Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 49

Hemm ħin biex taħdem u ħin biex tistrieħ

Hemm ħin biex taħdem u ħin biex tistrieħ

“Ejjew waħedkom f’post imwarrab u strieħu ftit.”—MARKU 6:31.

GĦANJA 143 Ibqaʼ ħabrek, għasses, u stenna

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. X’inhi l-​ħarsa taʼ ħafna nies dwar ix-​xogħol?

ĦAFNA nies kif iqisu x-​xogħol? F’ħafna pajjiżi, in-​nies qed jaħdmu iktar minn qatt qabel. Nies li jaħdmu żżejjed mhux qed ikollhom ċans biex jistrieħu, biex iqattgħu l-​ħin mal-​familja, jew biex ikomplu jitgħallmu dwar Alla. (Ekk. 2:23) Mill-​banda l-​oħra, xi nies jobogħdu jaħdmu u jipprovaw iġibu kull skuża biex ma jaħdmux.—Prov. 26:13, 14.

2-3. X’nitgħallmu minn Ġeħova u Ġesù dwar ix-​xogħol?

2 Ħafna nies m’għandhomx ħarsa bilanċjata lejn ix-​xogħol. Imma issa ejja naraw kif Ġeħova u Ġesù jqisu x-​xogħol. M’hemmx dubju li Ġeħova jħobb jaħdem. Ġesù għamel dan ċar billi qal: “Missieri baqaʼ jaħdem s’issa, u jien nibqaʼ naħdem.” (Ġw. 5:17) Aħseb dwar ix-​xogħol kollu li Alla għamel waqt li ħalaq ħafna anġli, stilel, u pjaneti. Nistgħu naraw ħafna mix-​xogħlijiet sbieħ li għamel anki fid-​dinja fejn ngħixu. Is-​salmista bir-​raġun qal: “Kemm huma kotrana xogħlijietek, O Ġeħova! Kollha bl-​għerf għamilthom. L-​art mimlija b’dak li pproduċejt.”—Salm 104:24.

3 Ġesù imita lil Missieru. Fil-​fatt, hu għen lil Alla meta pprepara s-​smewwiet. Hu kien maġenb Ġeħova “bħala ħaddiem tas-​sengħa.” (Prov. 8:27-31) Ħafna żmien wara, meta Ġesù kien fuq l-​art, hu għamel xogħol eċċellenti. Dan ix-​xogħol kien bħal ikel għalih. B’dak kollu li għamel, hu wera li Alla kien bagħtu.—Ġw. 4:34; 5:36; 14:10.

4. X’nistgħu nitgħallmu minn Ġeħova u Ġesù dwar il-​mistrieħ?

4 Il-​fatt li Ġeħova u Ġesù jaħdmu iebes, ifisser li aħna m’għandniex bżonn nistrieħu? Żgur li le. Ġeħova qatt ma jegħja, allura m’għandux bżonn jistrieħ bħalna. Però, il-​Bibbja tgħid li wara li Ġeħova ħalaq is-​smewwiet u l-​art, hu “waqaf mix-​xogħol u beda jistrieħ.” (Eżo. 31:17) Madankollu, milli jidher, dan ifisser li hu waqaf milli joħloq l-​affarijiet u ħa l-​ħin biex jieħu pjaċir b’dak li kien għamel. Ukoll, għalkemm Ġesù ħadem iebes waqt li kien fuq l-​art, hu xorta straħ u gawda ikliet mal-​ħbieb tiegħu.—Mt. 14:13; Lq. 7:34.

5. Ħafna minna liema sfida jiffaċċjaw?

