Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 52

Ġenituri—Rabbu lit-tfal iħobbu lil Ġeħova

Ġenituri—Rabbu lit-tfal iħobbu lil Ġeħova

“Iben hu wirt mingħand Ġeħova.”—SALM 127:3.

GĦANJA 134 It-​tfal huma wirt mingħand Alla

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Ġeħova x’responsabbiltà ta lill-​ġenituri?

ĠEĦOVA ħalaq lill-​ewwel koppja bix-​xewqa li jkollhom it-​tfal. Il-​Bibbja bix-​xieraq tgħid li t-​tfal huma wirt mingħand Ġeħova. (Salm 127:3) Dan xi jfisser? Immaġina li ħabib kbir tiegħek jitolbok biex tiħodlu ħsieb somma kbira taʼ flus. Kif tħossok? Aktarx se tħossok grat li jafdak. Imma għandu mnejn tinkwieta dwar kif se tieħu ħsieb din is-​somma flus. Ġeħova, l-​akbar Ħabib tagħna, jagħti lill-​ġenituri r-​responsabbiltà li jieħdu ħsieb xi ħaġa li tiswa ħafna aktar mill-​flus. Fil-​fatt, iridhom jieħdu ħsieb it-​tfal sew u jgħinuhom ikunu kuntenti.

2. X’mistoqsijiet se niddiskutu?

2 Min għandu jiddeċiedi jekk koppja għandux ikollha tfal u meta għandu jkollha t-​tfal? U dawk li għandhom it-​tfal, x’jistgħu jagħmlu biex jgħinu ’l uliedhom ikunu ferħanin? Ikkunsidra xi ftit mill-​prinċipji li nsibu fil-​Kelma t’Alla li jistgħu jgħinu lill-​koppji Kristjani jieħdu deċiżjonijiet tajbin.

IRRISPETTA D-​DEĊIŻJONI TAL-​KOPPJA

3. (a) Min għandu jiddeċiedi jekk koppja ġġibx tfal? (b) Il-​ħbieb u tal-​familja, liema prinċipji Bibliċi għandhom iżommu f’moħħhom?

3 F’xi kulturi, in-​nies jaħsbu li koppji li jkunu għadhom kemm iżżewġu għandhom iġibu t-​tfal mill-​ewwel. Forsi l-​ġenituri u oħrajn jagħmlulhom pressjoni biex jimxu fuq din id-​drawwa. Jethro, ħu fl-​Asja jgħid, “Fil-​kongregazzjoni, uħud li għandhom it-​tfal, jagħmlu pressjoni fuq oħrajn biex ikollhom it-​tfal.” Jeffrey, ħu ieħor fl-​Asja jinnota, “Xi wħud jgħidu lil dawk li m’għandhomx tfal li mhux se jkun hemm min jieħu ħsiebhom meta jikbru.” Però, kull koppja għandha tiddeċiedi għaliha nfisha jekk hux se jkollha tfal. Hija r-​responsabbiltà tagħhom li jieħdu din id-​deċiżjoni. (Gal. 6:5) Ovvjament, il-​ħbieb u tal-​familja jkunu jridu li l-​koppja li tkun għadha kemm iżżewġet tkun ferħana. Imma jridu jiftakru li l-​koppja għandha tieħu din id-​deċiżjoni.—1 Tess. 4:11.

4-5. Il-​koppji liema żewġ suġġetti għandhom jiddiskutu, u meta jkun l-​aħjar li jagħmlu dan? Spjega.

4 Koppja li tiddeċiedi jkollha t-​tfal tagħmel tajjeb li tiddiskuti dawn iż-​żewġ suġġetti importanti: L-​ewwel, meta se jkollhom it-​tfal? It-​tieni, kemm jixtiequ jkollhom tfal? Meta hu l-​aħjar żmien għall-​koppja biex tiddiskuti dawn l-​affarijiet? U dawn iż-​żewġ suġġetti għala huma tant importanti?

