Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 50

Ġeħova jipprovdilek ħelsien

Ġeħova jipprovdilek ħelsien

“Xandru l-​libertà fl-​art lill-​abitanti kollha tagħha.”—LEV. 25:10.

GĦANJA 22 Bil-​lest is-​Saltna hi—Ħa tiġi!

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. (a) X’inhu ġublew? (Ara l-​kaxxa “ X’kien il-​Ġublew?”) (b) Ġesù dwar xiex tkellem f’​Luqa 4:16-18?

F’ĊERTI postijiet, isiru avvenimenti speċjali biex jiġi ċċelebrat l-​anniversarju taʼ 50 sena taʼ tmexxija taʼ re jew reġina. Dan l-​anniversarju taʼ 50 sena spiss jissejjaħ is-​sena tal-​ġublew taʼ mexxej. Iċ-​ċelebrazzjonijiet jistgħu jdumu għaddejjin ġurnata, ġimgħa, jew saħansitra iktar. Imma dawn eventwalment jispiċċaw, u l-​ferħ li jkunu ġabu malajr jintesa.

2 Dan l-​artiklu se jgħinna nitgħallmu dwar il-​Ġublew li kien jiġi ċċelebrat għal sena sħiħa mill-​Iżraelin kull 50 sena. Dan il-​Ġublew ta l-​libertà lill-​Iżraelin li kienu jiċċelebrawh żmien twil ilu. Imma għala għandna nitgħallmu dwaru? Għax is-​sena tal-​Ġublew t’Iżrael tfakkarna f’arranġament mill-​isbaħ li Ġeħova għamel għalina biex ikollna ħelsien, jew libertà, għal dejjem. Din il-​libertà, li tkellem dwarha Ġesù, nistgħu nibbenefikaw minnha minn issa.—Aqra Luqa 4:16-18.

In-nies t’Iżrael kienu jkunu ferħanin matul il-Ġublew, għax dawk li kienu skjavi kienu jmorru lura lejn il-familja u l-propjetà tagħhom (Ara paragrafu 3) *

3. Skont Levitiku 25:8-12, l-​Iżraelin kif ibbenifikaw mill-​Ġublew?

3 Biex nifhmu x’ried ifisser Ġesù meta tkellem dwar il-​libertà, l-​ewwel ikun tajjeb li nikkunsidraw l-​arranġament tal-​Ġublew li Alla għamel għan-​nies tiegħu żmien twil ilu. Ġeħova qalilhom hekk lill-​Iżraelin: “Qaddsu l-​ħamsin sena u xandru l-​libertà fl-​art lill-​abitanti kollha tagħha. Issir Ġublew għalikom, u morru lura kull wieħed lejn il-​proprjetà tiegħu u għandkom tmorru lura kull wieħed lejn il-​familja tiegħu.” (Aqra Levitiku 25:8-12.) Fl-​artiklu taʼ qabel, iddiskutejna dwar kif l-​Iżraelin ibbenifikaw mis-​Sabat taʼ kull ġimgħa. Allura l-​Iżraelin kif ibbenifikaw mill-​Ġublew? Ejja ngħidu li Iżraeli nqabad bid-​dejn u, biex iħallsu, kellu jbigħ il-​propjetà tiegħu. Fil-​Ġublew, hu kien jieħu din il-​propjetà lura. B’hekk, dan setaʼ ‘jmur lura lejn il-​proprjetà tiegħu,’ u maż-​żmien, uliedu setgħu jirtu din il-​propjetà. F’każijiet oħra, biex raġel iħallas dejn kbir, setaʼ kellu jbigħ lilu nnifsu jew lil xi ħadd minn uliedu bħala skjav. Imma fil-​Ġublew, l-​iskjav kellu ‘jmur lura lejn il-​familja tiegħu.’ B’hekk, ħadd ma kien jibqaʼ skjav b’mod permanenti, bla tama taʼ xejn! Dan l-​arranġament jurina kemm Ġeħova jinteressah min-​nies tiegħu.

4-5. Għala hu importanti għalina li nitgħallmu dwar il-​Ġublew?

4 X’kien benefiċċju ieħor tal-​Ġublew? Permezz taʼ Mosè, Ġeħova qal hekk: “Ħadd m’għandu jiftaqar f’nofsok, għax Ġeħova żgur li se jbierkek fl-​art li Ġeħova Alla tiegħek qed jagħtik bħala wirt biex tiħodha f’idejk.” (Dt. 15:4) Dan hu differenti ħafna minn dak li qed jiġri fid-​dinja llum, għax spiss, is-​sinjuri jsiru iktar sinjuri u l-​fqar iktar fqar!