5 Il-​Bibbja tinkuraġġixxi lin-​nies t’Alla biex jieħdu pjaċir jaħdmu. Il-​qaddejja tiegħu għandhom ikunu biżlin u mhux għażżenin. (Prov. 15:19) Int forsi taħdem xogħol sekulari biex tkun tistaʼ tmantni l-​familja tiegħek. Barra minn hekk, bħala dixxipli taʼ Kristu, aħna responsabbli li nieħdu sehem f’li nippritkaw l-​aħbar tajba. Imma għandek bżonn ukoll li tistrieħ biżżejjed. Ġieli ssibha diffiċli biex issib bilanċ bejn ix-​xogħol sekulari, il-​ministeru, u l-​mistrieħ? Kif nistgħu nkunu nafu kemm għandna nqattgħu ħin naħdmu u nistrieħu?

KIF ISSIB BILANĊ

6. Marku 6:30-34 kif juri li Ġesù kellu ħarsa bilanċjata lejn ix-​xogħol u l-​mistrieħ?

6 Huwa importanti li jkollna l-​ħarsa t-​tajba lejn ix-​xogħol. Is-​Sultan Salamun ġie ispirat biex jikteb hekk: “Għal kollox hemm żmien stabbilit.” Fosthom semma li tħawwel, tibni, tibki, tifraħ, u tiżfen. (Ekk. 3:1-8) Biċ-​ċar, żewġ affarijiet importanti fil-​ħajja huma x-​xogħol u l-​mistrieħ. Ġesù kellu ħarsa bilanċjata lejn ix-​xogħol u l-​mistrieħ. Darba minnhom, l-​appostli tant ħadmu iebes fil-​ministeru li “ma kellhomx ħin għall-​mistrieħ lanqas biex jieklu.” Ġesù qal: “Ejjew waħedkom f’post imwarrab u strieħu ftit.” (Aqra Marku 6:30-34.) Għalkemm hu u d-​dixxipli mhux dejjem irnexxielhom jistrieħu kemm xtaqu, Ġesù kien jaf li kellhom bżonn jistrieħu.

7. X’nistgħu nitgħallmu mill-​arranġament tas-​Sabat?

7 Xi kultant, ilkoll ikollna bżonn li nistrieħu jew naqtgħu ftit mir-​rutina. Nistgħu naraw dan minn arranġament li Alla għamel għan-​nies tiegħu fil-​passat—is-​Sabat taʼ kull ġimgħa. Aħna m’aħniex taħt il-​Liġi Mosajka. Però, dak li nitgħallmu mis-​Sabat jistaʼ jgħinna naraw jekk għandniex ħarsa bilanċjata lejn ix-​xogħol u l-​mistrieħ.

IS-​SABAT—JUM TAʼ MISTRIEĦ U QIMA

8. Skont Eżodu 31:12-15, x’kellu jsir f’jum is-​Sabat?

8 Il-​Kelma t’Alla tgħid li wara sitt “ijiem” taʼ ħolqien, Alla waqaf milli joħloq l-​affarijiet fuq l-​art. (Ġen. 2:2) Però, Alla jħobb jaħdem, u “baqaʼ jaħdem” f’affarijiet oħra. (Ġw. 5:17) L-​arranġament tas-​Sabat hu simili għall-​jum taʼ mistrieħ taʼ Ġeħova li naqraw dwaru f’​Ġenesi. Kif? Ġeħova ħadem għal sitt “ijiem” u straħ fis-​sebaʼ “jum,” u hu qal lill-​Iżraelin biex jistrieħu fis-​sebaʼ jum taʼ kull ġimgħa. Alla qal li s-​Sabat kien sinjal bejnu u bejn Iżrael għax kien juri li l-​Iżraelin kellhom relazzjoni speċjali miegħu u kien ifakkarhom li Alla ħelishom mill-​Eġittu. Is-​Sabat kien jum taʼ “mistrieħ komplet . . . , xi ħaġa qaddisa għal Ġeħova.” (Aqra Eżodu 31:12-15.) Ħadd ma kellu jaħdem, inkluż it-​tfal, l-​iskjavi, u anki l-​annimali. (Eżo. 20:10) Dan għamilha possibbli biex in-​nies jagħtu iktar attenzjoni għall-​affarijiet spiritwali.