5 F’ħafna każi, ikun tajjeb li koppja titkellem qabel tiżżewweġ dwar jekk ikollhiex tfal. Għala? Għax huwa importanti ħafna li t-​tnejn li huma jaħsbuha l-​istess dwar dan is-​suġġett qabel jiżżewġu. Apparti minn hekk, ikun hemm bżonn jikkunsidraw jekk humiex lesti għal din ir-​responsabbiltà. Xi koppji ddeċidew li jkollhom it-​tfal wara sena jew tnejn miżżewġin. Għala? Biex ikollhom biżżejjed ħin ħalli jidraw jgħixu flimkien bħala koppja. Dan itihom iċ-​ċans biex jersqu eqreb taʼ xulxin qabel isiru ġenituri, għax imbagħad għandhom bżonn jużaw ħafna ħin u enerġija mat-​tfal.—Efes. 5:33.

6. Xi koppji xi ddeċidew minħabba ż-​żminijiet li qed ngħixu fihom?

6 Kristjani oħra għażlu li jimitaw it-​tliet subien taʼ Noè u n-​nisa tagħhom. Dawn it-​tliet koppji mhux mill-​ewwel kellhom it-​tfal. (Ġen. 6:18; 9:18, 19; 10:1; 2 Pt. 2:5) Ġesù qabbel żmienna maʼ “jiem Noè,” u m’hemmx dubju li aħna qed ngħixu fi “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (Mt. 24:37; 2 Tim. 3:1) Minħabba f’hekk, xi koppji ddeċidew li għalissa ma jkollhomx tfal biex ikunu jistgħu jagħmlu iktar għal Ġeħova.

Meta l-koppji jiddeċiedu jekk hux se jkollhom tfal u kemm se jkollhom, dawn ikunu għaqlin jekk ‘jikkalkulaw l-ispejjeż’ (Ara paragrafu 7) *

7. Il-​prinċipji taʼ Luqa 14:28, 29 u Proverbji 21:5, kif jistgħu jgħinu lil koppja?

7 Meta l-​koppji jiddeċiedu jekk hux se jkollhom tfal u kemm se jkollhom, dawn ikunu għaqlin jekk ‘jikkalkulaw l-​ispejjeż.’ (Aqra Luqa 14:28, 29.) Koppji bit-​tfal jafu li biex ikollok it-​tfal u trabbihom trid il-​flus. Apparti minn hekk, hemm bżonn il-​ħin u l-​enerġija. B’hekk, huwa importanti li koppja taħseb fuq mistoqsijiet bħal: ‘It-​tnejn li aħna se jkollna naħdmu biex nixtru l-​affarijiet bżonjużi għall-​familja? Aħna naqblu dwar x’inhuma l-​affarijiet verament bżonjużi? Jekk it-​tnejn li aħna jkollna naħdmu, min se jieħu ħsieb it-​tfal tagħna? Min se jinfluwenza kif jaħsbu u jaġixxu t-​tfal?’ Meta l-​koppji jitkellmu bil-​kalma dwar dawn il-​mistoqsijiet, huma jkunu qed japplikaw il-​kliem taʼ Proverbji 21:5.—Aqra.

Raġel li jħobb lil martu jagħmel minn kollox biex jgħinha (Ara paragrafu 8)

8. Kristjani miżżewġin xi sfidi jistaʼ jkollhom, u x’jagħmel raġel li jħobb lil martu?

8 It-​tfal ikollhom bżonn u jistħoqqilhom attenzjoni u enerġija mhux ħażin minn kull ġenitur. Allura jekk koppja jkollha t-​tfal f’xulxin, jistgħu jsibuha taʼ sfida biex jagħtu l-​attenzjoni li hemm bżonn lil kull tifel jew tifla li għandhom. Xi koppji li kellhom it-​tfal f’xulxin jammettu li ma kinux jafu x’se jaqbdu jagħmlu. Omm forsi dejjem tħossha bla saħħa. Hi tant tistaʼ tispiċċa għajjiena li ma jkollhiex enerġija biex tistudja, titlob, u tipprietka b’mod regolari. Jistaʼ anki jkun diffiċli għaliha biex toqgħod attenta waqt il-​laqgħat Kristjani u biex tibbenefika minnhom. Naturalment, raġel li jħobb lil martu jagħmel dak li jistaʼ biex jgħinha meta t-​tfal ikollhom bżonn l-​attenzjoni fil-​laqgħat u fid-​dar. Pereżempju, jistaʼ jgħin lill-​mara fix-​xogħol tad-​dar. Hu jagħmel ċert li kulħadd jibbenefika mill-​Qima Bħala Familja taʼ kull ġimgħa. U rġiel Kristjani joħorġu fil-​ministeru mal-​familja b’mod regolari.

