Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Il-​Bibbja tgħid li biex kwistjoni tkun stabbilita, minn tal-​inqas hemm bżonn żewġ xhieda. (Num. 35:30; Dt. 17:6; 19:15; Mt. 18:16; 1 Tim. 5:19) Imma taħt il-​Liġi, jekk raġel jistupra f’“għalqa” tfajla li kienet għarusa u hi werżqet, ir-​raġel kien ikun ħati taʼ adulterju u hi innoċenti. Meta tqis li ma kienx hemm xhieda li raw l-​istupru, hi għala kienet innoċenti waqt li hu kien ħati?

Ir-​rakkont f’​Dewteronomju 22:25-​27 primarjament mhuwiex biex joħroġ lir-​raġel ħati, għax f’dan ir-​rakkont ir-​raġel kien diġà kkunsidrat ħati. Din il-​liġi ffokat fuq li turi li t-​tfajla kienet innoċenti. Innota l-​kuntest.

Dewteronomju 22:23, 24 jitkellem dwar raġel li kellu x’jaqsam maʼ tfajla għarusa “fil-​belt.” Dan kien jagħmlu ħati t’adulterju, ladarba t-​tfajla għarusa kienet titqies bħala miżżewġa. Xi ngħidu għat-​tfajla? Hi “ma werżqitx fil-​belt.” Kieku għamlet dan, oħrajn żgur li kienu jisimgħuha u jiddefenduha. Imma hi ma werżqitx. Għalhekk, hi ħadet sehem fl-​adulterju, allura t-​tnejn li huma kienu ġġudikati ħatja.

Il-​Liġi mbagħad spjegat sitwazzjoni differenti: “Madankollu, jekk kien fl-​għalqa li r-​raġel sab lit-​tfajla li kienet mgħarrsa [jew, għarusa], u r-​raġel ħatafha u mtedd magħha, ir-​raġel li mtedd magħha għandu jmut hu biss, u lit-​tfajla tagħmlilha xejn. It-​tfajla m’għandha ebda dnub li jistħoqqlu l-​mewt, għaliex sewwasew bħal meta raġel iqum għal sieħbu u joqtlu u jiħodlu ħajtu, hekk isir f’dan il-​każ. Għax hu sabha fl-​għalqa. It-​tfajla li kienet mgħarrsa werżqet, imma ma kien hemm ħadd li jeħlisha.”—Dt. 22:25-​27.

F’dan il-​każ, l-​imħallfin assumew li hi “werżqet, imma ma kien hemm ħadd li jeħlisha.” Għalhekk, hi m’għamlitx adulterju. Però, ir-​raġel kien ħati taʼ stupru u adulterju għax hu ħataf lit-​tfajla għarusa u mtedd magħha.

B’hekk, għalkemm din il-​liġi ffokat fuq l-​innoċenza tat-​tfajla, ir-​rakkont b’mod ġust jgħid li r-​raġel kien ħati taʼ stupru u adulterju. Nistgħu nibqgħu ċerti li l-​imħallfin kienu jistħarrġu l-​każ u jieħdu deċiżjoni bbażata fuq il-​livell li Alla kien spjega ċar diversi drabi.—Dt. 13:14; 17:4; Eżo. 20:14.