9. Ċertu nies fi żmien Ġesù x’mentalità ħażina kellhom dwar is-​Sabat?

9 L-​arranġament tas-​Sabat kien xi ħaġa tajba għan-​nies t’Alla. Imma ħafna mexxejja reliġjużi fi żmien Ġesù għamlu regoli stretti ħafna dwar kif in-​nies kellhom jobdu l-​liġi tas-​Sabat. Huma qalu li f’jum is-​Sabat kien kontra l-​liġi anki li tiġbor ftit qamħ għall-​ikel jew li tfejjaq lil xi ħadd marid. (Mk. 2:23-27; 3:2-5) Imma Alla ma riedx hekk, u Ġesù għamel dan ċar għal dawk li riedu jisimgħuh.

F’jum is-Sabat, il-familja taʼ Ġesù ffokat fuq affarijiet spiritwali (Ara paragrafu 10) *

10. Skont kif naraw f’​Mattew 12:9-12, Ġesù kif kien iqisu s-​Sabat?

10 Ġesù u s-​segwaċi Lhud tiegħu kienu jistrieħu fis-​Sabat għax kienu jobdu l-​Liġi Mosajka. * Imma Ġesù wera b’dak li qal u għamel li ma kienx ħażin li tgħin lil oħrajn u tkun qalbek tajba magħhom f’jum is-​Sabat. Hu qal ċar u tond: “Tistaʼ skond il-​liġi tagħmel ħaġa tajba f’jum is-​Sabat.” (Aqra Mattew 12:9-12.) Hu ma rahiex bħala ħaġa ħażina li turi qalb tajba u tgħin lil oħrajn fis-​Sabat. L-​azzjonijiet taʼ Ġesù wrew x’inhi waħda mir-​raġunijiet importanti għala Alla għamel l-​arranġament tas-​Sabat. Minħabba li n-​nies t’Alla straħu f’jum is-​Sabat, setgħu jiffokaw fuq affarijiet spiritwali. Ġesù trabba f’familja li bla dubju għamlu hekk. Infatti, il-​Bibbja tgħid hekk dwar Ġesù: “U ġie Nazaret, fejn kien trabba; u, kif kien imdorri jagħmel f’jum is-​Sabat, daħal fis-​sinagoga u qam bil-​wieqfa biex jaqra.”—Luqa 4:15-19.

X’INHI L-​ĦARSA TIEGĦEK LEJN IX-​XOGĦOL?

11. Min kien t’eżempju tajjeb għal Ġesù rigward ix-​xogħol?

11 Ġużeppi żgur li żamm f’moħħu l-​ħarsa taʼ Ġeħova lejn ix-​xogħol meta għallem lil Ġesù x-​xogħol taʼ mastrudaxxa. (Mt. 13:55, 56) U Ġesù setaʼ jara lil Ġużeppi jaħdem iebes jum wara jum biex imantni l-​familja kbira li kellu. Taʼ interess, Ġesù qal hekk lid-​dixxipli tiegħu: “Il-​ħaddiem jistħoqqlu ħlasu.” (Lq 10:7) Iva, Ġesù kien jaf x’jiġifieri li taħdem iebes.

