Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 16

Iddefendi l-verità dwar il-mewt

Iddefendi l-verità dwar il-mewt

“[Aħna] nagħrfu l-​espressjoni mnebbħa tal-​verità u l-​espressjoni mnebbħa taʼ l-​iżball.”—1 ĠW. 4:6.

GĦANJA 73 Għinna nxandru bil-​qlubija

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

Minflok ma tieħu sehem fi drawwiet li ma jogħġbux lil Alla, farraġ lil qrabatek li tilfu lil xi maħbub fil-mewt (Ara paragrafi 1-2) *

1-2. (a) Satana b’liema modi qarraq bin-​nies? (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

SATANA, “missier il-​gidba,” ilu jqarraq bin-​nies sa minn żmien Adam u Eva. (Ġw. 8:44) Xi ftit mill-​gideb tiegħu jinkludi tagħlim falz dwar il-​mewt u dwar il-​ħajja wara l-​mewt. Dan it-​tagħlim hu l-​bażi taʼ ħafna drawwiet u superstizzjonijiet popolari. B’hekk, diversi aħwa kellhom ‘jiġġieldu bl-​aħrax għall-​fidi’ meta miet xi ħadd fil-​familja jew fil-​komunità.—Ġuda 3.

2 Jekk int mistenni li tieħu sehem f’dawn id-​drawwiet, x’jistaʼ jgħinek iżżomm sod maʼ dak li l-​Bibbja tgħallem dwar il-​mewt? (Efes. 6:11) Kif tistaʼ tfarraġ u ssaħħaħ lil ħu jew oħt li tistaʼ tkun taħt pressjoni biex tieħu sehem fi drawwiet li ma jogħġbux lil Alla? Dan l-​artiklu se jiddiskuti kif Ġeħova jgħinna. L-​ewwel, ejja nikkunsidraw dak li l-​Bibbja tgħid dwar il-​mewt.

IL-​VERITÀ DWAR IL-​KUNDIZZJONI TAL-​MEJTIN

3. X’kien ir-​riżultat tal-​ewwel gidba?

3 Ma kienx l-​iskop t’Alla li n-​nies imutu. Imma biex jgħixu għal dejjem, Adam u Eva kellhom jobdu lil Ġeħova, li tahom kmand sempliċi: “Mis-​siġra taʼ l-​għarfien tat-​tajjeb u l-​ħażin ma tistax tiekol, għax fil-​jum li tiekol minnha int żgur li tmut.” (Ġen. 2:16, 17) Imbagħad daħal fix-​xena Satana. Billi tkellem permezz taʼ serp, hu qal lil Eva: “Żgur li ma tmutux.” B’dispjaċir, hi emmnet il-​gidba u kielet mill-​frott. Iktar tard, żewġha wkoll kiel mill-​frott. (Ġen. 3:4, 6) B’dal-​mod, daħlu fid-​dinja d-​dnub u l-​mewt.—Rum. 5:12.

4-5. Satana kif kompla jqarraq bin-​nies?

4 Adam u Eva mietu, eżatt bħalma kien qal Alla. Imma Satana ma waqafx jigdeb dwar il-​mewt. Maż-​żmien, beda jdaħħal gideb ieħor. Waħda minnhom hi t-​tagħlim li l-​ġisem fiżiku jmut imma xi ruħ immortali tibqaʼ tgħix, forsi bħala spirtu. Sal-​ġurnata tal-​lum, verżjonijiet differenti taʼ din il-​gidba qarrqu b’ħafna u ħafna nies.—1 Tim. 4:1.

5 Għala tqarrqu daqstant nies? Satana jieħu vantaġġ minn kif iħossuhom dwar il-​mewt biex iqarraq bihom. Peress li ġejna maħluqin biex ngħixu għal dejjem, ma rridux immutu. (Ekk. 3:11) Aħna nqisu l-​mewt bħala għadu.—1 Kor. 15:26.

6-7. (a) Irnexxielu Satana jaħbi l-​verità dwar il-​mejtin? Spjega. (b) Il-​verità tal-​Bibbja kif tgħinna ma nibżgħux mill-​mejtin?