GĦALLMU LIT-​TFAL IĦOBBU LIL ĠEĦOVA

9-10. Il-​ġenituri x’għandhom jagħmlu biex jgħinu lit-​tfal tagħhom?

9 X’inhuma xi affarijiet li l-​ġenituri jistgħu jagħmlu biex jgħinu lil uliedhom jitgħallmu jħobbu lil Ġeħova? Kif jistgħu jipproteġu lit-​tfal tagħhom mill-​periklu tad-​dinja ħażina tal-​lum? Aħseb fuq ftit passi li jistgħu jgħinu l-​ġenituri.

10 Itlob għall-​għajnuna taʼ Ġeħova. Ħu l-​eżempju taʼ Manogħa u martu, jiġifieri l-​ġenituri taʼ Sansun. Meta Manogħa sar jaf li kien se jkollhom tifel, hu talab ħafna lil Ġeħova biex jgħallimhom kif għandhom irabbuh.

11. Koppja kif imitat l-​eżempju taʼ Manogħa?

11 Nihad u Alma, mill-​Bożnija-​Ħerzegovina, tgħallmu mill-​eżempju taʼ Manogħa. Huma jispjegaw: “Bħal Manogħa, aħna tlabna lil Ġeħova biex jgħallimna nkunu ġenituri tajbin. U Ġeħova wieġeb it-​talb tagħna b’diversi modi—permezz tal-​Iskrittura, il-​letteratura bbażata fuq il-​Bibbja, il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni, u l-​konvenzjonijiet.”—Aqra Mħallfin 13:8.

12. Ġużeppi u Marija x’eżempju ħallew għal uliedhom?

12 Għallem bl-​eżempju. Dak li tgħid hu importanti, imma dak li tagħmel aktarx se jħalli effett ikbar fuq uliedek. Aħna nistgħu nkunu ċerti li Ġużeppi u Marija ħallew eżempju eċċellenti għat-​tfal tagħhom, inkluż Ġesù. Ġużeppi ħadem iebes biex jieħu ħsieb il-​familja. Iżjed minn hekk, Ġużeppi inkuraġġiehom iħobbu affarijiet spiritwali. (Dt. 4:9, 10) Ġużeppi kien jieħu l-​familja miegħu Ġerusalemm “minn sena għal sena” għall-​festa tal-​Qbiż. Dan kien jagħmlu allavolja skont il-​Liġi ma kellux għalfejn jiħodhom miegħu. (Lq. 2:41, 42) F’dak iż-​żmien, xi missirijiet forsi kienu jaħsbu li biex jieħdu l-​familja kollha magħhom kien se jkun wisq diffiċli, jirrikjedi ħafna ħin, u jqum ħafna flus. Però, m’hemmx dubju li Ġużeppi apprezza l-​affarijiet spiritwali u għallem it-​tfal jagħmlu l-​istess. Apparti minn hekk, Marija kienet taf l-​Iskrittura sew. Bil-​kliem u l-​azzjonijiet tagħha żgur li għallmet lil uliedha jħobbu l-​Kelma t’Alla.

13. Koppja kif imxiet fuq l-​eżempju taʼ Ġużeppi u Marija?

13 Nihad u Alma, li ssemmew qabel, riedu jimxu fuq l-​eżempju li ħallew Ġużeppi u Marija. Dan kif għenhom irabbu t-​tifel iħobb u jaqdi lil Alla? Huma jgħidu, “Bl-​eżempju tagħna stess, aħna provajna nuru lit-​tifel kemm hu tajjeb li tgħix fi qbil mal-​prinċipji taʼ Ġeħova.” Nihad iżid jgħid, “Kun it-​tip taʼ persuna li tixtieq li t-​tifel tiegħek ikun.”