12. Liema skritturi juru x’inhi l-​ħarsa tal-​Bibbja lejn ix-​xogħol?

12 L-​appostlu Pawlu wkoll kien jaħdem iebes. Ix-​xogħol prinċipali tiegħu kien li jitkellem m’oħrajn dwar Ġesù u l-​messaġġ tiegħu. Però, Pawlu ħadem ukoll biex ikollu l-​flus biex imantni lilu nnifsu. It-​Tessalonikin kienu jafu li Pawlu kellu xogħol taʼ ‘taħbit u tbatija’ u li kien jaħdem ‘lejl u nhar biex ma jkun taʼ piż finanzjarju għal ħadd.’ (2 Tess. 3:8; Atti 20:34, 35) Meta Pawlu kiteb dwar xogħlu, hu setaʼ kien qed jirreferi għax-​xogħol taʼ li jagħmel it-​tined. Waqt li kien f’Korintu, hu qagħad maʼ Akwila u Prixilla u flimkien “kienu jaħdmu billi jagħmlu t-​tined, għax din kienet is-​sengħa tagħhom.” Il-​fatt li Pawlu ħadem “lejl u nhar” ma kienx ifisser li ma kienx jieqaf. Hu kien jieħu brejk mix-​xogħol tat-​tined, bħal pereżempju f’jum is-​Sabat. Dan il-​jum tah opportunità biex jipprietka lil-​Lhud, li wkoll kienu jieqfu mix-​xogħol f’jum is-​Sabat.—Atti 13:14-16, 42-44; 16:13; 18:1-4.

13. X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Pawlu?

13 L-​appostlu Pawlu hu eżempju tajjeb għalina. Għalkemm kellu jaħdem xogħol sekulari, hu għamel ċert li jieħu sehem b’mod regolari fix-​“xogħol qaddis taʼ l-​aħbar tajba t’Alla.” (Rum. 15:16; 2 Kor. 11:23) Hu ħeġġeġ lil oħrajn biex jagħmlu l-​istess. Infatti, Akwila u Prixilla kienu ‘ħaddiema sħabu fi Kristu Ġesù.’ (Rum. 12:11; 16:3) Pawlu ħeġġeġ lill-​Korintin biex ‘ikollhom ħafna x’jagħmlu fix-​xogħol tal-​Mulej.’ (1 Kor. 15:58; 2 Kor. 9:8) Ġeħova ispira lill-​appostlu Pawlu biex jikteb hekk: “Min ma jridx jaħdem, ma jikolx.”—2 Tess. 3:10.

14. Ġesù x’ried ifisser b’dak li qal fi Ġwanni 14:12?

14 L-​iktar xogħol importanti f’dawn l-​aħħar jiem hu li nippritkaw u ngħinu lin-​nies biex jibdew jaqdu lil Ġeħova. Fil-​fatt, Ġesù qal li d-​dixxipli tiegħu kienu se jagħmlu xogħol ikbar minn tiegħu! (Aqra Ġwanni 14:12.) Hu ma riedx jgħid li konna se nagħmlu l-​mirakli bħalu. Li ried jgħid hu li s-​segwaċi tiegħu kienu se jippritkaw f’iktar postijiet, maʼ iktar nies, u għal iktar żmien minnu.

15. Liema mistoqsijiet għandna nsaqsu lilna nfusna, u għala?

15 Jekk għandek xogħol sekulari, saqsi lilek innifsek dawn il-​mistoqsijiet: ‘In-​nies jafuni bħala persuna li taħdem iebes? Inlesti x-​xogħol fil-​ħin u nagħmlu bl-​aħjar mod li nistaʼ?’ Jekk wiġibt iva, mela x’aktarx l-​imgħallem se jafdak. Barra minn hekk, hemm iktar ċans li sħabek tax-​xogħol jisimgħu l-​aħbar tajba. Għandek ukoll issaqsi dawn il-​mistoqsijiet lilek innifsek dwar il-​ministeru: ‘Jien magħruf bħala persuna li taħdem iebes fil-​ministeru? Nipprepara sew għall-​ewwel konversazzjonijiet man-​nies? Immur malajr fuq żjajjar lura? Nieħu sehem b’mod regolari f’tipi differenti taʼ servizz?’ Jekk wiġibt iva, x’aktarx se tkun ferħan tagħmel ix-​xogħol tal-​ippritkar.

X’INHI L-​ĦARSA TIEGĦEK LEJN IL-​MISTRIEĦ?