6 Minkejja l-​isforzi taʼ Satana, il-​verità dwar il-​mewt ma nżammitx moħbija. Fil-​fatt, illum, ħafna iktar nies minn qatt qabel jafu u jxandru dak li l-​Bibbja tgħallem dwar il-​kundizzjoni tal-​mejtin u dwar it-​tama għall-​mejtin. (Ekk. 9:5, 10; Atti 24:15) Dawn il-​veritajiet ifarrġuna u jgħinuna ma jkollniex biżaʼ u dubji dwar x’jiġri wara l-​mewt. Pereżempju, aħna ma nibżgħux mill-​mejtin; lanqas ma nibżgħu li se tiġrilhom xi ħaġa ħażina. Aħna nafu li mhumiex ħajjin u li ma jistgħu jweġġgħu lil ħadd. Hu bħallikieku reqdin fil-​fond. (Ġw. 11:11-14) Aħna nafu wkoll li l-​mejtin ma jafux kemm għaddej żmien. Allura fl-​irxoxt, anke dawk li ilhom mejtin għal mijiet taʼ snin se jqisu ż-​żmien li għadda bħal teptipa tal-​għajnejn.

7 Ma taqbilx li l-​verità dwar il-​kundizzjoni tal-​mejtin hi ċara, sempliċi, u tagħmel sens? Kemm hi differenti mill-​gideb li jfixkel taʼ Satana! Apparti li jqarraq bin-​nies, dan il-​gideb jimmalafama lill-​Ħallieq tagħna. Biex nifhmu iktar bis-​sħiħ il-​ħsara li Satana għamel, se nikkunsidraw dawn il-​mistoqsijiet: Il-​gideb taʼ Satana kif immalafama lil Ġeħova? Kif ġiegħel lin-​nies jaħsbu li m’hemmx bżonn jemmnu fis-​sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa? Kif żied man-​niket u t-​tbatija tal-​umanità?

IL-​GIDEB TAʼ SATANA GĦAMEL ĦAFNA ĦSARA

8. Skont Ġeremija 19:5, il-​gideb taʼ Satana dwar il-​mejtin kif jimmalafama lil Ġeħova?

8 Il-​gideb taʼ Satana dwar il-​mejtin jimmalafama lil Ġeħova. Dan il-​gideb jinkludi t-​tagħlim falz li l-​mejtin qed jiġu turmentati fin-​nar. Tagħlim bħal dan jimmalafama lil Alla! Kif? Dan iġiegħel lin-​nies jemmnu li l-​Alla mimli mħabba għandu l-​istess personalità kattiva tax-​Xitan. (1 Ġw. 4:8) Dan kif iġiegħlek tħossok? Iktar importanti, kif iġiegħel lil Ġeħova jħossu? Wara kollox, hu jobgħod kull tip taʼ kattiverija.—Aqra Ġeremija 19:5.

9. Il-​gideb taʼ Satana kif jeffettwa t-​twemmin fis-​sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa li hu deskritt fi Ġwanni 3:16 u 15:13?

9 Il-​gideb taʼ Satana dwar il-​mewt iġiegħel lin-​nies jaħsbu li m’hemmx bżonn jemmnu fis-​sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa. (Mt. 20:28) Gidba satanika oħra hi li n-​nies għandhom ruħ immortali. Kieku dan hu veru, mela kulħadd se jgħix għal dejjem u Kristu ma kellux għalfejn jagħti ħajtu bħala fidwa għalina. Ftakar li s-​sagrifiċċju taʼ Kristu hu l-​ikbar turija taʼ mħabba li qatt intweriet mal-​umanità. (Aqra Ġwanni 3:16; 15:13.) Immaġina kif iħossuhom Ġeħova u Ġesù dwar tagħlim li jagħmel dan ir-​rigal prezzjuż mhux bżonjuż!