5 Illum, aħna mhux qegħdin taħt il-​Liġi Mosajka. Allura, ma niċċelebrawx il-​Ġublew fejn l-​iskjavi jinħelsu, id-​dejn jinħafer, u l-​propjetà tingħata lura. (Rum. 7:4; 10:4; Efes. 2:15) Però, xorta hu importanti li nitgħallmu dwaru. Għala? Għax b’hekk se naraw dak li Ġeħova għamel għall-​Iżraelin, u dan ifakkarna f’dak li għamel għalina biex inkunu ħelsin.

ĠESÙ QAL LI SE JKUN HEMM ĦELSIEN

6. In-​nies minn xiex għandhom bżonn jiġu meħlusin?

6 Ilkoll kemm aħna għandna bżonn li niġu meħlusin, għax ilkoll skjavi taʼ xi ħaġa vera kerha—id-​dnub. Minħabba f’hekk, aħna nixjieħu, nimirdu, u mmutu. Ħafna jistgħu jaraw evidenza taʼ dan meta jħarsu lejn mera jew meta jkollhom bżonn imorru għand it-​tabib. Barra minn hekk, peress li aħna skjavi tad-​dnub, aħna nidinbu, u dan jiskuraġġina. L-​appostlu Pawlu ammetta li hu kien skjav tal-​‘liġi tad-​dnub li hemm fil-​membri taʼ ġismu.’ Hu żied jgħid: “Bniedem miżerabbli li jien! Min jeħlisni mill-​ġisem li qed iġarrab din il-​mewt?”—Rum. 7:23, 24.

7. Isaija xi profezija qal dwar il-​libertà?

7 Aħna vera grati li Alla għamel arranġament biex inkunu nistgħu niġu meħlusin mid-​dnub. Dan hu possibbli grazzi għal Ġesù. Iktar minn 700 sena qabel ma Ġesù ġie fuq l-​art, il-​profeta Isaija qal li fil-​futur, in-​nies kienu se jgawdu libertà ħafna aħjar minn dik li l-​Iżraelin gawdew fil-​Ġublew. Hu kiteb: “L-​ispirtu tal-​Mulej Sovran Ġeħova qiegħed fuqi, għax Ġeħova dilikni biex ngħid aħbar tajba lill-​ġwejdin. Bagħatni biex ninfaxxa lil dawk b’qalbhom maqsuma, biex inxandar il-​libertà lil dawk li ttieħdu fil-​jasar.” (Is. 61:1) Min kellu jwettaq din il-​profezija?

8. Min kellu jwettaq il-​profezija taʼ Isaija dwar il-​libertà?

8 Din il-​profezija dwar il-​libertà bdiet isseħħ wara li Ġesù beda l-​ministeru tiegħu. Meta Ġesù mar fis-​sinagoga f’Nazaret, il-​post fejn kien trabba, hu qara l-​profezija taʼ Isaija lil-​Lhud li kienu miġburin hemm. Ġesù wera li hu kien il-​wieħed li kien se jwettaq dan il-​kliem: “L-​ispirtu taʼ Ġeħova qiegħed fuqi, għax Hu dilikni biex inxandar aħbar tajba lill-​foqra, bagħatni nippriedka l-​ħelsien lill-​imjassrin u l-​għoti tad-​dawl lill-​għomja, biex neħles lill-​imgħakksin, biex nippriedka s-​sena aċċettabbli mingħand Ġeħova.” (Lq. 4:16-​19) Ġesù kif wettaq din il-​profezija?

L-​EWWEL NIES LI KELLHOM JIĠU MEĦLUSIN

Ġesù jxandar dwar il-libertà fis-sinagoga f’Nazaret (Ara paragrafi 8-9)

9. Ħafna nies fi żmien Ġesù minn xiex ħasbu li se jiġu liberati?

9 Fi żmien Ġesù, in-​nies bdew jirċievu l-​libertà li kien ipprofetizza dwarha Isaija. Ġesù kkonferma dan meta qal hekk: “Illum twettqet din l-​iskrittura li għadkom kemm smajtu.” (Lq. 4:21) Ħafna min-​nies li semgħu lil Ġesù jgħid hekk, x’aktarx ħasbu li se jinħelsu mit-​tmexxija tal-​gvern Ruman. Id-​dixxipli taʼ Ġesù aktarx ħasbu l-​istess għax xi żmien wara tnejn minnhom qalu: “Aħna konna qed nittamaw li dan ir-​raġel kien dak li kellu jeħles lil Israel.” (Lq. 24:13, 21) Imma aħna nafu li Ġesù ma qalx lis-​segwaċi tiegħu biex jirribellaw kontra t-​tmexxija ħarxa tar-​Rumani. Anzi, hu qalilhom biex jagħtu “lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari.” (Mt. 22:21) Allura Ġesù b’liema mod ħeles lin-​nies dak iż-​żmien?

