli jkunu jistgħu jifhmu “l-wisaʼ u t-tul u l-għoli u l-fond” tal-verità. B’hekk, il-fidi tagħhom kienet se tkun ‘bl-għeruq u stabbilita.’ (Aqra Efesin 3:14-19.) Aħna rridu nagħmlu bħalhom. Ejja naraw kif nistgħu nistudjaw sew il-Bibbja biex nifhmu aktar il-messaġġ sabiħ li fiha.
STUDJA SEW IL-VERITAJIET TAL-BIBBJA
4. X’tistaʼ tagħmel biex issir iktar ħabib taʼ Ġeħova? Agħti eżempju.
4 Bħala Kristjani, aħna ma rridux nifhmu affarijiet faċli biss mill-Bibbja. L-ispirtu qaddis jistaʼ jgħinna nitgħallmu wkoll “l-affarijiet profondi t’Alla.” (1 Kor. 2:9, 10) Tistaʼ tagħmel studju fil-fond bil-mira li ssir ħabib iktar taʼ Ġeħova. Pereżempju tistaʼ tistudja dwar kif wera li jħobb lill-qaddejja tiegħu fil-passat, u kif dan juri li jħobb lilek ukoll. Tistaʼ tistudja wkoll dwar kif Ġeħova xtaq li jaqduh l-Iżraelin u kif dan jaqbel maʼ kif hu jrid li naqduh aħna. Jew tistaʼ tistudja fid-dettall il-profeziji li Ġesù wettaq meta kien fuq l-art.
5. Hemm suġġett li tixtieq tistudja iżjed dwaru?
5 Xi wħud li jħobbu jistudjaw fil-fond semmew xi affarijiet li jixtiequ jistudjaw iktar dwarhom. Ftit minnhom qegħdin fil-kaxxa “ Suġġetti Biex Tistudja fl-Istudju Personali.” Se tieħu pjaċir ħafna li tfittex dwar suġġetti bħal dawn fil-Gwida għall-Pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Jekk tistudja l-Bibbja fil-fond, se ssaħħaħ il-fidi tiegħek u “ssib l-għarfien t’Alla.” (Prov. 2:4, 5) Issa se naraw xi veritajiet mill-Bibbja li nistgħu nistudjaw iżjed dwarhom.
AĦSEB FIL-FOND DWAR L-ISKOP T’ALLA
6. (a) X’inhi d-differenza bejn pjan u skop? (b) Għala nistgħu nkunu ċerti li l-iskop taʼ Ġeħova għan-nies u d-dinja hu għal dejjem? (Efesin 3:11)
6 Aħseb x’tgħid il-Bibbja dwar l-iskop t’Alla. Hemm differenza kbira bejn pjan u skop. Pjan nistgħu nqabbluh maʼ triq li tkun għażilt biex tieħdok fejn tixtieq tmur. Imma jekk it-triq tkun magħluqa, forsi ma tkunx tistaʼ tasal fil-post. Mill-banda l-oħra, skop nistgħu nqabbluh mal-post li rridu mmorru. Aħna nafu l-post fejn nixtiequ mmorru, imma biex naslu nistgħu ngħaddu minn toroq differenti. Jekk triq tkun magħluqa nistgħu ngħaddu minn triq oħra. Fil-Bibbja, Ġeħova naqra naqra wriena x’inhu “l-iskop etern” tiegħu. (Efes. 3:11) B’mod jew ieħor, Ġeħova dejjem jirnexxilu għax “għamel kollox għall-iskop tiegħu.” (Prov. 16:4) U r-riżultat taʼ dak li jagħmel jibqaʼ għal dejjem. X’inhu l-iskop taʼ Ġeħova, u x’bidliet għamel biex jilħqu?