16. Il-​ħarsa taʼ ħafna nies lejn il-​mistrieħ kif inhi differenti minn dik taʼ Ġesù u l-​appostli?

16 Ġesù kien jaf li hu u l-​appostli kellhom bżonn jistrieħu. Imma ħafna nies dak iż-​żmien u llum jistgħu jitqabblu mar-​raġel sinjur fit-​tixbiha li ta Ġesù. Dar-​raġel qal hekk lilu nnifsu: “Strieħ, kul, ixrob, u gawdi.” (Lq. 12:19; 2 Tim. 3:4) Hu ħaseb li l-​iktar ħaġa importanti fil-​ħajja kienet li jistrieħ u jgawdi. Imma dan hu differenti ħafna minn kif Ġesù u l-​appostli qiesu dawn l-​affarijiet. Għalihom, li jagħmlu dak li jixtiequ ma kienx l-​iktar ħaġa importanti.

Li jkollna ħarsa bilanċjata lejn ix-​xogħol u l-​mistrieħ se jippermettilna niffokaw fuq li nagħmlu affarijiet tajbin li se jġegħluna nħossuna aħjar (Ara paragrafu 17) *

17. Aħna kif nużaw il-​ħin meta ma nkunux qed naħdmu?

17 Illum, aħna nipprovaw nimitaw lil Ġesù billi nużaw il-​ħin li ma nkunux xogħol mhux biss biex nistrieħu imma anki biex nippritkaw u nattendu l-​laqgħat Kristjani. Fil-​fatt, għalina hu importanti ħafna li nattendu l-​laqgħat u ngħinu n-​nies jibdew jaqdu lil Ġeħova. Tant hu hekk li nagħmlu kull sforz biex nieħdu sehem f’dawn l-​attivitajiet għal Ġeħova. (Ebr. 10:24, 25) Anki meta nkunu msifrin, aħna nkomplu nattendu l-​laqgħat, u nfittxu opportunitajiet biex nitkellmu m’oħrajn dwar il-​Bibbja.—2 Tim. 4:2.

18. Is-​Sultan tagħna, Ġesù Kristu, x’jixtieqna nagħmlu?

18 Aħna vera napprezzaw il-​fatt li Ġesù Kristu, is-​Sultan tagħna, hu raġonevoli u jgħinna jkollna ħarsa bilanċjata lejn ix-​xogħol u l-​mistrieħ! (Ebr. 4:15) Hu jridna nistrieħu kemm hemm bżonn. Iridna wkoll naħdmu iebes biex immantnu lilna nfusna u nieħdu sehem fil-​ministeru li jtina tant ferħ. Fl-​artiklu li jmiss, se naraw x’għamel Ġesù biex isalvana milli nkunu skjavi t’affarijiet koroh.

GĦANJA 38 Hu se jsaħħek

^ par. 5 Il-​Bibbja tgħallimna kif ikollna ħarsa bilanċjata lejn ix-​xogħol u l-​mistrieħ. Dan l-​artiklu se jgħinna neżaminaw l-​attitudni tagħna lejn ix-​xogħol u l-​mistrieħ billi juża l-​eżempju tas-​Sabat, jum dedikat għall-​mistrieħ u l-​qima.

^ par. 10 Id-​dixxipli tant kienu jirrispettaw il-​liġi tas-​Sabat li stennew is-​Sabat jgħaddi qabel ma marru biex jidilku l-​fwejjaħ aromatiċi u ż-​żejt ifuħ fuq il-​ġisem mejjet taʼ Ġesù.—Luqa 23:55, 56.

^ par. 55 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ġużeppi jieħu l-​familja fis-​sinagoga fis-​Sabat.

^ par. 57 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Missier li jaħdem biex imantni l-​familja juża l-​ħin taʼ meta ma jkunx xogħol għal affarijiet spiritwali, anki meta hu u l-​familja tiegħu jkunu msifrin.