10. Ġesù minn xiex ħelishom lin-​nies?

10 Iben Alla ġie biex jeħles lin-​nies minn żewġ affarijiet. L-​ewwel, Ġesù għen lin-​nies jinħelsu mit-​tagħlim falz tal-​mexxejja reliġjużi. Dak iż-​żmien, ħafna Lhud kienu skjavi taʼ tagħlim falz u drawwiet tan-​nies. (Mt. 5:31-37; 15:1-11) Dawk li suppost kienu qed jiggwidaw lin-​nies dwar kif għandhom jaqdu lil Alla, kienu għomja spiritwalment. Peress li m’aċċettawx lill-​Messija u l-​verità li għallem, huma baqgħu għomja spiritwalment, u dnubiethom ma nħafrux. (Ġw. 9:1, 14-16, 35-41) Minħabba li Ġesù għallem il-​verità u ta eżempju tajjeb, hu wera lil nies umli jaraw kif setgħu jkunu liberi minn tagħlim falz.—Mk. 1:22; 2:23–3:5.

11. Liema hu t-​tieni mod kif Ġesù pprovda l-​libertà?

11 It-​tieni mod kif Ġesù pprovda libertà hu billi ħeles lin-​nies mid-​dnub. Grazzi għas-​sagrifiċċju tal-​fidwa, Alla setaʼ jaħfer id-​dnubiet taʼ dawk li juru fidi u jaċċettaw il-​fidwa li Hu pprovdielhom. (Ebr. 10:12-18) Ġesù qal: “Jekk l-​Iben jeħliskom, tkunu ħielsa tassew.” (Ġw. 8:36) Din il-​libertà żgur li kienet aħjar mil-​libertà li kellhom l-​Iżraelin fis-​sena tal-​Ġublew! Pereżempju, raġel li jinħeles fil-​Ġublew, maż-​żmien setaʼ jerġaʼ jsir skjav, u eventwalment kien se jmut. Imma grazzi għal Ġesù, aħna se nkunu meħlusin għal dejjem.

12. Min kienu l-​ewwel nies li bbenifikaw mil-​libertà li semma Ġesù?

12 Fil-​jum taʼ Pentekoste tas-​sena 33 wara Kristu (WK), Ġeħova ferraʼ l-​ispirtu qaddis fuq l-​appostli u fuq irġiel u nisa leali oħra. Hu addottahom bħala wliedu biex maż-​żmien jiġu rxoxtati biex imexxu maʼ Ġesù fis-​sema. (Rum. 8:2, 15-17) Dawn kienu l-​ewwel nies li bbenifikaw mil-​libertà li tkellem dwarha Ġesù fis-​sinagoga taʼ Nazaret. Dawn l-​irġiel u n-​nisa kienu nħelsu mit-​tagħlim falz tal-​mexxejja reliġjużi Lhud u mid-​drawwiet ħżiena. Barra minn hekk, f’għajnejn Alla, huma kienu meħlusin mid-​dnub li jġib il-​mewt. Il-​Ġublew simboliku, jew l-​arranġament li Alla għamel biex iġib il-​libertà, beda meta hu ferraʼ l-​ispirtu qaddis fuq is-​segwaċi taʼ Kristu fis-​sena 33 WK. Dan l-​arranġament se jispiċċa wara t-​Tmexxija taʼ Elf Sena taʼ Kristu. Liema affarijiet sbieħ se jkunu twettqu sa dak iż-​żmien?

MILJUNI TAʼ NIES OĦRA JIĠU MEĦLUSIN

13-14. Apparti l-​Kristjani midlukin, min jistaʼ jibbenifika mil-​libertà li semma Ġesù?

13 Illum, miljuni taʼ nies sinċieri madwar id-​dinja huma min-​“nagħaġ oħrajn.” (Ġw. 10:16) Dawn ma ġewx magħżulin minn Alla biex imexxu maʼ Ġesù fis-​sema. Minflok, bħalma tgħid il-​Bibbja, huma għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem f’ġenna tal-​art. Hija din it-​tama tiegħek?