7. Wara li Adam u Eva m’obdewx, Ġeħova x’għamel biex iwettaq l-iskop tiegħu? (Mattew 25:34)
7 Alla qal lil Adam u Eva x’kien l-iskop tiegħu għalihom. Huma kellu jkollhom it-tfal u jsiru ħafna, jimlew l-art u jieħdu ħsiebha, u jkollhom kontroll fuq kull ħliqa ħajja fuq l-art. (Ġen. 1:28) Meta huma m’obdewx lil Ġeħova u daħal id-dnub, l-iskop taʼ Ġeħova ma nbidilx. Minflok, hu biddel il-mod kif se jwettqu. Mill-ewwel, Ġeħova qal li se jagħmel Saltna fis-sema biex twettaq l-iskop tiegħu għan-nies u għall-art. (Aqra Mattew 25:34.) Fiż-żmien li għażel, Ġeħova bi mħabba bagħat lil Ibnu fuq l-art biex jgħallem in-nies dwar is-Saltna u jmut biex isalvana mid-dnub u l-mewt. Imbagħad Ġeħova rxoxta lil Ġesù fis-sema biex isir ir-Re tas-Saltna t’Alla. Imma hemm iktar x’titgħallem dwar l-iskop t’Alla.
8. (a) X’inhu l-messaġġ tal-Bibbja? (b) Bħalma jurina Efesin 1:8-11, Ġeħova x’se jagħmel iktar? (Ara l-istampa tal-qoxra.)
8 Il-messaġġ tal-Bibbja hu li jitqaddes l-isem taʼ Ġeħova waqt li hu jwettaq l-iskop tiegħu permezz tas-Saltna li se tkun immexxija minn Ġesù Kristu. L-iskop taʼ Ġeħova ma jistax jinbidel. Hu wegħedna li dak kollu li qal se jiġri eżatt. (Is. 46:10, 11; Ebr. 6:17, 18) Maż-żmien, l-art se ssir ġenna u d-dixxendenti taʼ Adam u Eva, li se jkunu perfetti u leali, se ‘jgawdu l-ħajja għal dejjem.’ (Salm 22:26) Imma Ġeħova se jagħmel iktar minn hekk. L-iskop tiegħu hu li l-qaddejja leali tiegħu fis-sema u fuq l-art jaqduh flimkien. Imbagħad kulħadd se jobdi u jaċċetta lil Ġeħova bħala l-Mexxej. (Aqra Efesin 1:8-11.) Mhix xi ħaġa tal-għaġeb meta taħseb kif Ġeħova se jwettaq l-iskop tiegħu?
AĦSEB SEW DWAR IL-FUTUR TIEGĦEK
9. Meta nistudjaw il-Bibbja, x’nitgħallmu dwar il-futur?
9 Aħseb fil-profezija li qal Ġeħova fil-ġnien tal-Għeden, li nsibuha f’Ġenesi 3:15. b Din titkellem dwar affarijiet li se jiġru biex jitwettaq l-iskop tiegħu. Imma dawn l-affarijiet kellhom jiġru eluf taʼ snin wara. Pereżempju, Alla qal lil Abraham li wara ħafna ġenerazzjonijiet, wieħed mid-dixxendenti tiegħu se jkun il-Kristu. (Ġen. 22:15-18) Imbagħad, fis-sena 33, ġie mweġġaʼ f’għarqubu, bħalma qalet il-profezija. (Atti 3:13-15) L-aħħar parti tal-profezija, fejn id-“dixxendent” se jgħaffeġ ras Satana, se tiġri iktar minn elf sena oħra. (Riv. 20:7-10) U l-Bibbja tgħidilna iktar dwar dak li se jiġri bejn dawk li jappoġġaw lil Satana u dawk li jappoġġaw l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova.
10. (a) Liema affarijiet se jiġru dalwaqt? (b) Kif nistgħu nippreparaw lil moħħna u lil qalbna? (Ara n-nota taʼ taħt.)