14. Għala hemm bżonn li l-​ġenituri jkunu jafu min huma l-​ħbieb tat-​tfal tagħhom?

14 Għin lit-​tfal tiegħek jagħżlu ħbieb tajbin. Kemm l-​omm u kemm il-​missier għandhom jkunu jafu maʼ min qed jagħmluha t-​tfal u x’qed jagħmlu. Dan ifisser li l-​ġenituri għandhom bżonn ikunu jafu maʼ min qed jitkellmu t-​tfal tagħhom fuq is-​social media u l-​mowbajl. Dawn il-​ħbieb jistgħu jinfluwenzaw kif jirraġunaw u jaġixxu t-​tfal tiegħek.—1 Kor. 15:33.

15. Il-​ġenituri x’jistgħu jitgħallmu mill-​eżempju taʼ missier fil-​Filippini?

15 Il-​ġenituri x’jistgħu jagħmlu jekk ma tantx jafu jħaddmu affarijiet bħal kompjuters jew mowbajls? Missier fil-​Filippini jgħid: “Ma tantx konna nifhmu fit-​teknoloġija. Imma dan ma waqqafniex milli nġibu lit-​tfal konxji tal-​perikli li jistaʼ jkollha.” Dan il-​missier ma qabadx u waqqaf lit-​tfal milli jużaw it-​teknoloġija sempliċiment għax hu ma tantx jaf jużaha. Hu kien jinkuraġġihom jużaw it-​teknoloġija biex jitgħallmu lingwa ġdida, biex jippreparaw għal-​laqgħat, u biex jaqraw il-​Bibbja kuljum. Jekk int ġenitur, użajt is-​sezzjoni “Żgħażagħ” fuq jw.org® maʼ wliedek li tagħti pariri raġonevoli dwar il-​messaġġi u r-​ritratti li jitfgħu fuq l-​internet? Iddiskutejt magħhom il-​vidjows Qiegħda t-​teknoloġija tikkontrollalek ħajtek? u Oqgħod attent meta tuża s-​social network? * L-​informazzjoni li hemm fihom tistaʼ tkun t’għajnuna kbira hekk kif tgħallem lil uliedek jużaw it-​teknoloġija bil-​għaqal.—Prov. 13:20.

16. X’għamlu ħafna ġenituri, u x’kien ir-​riżultat?

16 Ħafna ġenituri jagħmlu ħilithom biex it-​tfal tagħhom ikollhom l-​opportunità li jagħmluha maʼ wħud li huma t’eżempju tajjeb f’li jaqdu lil Alla. Pereżempju, N’Déni u Bomine, koppja fil-​Kosta tal-​Avorju, spiss kienu jistiednu lill-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet biex jorqod għandhom. N’Déni jgħid: “Dan ħalla effett kbir fuq it-​tifel tagħna. Hu beda jaqdi bħala pijunier u issa hu sostitut għall-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet.” Tistaʼ tagħmel xi ħaġa simili biex it-​tfal tiegħek ikollhom ħbieb tajbin?

17-18. Il-​ġenituri meta għandhom jibdew jgħallmu lit-​tfal?

17 Ibda għallem it-​tfal mindu jkunu żgħar ħafna. Qatt mhu kmieni wisq biex tgħallem lil uliedek. (Prov. 22:6) Ftakar f’Timotju, li maż-​żmien vjaġġa mal-​appostlu Pawlu. Omm Timotju, Ewniċe, u nanntu Lojs għallmuh ‘minn mindu kien tarbija.’—2 Tim. 1:5; 3:15.

18 Jean-​Claude u Peace, koppja oħra fil-​Kosta tal-​Avorju, irnexxielhom irabbu s-​sitt it-​tfal tagħhom iħobbu lil Ġeħova u jaqduh. X’għenhom jirnexxu f’dan? Huma mxew fuq l-​eżempju taʼ Ewniċe u Lojs. Il-​koppja tgħid, “Aħna għenniehom idaħħlu t-​tagħlim tal-​Kelma t’Alla sew f’qalbhom minn mindu kienu żgħar ħafna, ftit wara li twieldu.”—Dt. 6:6, 7.

19. Xi jfisser li tgħin ’l uliedek ‘idaħħlu sew’ it-​tagħlim tal-​Kelma t’Alla f’qalbhom?

19 Xi jfisser li tgħin ’l uliedek ‘idaħħlu sew’ it-​tagħlim tal-​Kelma t’Alla f’qalbhom? Dan ifisser li tgħallem u tfakkar billi tirrepeti. Sabiex jagħmlu dan, il-​ġenituri għandhom bżonn iqattgħu l-​ħin b’mod regolari mat-​tfal tagħhom. Kultant il-​ġenituri forsi jirritaw ruħhom għax ikollhom jirrepetu t-​tagħlim lit-​tfal tagħhom. Imma l-​ġenituri jistgħu jqisu dan bħala opportunità biex jgħinu lit-​tfal jifhmu l-​Kelma t’Alla u japplikawha.