10. Il-​gideb taʼ Satana dwar il-​mewt kif żied man-​niket u t-​tbatija tal-​umanità?

10 Il-​gideb taʼ Satana jżid man-​niket u t-​tbatija tal-​umanità. Ġenituri li qed jitnikktu minħabba l-​mewt taʼ binhom jistaʼ jintqalilhom li Alla ħadhulhom, forsi biex ikun anġlu fis-​sema. Din il-​gidba satanika ttaffi l-​uġigħ tal-​qalb tagħhom jew tkompli żżidu? It-​tagħlim falz tan-​nar tal-​infern intuża biex jiġġustifika t-​torturi li kienu jsiru, inkluż dik li jaħarqu maʼ zokk lil dawk li jopponu t-​tagħlim tal-​knisja, imsejħin eretiċi. Skont ktieb dwar l-​Inkwiżizzjoni Spanjola, ftit mill-​uħud responsabbli għal din il-​kattiverija setgħu ħasbu li kienu sempliċiment qed juru lill-​eretiċi “kif se jkun in-​nar tal-​infern li ma jispiċċa qatt,” bit-​tama li jindmu qabel ma jmutu u jsalvaw min-​nar tal-​infern. F’xi pajjiżi, in-​nies iħossuhom obbligati li jqimu lill-​antenati mejtin tagħhom, li jonorawhom, jew li jitbierku minnhom. Oħrajn iridu jikkalmaw lill-​antenati tagħhom biex jevitaw li jiġu kkastigati minnhom. B’dispjaċir, twemmin ibbażat fuq gideb sataniku ma jġibx faraġ veru. Minflok, dan iwassal għal ansjetà bla bżonn jew saħansitra biżaʼ.

KIF NISTGĦU NIDDEFENDU L-​VERITÀ TAL-​BIBBJA

11. Kif jistgħu l-​qraba jew il-​ħbieb b’intenzjoni tajba jipprovaw jisforzawna mmorru kontra dak li tgħid il-​Kelma t’Alla?

11 L-​imħabba għal Alla u Kelmtu ssaħħaħna biex nobdu lil Ġeħova anke meta qraba jew ħbieb b’intenzjoni tajba jipprovaw jisforzawna nieħdu sehem fi drawwiet mhux Skritturali dwar il-​mejtin. Huma jistgħu jipprovaw iġegħluna nistħu, forsi billi jgħidulna li ma konniex inħobbu u nirrispettaw lil dak li miet. Jew forsi jgħidu li l-​imġiba tagħna se twassal biex il-​mejjet iweġġaʼ b’xi mod lill-​ħajjin. Kif nistgħu niddefendu l-​verità tal-​Bibbja? Aħseb dwar kif tistaʼ tapplika dawn il-​prinċipji Bibliċi li ġejjin.

12. Liema twemmin u drawwiet dwar il-​mejtin mhumiex Skritturali?

12 Kun determinat li ‘tinfired’ minn twemmin u drawwiet mhux Skritturali. (2 Kor. 6:17) Xi nies fil-​Karibew jemmnu li wara li xi ħadd imut, l-​“ispirtu” tiegħu jistaʼ jibqaʼ jdur fid-​dinja u jikkastiga lil dawk li ttrattawh ħażin. L-​“ispirtu” jistaʼ saħansitra “jagħmel straġi fil-​komunità,” tgħid referenza waħda. Fl-​Afrika, hemm drawwa li fid-​dar tal-​mejjet jgħattu l-​mirja u jdawru r-​ritratti tiegħu lejn il-​ħajt. Ir-​raġuni? Xi wħud jgħidu li l-​mejjet m’għandux jara lilu nnifsu! Bħala qaddejja taʼ Ġeħova, aħna la nemmnu fil-​ħrejjef u lanqas ma nieħdu sehem fi drawwiet li jippromwovu l-​gideb taʼ Satana!—1 Kor. 10:21, 22.

Riċerka tajba bbażata fuq il-Bibbja u komunikazzjoni tajba maʼ qrabatek li mhumiex Xhieda jistgħu jgħinuk tevita l-problemi (Ara paragrafi 13-14) *

13. Skont Ġakbu 1:5, x’għandek tagħmel jekk m’intix ċert minn xi drawwa?

13 Jekk m’intix ċert minn xi drawwa, itlob lil Ġeħova jagħtik l-​għerf tiegħu. (Aqra Ġakbu 1:5.) Imbagħad, agħmel riċerka fil-​pubblikazzjonijiet tagħna. Jekk hemm bżonn, tkellem mal-​anzjani fil-​kongregazzjoni tiegħek. Huma mhux se jgħidulek x’tagħmel, imma se jgħinuk issib prinċipji Bibliċi li japplikaw, bħal dawk imsemmijin f’dan l-​artiklu. Meta tagħmel dan, int tittrennja ‘s-​sensi tiegħek’ u dawn se jgħinuk ‘tagħraf tagħżel kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.’—Ebr. 5:14.