14 Bħalissa, int diġà tistaʼ tgawdi ftit mill-​benefiċċji li jgawdu minnhom il-​midlukin. Minħabba li għandek fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, int tistaʼ titlob lil Alla biex jaħfirlek dnubietek. Dan jagħmilhielek possibbli li tkun approvat minn Alla u jkollok kuxjenza nadifa quddiemu. (Efes. 1:7; Riv. 7:14, 15) Aħseb ukoll dwar il-​barkiet li tgawdi minħabba li ġejt meħlus mit-​tagħlim falz. Ġesù qal: “Tkunu tafu l-​verità, u l-​verità teħliskom.” (Ġw. 8:32) Kemm aħna ferħanin li għandna din il-​libertà!

15. Liema libertà u barkiet nistgħu ngawdu fil-​futur?

15 Fil-​futur, int se tkun tistaʼ tgawdi iktar libertà. Ġesù dalwaqt se jaġixxi biex ineħħi r-​reliġjon falza u l-​gvernijiet inġusti. Alla se jipproteġi “folla kbira” li taqdih, imbagħad hu se jippermetti lin-​nies biex igawdu l-​barkiet f’ġenna tal-​art. (Riv. 7:9, 14) Ħafna u ħafna nies se jiġu rxoxtati u se jkollhom l-​opportunità li jkunu liberi mill-​effetti koroh tad-​dnub t’Adam.—Atti 24:15.

16. Liema libertà mill-​isbaħ se jgawdu n-​nies fil-​futur?

16 Matul it-​Tmexxija taʼ Elf Sena, Kristu u dawk li jmexxu miegħu se jgħinu lin-​nies ikollhom saħħa perfetta u relazzjoni perfetta m’Alla. Dan iż-​żmien se jkun simili għall-​Ġublew t’Iżrael. X’se jkun ir-​riżultat? Dawk kollha li jaqdu lil Ġeħova b’lealtà se jkunu perfetti għalkollox u ħelsin mid-​dnub.

Fid-dinja l-ġdida, se nieħdu pjaċir nagħmlu xogħol bżonjuż u sodisfaċenti (Ara paragrafu 17)

17. Isaija 65:21-23 x’jgħid dwar il-​futur tan-​nies t’Alla? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

17 Isaija 65:21-23 itina deskrizzjoni taʼ kif se tkun il-​ħajja fuq l-​art fil-​futur. (Aqra.) F’dak iż-​żmien, mhux se noqogħdu nitgħażżnu jew ma nagħmlu xejn. Anzi, il-​Bibbja turina li n-​nies t’Alla se jagħmlu xogħol bżonjuż u sodisfaċenti. Fi tmiem it-​Tmexxija taʼ Elf Sena taʼ Kristu, nistgħu nkunu ċerti li l-​‘ħolqien jinħeles mill-​jasar tat-​taħsir u jkollu l-​libertà glorjuża taʼ wlied Alla.’—Rum. 8:21.

18. Għala nistgħu nistennew li se nkunu ferħanin fil-​futur?

18 Żmien ilu, Ġeħova għen lill-​Iżraelin isibu bilanċ bejn ix-​xogħol u l-​mistrieħ, u żgur li se jagħmel l-​istess għan-​nies tiegħu matul it-​Tmexxija taʼ Elf Sena taʼ Kristu. Meta n-​nies iqimu lil Alla, ikunu ferħanin. Bla dubju, fid-​dinja l-​ġdida se jkollna ħin dedikat għal dan. Fit-​Tmexxija taʼ Elf Sena taʼ Kristu, in-​nies leali kollha se jkunu ferħanin għax se jkollhom xogħol sodisfaċenti u kollha se jkunu jaqdu lil Alla.

GĦANJA 142 Inżommu mat-​tama tagħna sat-​tmiem

^ par. 5 Ġeħova għamel arranġament speċjali biex jipprovdi libertà għall-​Iżraelin. Dan kien il-​Ġublew. Għalkemm illum m’aħniex taħt il-​Liġi Mosajka, hu importanti għalina li nitgħallmu dwar il-​Ġublew. F’dan l-​artiklu se naraw kif il-​Ġublew, li kienu jiċċelebraw l-​Iżraelin, ifakkarna f’xi ħaġa li Ġeħova għamel għalina, u kif nistgħu nibbenifikaw minnha.

^ par. 61 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Fil-​Ġublew, żewġt irġiel li kienu skjavi jiġu liberati u jmorru lura lejn il-​familja u l-​propjetà tagħhom.