Il-ġenituri jridu jaraw kif se jgħallmu lit-tfal b’mod individwali (Ara paragrafu 20) *

20. Spjega kif Salm 127:4 jistaʼ jgħinek trabbi t-​tfal.

20 Sir af lit-​tfal tiegħek sew. Salm 127 iqabbel it-​tfal mal-​vleġeġ. (Aqra Salm 127:4.) Bħalma l-​vleġeġ jistgħu jkunu magħmulin minn materjal differenti u jistgħu jvarjaw fil-​qies, hekk ukoll it-​tfal, huma differenti minn xulxin. Allura l-​ġenituri jridu jifhmu kif se jgħallmu lit-​tfal b’mod individwali. Koppja li toqgħod f’Iżrael u li rabbiet żewġt itfal fil-​verità tgħid x’sabet t’għajnuna, “Aħna konna nagħmlu l-​istudju tal-​Bibbja tat-​tfal b’mod individwali.” Ovvjament, kull kap tal-​familja għandu jiddeċiedi jekk hemmx bżonn isir hekk u jekk hux possibbli.

ĠEĦOVA SE JGĦINEK

21. Il-​ġenituri x’għajnuna jistgħu jistennew minn Ġeħova?

21 Kultant il-​ġenituri jħossu li jkun diffiċli wisq biex jgħallmu t-​tfal, imma t-​tfal huma rigal mingħand Ġeħova. Hu dejjem hemm biex jgħinna. Hu lest li jismaʼ t-​talb tal-​ġenituri. Hu jwieġeb dan it-​talb permezz tal-​Bibbja, il-​pubblikazzjonijiet tagħna, u l-​eżempji u l-​pariri taʼ aħwa oħra li rabbew it-​tfal.

22. Il-​ġenituri x’jistgħu jagħtu lil uliedhom?

22 Xi nies jgħidu li hemm bżonn 20 sena biex trabbi tifel, imma fir-​realtà l-​ġenituri qatt ma jieqfu jkunu ġenituri. Fost l-​aħjar affarijiet li jistgħu jagħtu lil uliedhom hemm l-​imħabba, il-​ħin, u t-​tagħlim ibbażat fuq il-​Bibbja. It-​tfal mhux kollha jaġixxu l-​istess għat-​tagħlim. Però, ħafna li trabbew minn ġenituri li jħobbu lil Ġeħova, iħossuhom bħal Joanna Mae, oħt fl-​Asja: “Meta noqgħod naħseb dwar kif il-​ġenituri rabbewni, vera napprezza d-​dixxiplina li tawni u l-​imħabba li għallmuni nuri lejn Ġeħova. Huma mhux biss tawni l-​ħajja, imma tawni wkoll ħajja sodisfaċenti!” (Prov. 23:24, 25) Miljuni taʼ Kristjani jħossuhom bl-​istess mod.

GĦANJA 59 Faħħru lil Jah

^ par. 5 Il-​koppji miżżewġin bilfors iridu jġibu t-​tfal? Jekk jagħżlu li jkollhom it-​tfal, kemm għandu jkollhom? U kif jistgħu jrabbu lit-​tfal tagħhom iħobbu lil Ġeħova u jaqduh? Dan l-​artiklu jitkellem dwar eżempji moderni u jagħti prinċipji Bibliċi li jistgħu jgħinuna nwieġbu dawn il-​mistoqsijiet.

^ par. 15 Ara wkoll il-​ktieb Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom, l-​1 Volum, kap. 36, u t-​2 Volum bl-​Ingliż, kap. 11.

^ par. 60 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Koppja Kristjana tiddiskuti jekk ikollhiex tfal billi tiżen l-​affarijiet sbieħ u l-​isfidi li hemm biex trabbi.

^ par. 64 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Koppja tistudja b’mod separat mat-​tfal peress li mhumiex tal-​istess età u abbiltà.