10 Aħseb dwar l-affarijiet tal-għaġeb li l-Bibbja tgħid li għandhom jiġru. L-ewwel, in-nazzjonijiet se jibdew jgħidu “paċi u sigurtà!” (1 Tess. 5:2, 3) Imbagħad, f’daqqa waħda, in-nazzjonijiet jattakkaw lir-reliġjonijiet foloz u jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira. (Riv. 17:16) Wara dan, jistaʼ jidher sinjal taʼ ‘Bin il-bniedem ġej mis-sħab tas-sema b’qawwa u glorja kbira.’ (Mt. 24:30) Ġesù se jiġġudika lin-nies u se jifred lin-nagħaġ mill-mogħoż. (Mt. 25:31-33, 46) Matul dan iż-żmien, Satana se jibqaʼ jiħodha kontra Ġeħova. Minħabba li hu jobgħod ħafna lix-Xhieda taʼ Ġeħova, se jġiegħel lil grupp taʼ nazzjonijiet li jingħaqdu flimkien biex jattakkawhom. Il-Bibbja ssejjaħ dan il-grupp Gog tal-art taʼ Magog. (Eżek. 38:2, 10, 11) Imbagħad, il-midlukin li jkun għad fadal fuq l-art se jmorru fis-sema biex jingħaqdu maʼ Kristu u l-armata tiegħu biex jiġġieldu l-gwerra t’Armageddon. B’hekk, jispiċċa ż-żmien taʼ tbatija kbira. c (Mt. 24:31; Riv. 16:14, 16) Imbagħad se jibdew l-elf sena fejn Kristu se jibda jmexxi għal fuq l-art.—Riv. 20:6.
11. It-tama li tgħix għal dejjem xi tfisser għalik? (Ara l-istampa.)
11 Issa aħseb dwar il-futur tiegħek meta jkunu għaddew l-elf sena. Il-Bibbja tgħid li l-Ħallieq tagħna ‘poġġielna f’qalbna l-eternità.’ (Ekk. 3:11) Aħseb xi jfisser għalik u għall-ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova. Il-ktieb Ersaq Qrib Lejn Jehovah, paġna 319, jgħid xi ħaġa interessanti: “Wara li nkunu għexna għal mijiet, eluf, miljuni, saħansitra biljuni taʼ snin, se nkunu nafu ħafna iktar dwar Alla Jehovah milli nafu issa. Imma xorta se nħossu li għad hemm bosta affarijiet oħra taʼ l-għaġeb x’nitgħallmu. . . . Il-ħajja eterna se tkun interessanti u varjata b’mod li ma nistgħux nimmaġinawh—u l-iktar parti premjanti minnha dejjem se tkun li nersqu qrib lejn Jehovah.” Sadanittant, waqt li nkomplu nistudjaw il-Kelma t’Alla, x’nistgħu nitgħallmu iktar?
ĦARES LEJN IS-SMEWWIET
12. Meta naqraw il-Bibbja, x’jgħinna naraw? Agħti eżempju.
12 Il-Bibbja tista’ tgħinna nifhmu ftit x’hemm fis-sema fejn qiegħed Ġeħova. (Is. 33:5) Il-Bibbja tgħidilna affarijiet sbieħ ħafna dwar Ġeħova u l-parti tal-organizzazzjoni li għandu fis-sema. (Is. 6:1-4; Dan. 7:9, 10; Riv. 4:1-6) Pereżempju, nistgħu naqraw dwar l-affarijiet tal-għaġeb li ra Eżekjel meta ‘s-smewwiet infetħu u beda jara viżjonijiet t’Alla.’—Eżek. 1:1.
