Mistoqsijiet mill-qarrejja
Meta Satana qal lil Eva li hi ma kinitx se tmut jekk tiekol mis-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin, kien hu qed jintroduċi l-idea komuni llum tal-immortalità tar-ruħ?
Milli jidher le. Ix-Xitan ma qalx lil Eva li jekk tiekol mill-frott projbit minn Alla, hi kienet biss se tidher li mietet imma li parti inviżibbli minnha (dik li wħud jirreferu għaliha llum bħala r-ruħ immortali) kienet se tibqaʼ tgħix xi mkien ieħor. Billi tkellem permezz tas-serp, Satana qal li jekk Eva tiekol mill-frott tas-siġra, ‘hi żgur li ma tmut’ qatt. Hu ried jgħid li hi kienet se tibqaʼ tgħix, tgawdi ħajja aħjar fuq l-art, indipendenti minn Alla.—Ġen. 2:17; 3:3-5.
Jekk id-duttrina falza tal-immortalità tar-ruħ kif ġiet mgħallma llum ma bdietx fl-Għeden, meta bdiet? Ma nistgħux ngħidu fiċ-ċert. Aħna nafu li l-qima falza kollha ġiet meqruda għalkollox fid-Dulluvju taʼ żmien Noè. Ladarba Noè u l-familja tiegħu biss salvaw mid-Dulluvju u huma kienu kollha qaddejja veri, ma kien hemm ħadd jgħallem ideat reliġjużi foloz.
Allura t-tagħlim kurrenti tal-immortalità tar-ruħ tal-bniedem milli jidher beda wara d-Dulluvju. Meta Alla ħawwad il-lingwi f’Babel u n-nies xterdu “fuq il-wiċċ kollu taʼ l-art,” mingħajr dubju huma ħadu magħhom l-idea li l-bnedmin għandhom ruħ immortali. (Ġen. 11:8, 9) Kien meta kien li bdiet din l-idea falza, nistgħu nkunu ċerti li “missier il-gidba,” Satana x-Xitan, kien warajha u kien kuntent jaraha tinxtered maʼ kullimkien.—Ġw. 8:44.