14. B’liema modi nistgħu nevitaw li nfixklu lil xi ħadd?

14 “Agħmlu kollox għall-​glorja t’Alla. Tkunux taʼ tfixkil.” (1 Kor. 10:31, 32) Meta nkunu qed niddeċiedu jekk niħdux sehem jew le fi drawwa jew tradizzjoni, għandna wkoll naħsbu dwar kif id-​deċiżjoni tagħna tistaʼ teffettwa l-​kuxjenza t’oħrajn, speċjalment dawk fil-​verità. Qatt ma rridu nfixklu lil xi ħadd! (Mk. 9:42) Ukoll, irridu nevitaw li nweġġgħu bla bżonn lil dawk li mhumiex Xhieda. L-​imħabba se timmotivana nkellmuhom b’rispett, u dan jigglorifika lil Ġeħova. Żgur li mhux se nargumentaw man-​nies jew inwaqqgħu għaċ-​ċajt it-​tradizzjonijiet tagħhom. Ftakar, l-​imħabba hi qawwija! Meta nuruha b’qalb tajba u b’rispett, għandu mnejn intaffu r-​rabja taʼ dawk li jopponuna.

15-16. (a) Għala hu għaqli li tgħid lil oħrajn x’temmen? Agħti eżempju. (b) Il-​kliem taʼ Pawlu f’​Rumani 1:16 kif japplika għalina?

15 Għid lil dawk fil-​komunità tiegħek li int wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. (Is. 43:10) Jekk xi ħadd fil-​familja tiegħek imut, il-​qraba u l-​ġirien tiegħek jistgħu jirrabjaw jekk ma tiħux sehem f’xi drawwa. Tistaʼ ssibha iktar faċli li tittratta mas-​sitwazzjoni jekk tkun spjegatilhom minn qabel dak li temmen. Francisco, li jgħix il-​Mozambique, jikteb: “Meta jien u marti Carolina tgħallimna l-​verità, għedna lil tal-​familja li ma konniex se nkomplu nqimu lill-​mejtin. Id-​deċiżjoni tagħna għaddiet minn prova meta mietet oħt Carolina. Id-​drawwa lokali kienet li waqt ritwal reliġjuż jinħasel il-​katavru. Imbagħad l-​iktar qarib li jiġi minnu mill-​viċin kellu jorqod tliet iljieli fil-​post fejn tferraʼ mal-​art l-​ilma li ntuża. Dawn id-​drawwiet suppost jikkalmaw l-​ispirtu tal-​mejjet. Il-​familja taʼ Carolina stennew li tagħmel dan hi.”

16 Francisco u martu kif irreaġixxew? Hu jispjega: “Peress li nħobbu lil Ġeħova u rridu nogħġbuh, ma ħadniex sehem fid-​drawwa. Il-​familja taʼ Carolina rrabjaw ħafna. Huma akkużawna li ma wrejniex rispett lejn il-​mejtin u qalulna li ma kinux se jibqgħu jiġu għandna jew jgħinuna. Peress li konna diġà spjegajnielhom it-​twemmin tagħna, ma ddiskutejniex dan waqt li kienu rrabjati. Xi qraba saħansitra ddefendewna, billi qalu li diġà konna spjegajna l-​waqfa tagħna. Maż-​żmien, il-​qraba taʼ Carolina kkalmaw, u stajna nagħmlu paċi. Fil-​fatt, xi wħud anke ġew id-​dar u talbuna letteratura Biblika.” Jalla qatt ma nistħu nieħdu l-​waqfa f’li niddefendu l-​verità dwar il-​mewt.—Aqra Rumani 1:16.

FARRAĠ U APPOĠĠJA LIL DAWK LI MITILHOM XI ĦADD

Ħbieb veri jfarrġu u jappoġġjaw lil dawk li mitilhom xi ħadd maħbub fil-mewt (Ara paragrafi 17-19) *

17. X’jistaʼ jgħinna nkunu ħbieb veri għal xi ħu jew oħt Kristjana mnikkta?

17 Meta ħu jew oħt Kristjana titlef lil xi ħadd maħbub fil-​mewt, aħna għandna nagħmlu l-​almu tagħna biex inkunu ‘ħbieb veri, aħwa għal meta jkun hemm in-​niket.’ (Prov. 17:17) Kif nistgħu nkunu ‘ħbieb veri,’ speċjalment jekk ħu jew oħt imnikkta qed tiġi sforzata tieħu sehem fi drawwiet mhux Skritturali? Ikkunsidra żewġ prinċipji Bibliċi li jistgħu jgħinuna nfarrġu lil dawk li mitilhom xi ħadd.