13. Skont dak li jgħid Ebrej 4:14-16, kif tħossok dwar dak li qed jagħmel Ġesù mis-sema?
13 Aħseb ukoll dwar dak li qed jagħmel għalina Ġesù mis-sema bħala r-Re u l-Qassis il-Kbir tagħna. Permezz tiegħu, aħna nistgħu mmorru quddiem “it-tron tal-qalb tajba mhix mistħoqqa” t’Alla u nitolbuh “għall-għajnuna f’waqtha.” (Aqra Ebrej 4:14-16.) Kuljum irridu naħsbu dwar dak li għamlu u qed jagħmlu għalina Ġeħova u Ġesù mis-sema. L-imħabba li juru magħna tmissilna qalbna u timmotivana biex nagħmlu dak kollu li nistgħu biex naqdu lil Ġeħova.—2 Kor. 5:14, 15.
14. X’inhi waħda mill-affarijiet li rridu nagħmlu biex nuru li napprezzaw dak li Ġeħova u Ġesù għamlu għalina? (Ara l-istampi.)
14 Mod wieħed kif nuru li napprezzaw lil Ġeħova u lil Ibnu Ġesù hu billi nipprovaw ngħinu lill-oħrajn isiru Xhieda taʼ Ġeħova u dixxipli taʼ Ġesù. (Mt. 28:19, 20) Biex juri li japprezza, l-appostlu Pawlu hekk għamel. Hu kien jaf li Ġeħova jixtieq li l-“bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-għarfien eżatt dwar il-verità.” (1 Tim. 2:3, 4) Hu ħadem iebes ħafna fil-ministeru biex jgħin lil kemm jistaʼ jkun nies u ‘b’kull mezz isalva lil xi wħud.’—1 Kor. 9:22, 23.
ĦU PJAĊIR SKOPRI X’FIHA L-BIBBJA
15. Skont Salm 1:2, x’se jagħmilna ferħanin?
15 Il-kittieb li kiteb l-ewwel salm jgħid li xi ħadd li “jħobb ħafna l-liġi taʼ Ġeħova” u “jaqraha u jimmedita fuqha lejl u nhar,” hu persuna ferħana u li tirnexxi. (Salm 1:1-3) Dwar dawn il-versi, Joseph Rotherham li hu traduttur tal-Bibbja qal li persuna li “tkun trid il-gwida t’Alla f’ħajjitha għandha tfittixha, tistudja dwarha, u tqattaʼ l-ħin timmedita fuqha.” Hu qal ukoll li “jekk tgħaddi ġurnata u xi ħadd ma jaqrax il-Bibbja, dik il-ġurnata tkun moħlija.” Inti se tieħu pjaċir tistudja l-Bibbja billi tkun interessat fil-ħafna dettalji importanti li fiha u tara kif huma marbutin flimkien. Kemm hi xi ħaġa sabiħa li tiskopri kull dettall li hemm fil-Kelma t’Alla!
16. X’se niddiskutu fl-artiklu li jmiss?
16 Il-veritajiet sbieħ li Ġeħova jgħallimna fil-Kelma tiegħu mhumiex diffiċli ħafna għalina biex nifhmuhom. Fl-artiklu li jmiss se nikkunsidraw waħda mill-veritajiet li rridu nħaffru fil-fond biex nifhmuha. Din titkellem dwar it-tempju spiritwali taʼ Ġeħova, li l-appostlu Pawlu tkellem dwaru fl-ittra tiegħu lill-Kristjani Ebrej. Jalla tieħu pjaċir tistudja dan is-suġġett.
GĦANJA 94 Grati għall-Kelma t’Alla
a Meta nistudjaw il-Bibbja jgħinna nkunu ferħanin. Din tgħinna u tressaqna eqreb lejn Ġeħova. F’dan l-artiklu se naraw kif nistgħu nistudjaw il-Kelma t’Alla sew.
b Ara l-artiklu “L-Ewwel Profezija tal-Bibbja—Kif Tistaʼ Tgħinek?” f’It-Torri tal-Għassa taʼ Lulju 2022.
c Biex titgħallem kif tkun preparat għall-affarijiet tal-għaġeb li għandhom jiġru, ara l-ktieb Is-Saltna t’Alla qed taħkem! p. 230.