18. Ġesù għala beka, u x’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tiegħu?

18 “Ibku maʼ min jibki.” (Rum. 12:15) Anke meta ma nkunux nafu x’naqbdu ngħidu, jekk min hu mnikket jarana nibku, ikun jaf li aħna jimpurtana minn kif iħossu. Meta miet Lazzru, il-​ħabib taʼ Ġesù, Marija, Marta, u oħrajn bkew għal ħuhom u ħabib għażiż tagħhom. Meta wasal Ġesù erbat ijiem wara, anke hu “qabiżlu d-​dmugħ,” avolja kien jaf li kien se jqajjem lil Lazzru. (Ġw. 11:17, 33-35) Id-​dmugħ taʼ Ġesù wera kif iħossu Missieru. Ukoll, ikkonferma l-​imħabba li Ġesù kellu għall-​familja, u dan żgur farraġ lil Marija u Marta. B’mod simili, meta ħutna jħossu l-​imħabba u l-​interess tagħna, huma jafu li mhumiex waħedhom imma mdawrin bi ħbieb li jappoġġjawhom u jimpurtahom minnhom.

19. Ekkleżjasti 3:7 kif jistaʼ japplika meta tkun qed tfarraġ lil Xhud imnikket?

19 “Żmien li toqgħod kwiet u żmien li titkellem.” (Ekk. 3:7) Mod ieħor kif tfarraġ Xhud imnikket hu billi sempliċiment tkun semmiegħ tajjeb. Ħallih jiftaħ qalbu, u tiħux għalik minħabba xi “diskors bla ħsieb.” (Ġob 6:2, 3) Jistaʼ jkun li għandu stress emozzjonali żejjed minħabba l-​pressjoni minn qraba li mhumiex Xhieda. Allura itlob miegħu. Itlob bil-​ħrara lil “Semmiegħ it-​talb” biex isaħħu u jgħinu jaħseb sew. (Salm 65:2) Jekk iċ-​ċirkustanzi jippermettu, aqraw il-​Bibbja flimkien. Jew aqraw artiklu addattat mill-​pubblikazzjonijiet tagħna, bħal xi bijografija inkuraġġanti.

20. X’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

20 Xi privileġġ għandna li nafu l-​verità dwar il-​mejtin u dwar il-​futur meraviljuż li hemm għal dawk fl-​oqbra tat-​tifkira! (Ġw. 5:28, 29) Allura, ejja bi kliemna u bl-​azzjonijiet tagħna niddefendu b’kuraġġ il-​verità tal-​Bibbja u naqsmuha m’oħrajn f’kull opportunità xierqa. L-​artiklu li jmiss se juri mod ieħor kif Satana jipprova jżomm in-​nies milli jsiru jafu l-​verità. Dan hu l-​ispiritiżmu. Se naraw għala għandna bżonn nevitaw drawwiet u divertiment li għandhom x’jaqsmu maʼ din in-​nassa demonika.

GĦANJA 24 Ejjew lejn il-​muntanja taʼ Ġeħova

^ par. 5 Satana u d-​demonji tiegħu qarrqu bin-​nies b’gideb dwar il-​kundizzjoni tal-​mejtin. Dan il-​gideb wassal għal ħafna drawwiet mhux Skritturali. Dan l-​artiklu se jgħinek tibqaʼ leali lejn Ġeħova meta oħrajn jipprovaw jisforzawk tieħu sehem fi drawwiet bħal dawn.

^ par. 55 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Waqt li qariba tibki t-telfa tal-maħbub tagħha, membri tal-familja li huma Xhieda jfarrġuha.

^ par. 57 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Wara riċerka dwar drawwiet tal-funerali, Xhud b’qalb tajba jispjega t-twemmin tiegħu lil familtu.

^ par. 59 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Anzjani fil-kongregazzjoni Kristjana jfarrġu u jappoġġjaw lil ħu li tilef lil xi ħadd maħbub fil-mewt.