Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Uru li intom grati”

“Uru li intom grati”

TQIS lilek innifsek bħala persuna grata? Din hija mistoqsija li kull wieħed u waħda minna għandu jaħseb dwarha. Il-​Bibbja bassret li fi żmienna ħafna kienu se jkunu “ingrati.” (2 Tim. 3:2) Probabbilment iltqajt maʼ nies li jippretendu li oħrajn għandhom jagħmlu affarijiet għalihom jew jagħtuhom affarijiet. Dawn qishom iħossu li m’għandhomx għalfejn ikunu grati, jew japprezzaw, dak li jirċievu. Naħseb taqbel li ma tantx tieħu gost maʼ dan it-​tip taʼ nies.

B’kuntrast, il-​qaddejja taʼ Ġeħova jintqalilhom: “Uru li intom grati.” Aħna għandna ‘nroddu ħajr f’kollox.’ (Kol. 3:15; 1 Tess. 5:18) Fil-​fatt, hu wkoll taʼ ġid għalina li nkunu nies grati. Hemm numru taʼ raġunijiet għal dan.

LI NKUNU GRATI JGĦINNA NĦOSSUNA TAJJEB DWARNA NFUSNA

Raġuni importanti għala dejjem għandna nkunu grati hi għax dan jgħinna nħossuna tajjeb dwarna nfusna. Meta xi ħadd jgħid grazzi għal xi ħaġa, hu probabbilment se jħossu tajjeb u l-​persuna l-​oħra li tiġi rringrazzjata se tħossha tajba wkoll. Li nkunu grati għala jagħmel lilna u lil oħrajn ferħanin? Ikkunsidra dan l-​eżempju: Jekk xi ħadd ikun lest li jieħu l-​ħin biex jagħmel xi ħaġa għalik, dan hu għaliex iħoss li ħaqqek. Hu juri li jimpurtah minnek. Meta int tinduna b’dan, se tħossok tajjeb. Nistgħu nimmaġinaw li hekk ġara fil-​każ taʼ Rut. Bogħaż kien ġeneruż magħha. Meta hi rat li Bogħaż impurtah minnha, dan għenha tħossha tajba dwarha nfisha.—Rut 2:10-13.

Huwa speċjalment xieraq li tkun grat lejn Alla. Mingħajr dubju, int ġieli ħsibt dwar il-​ħafna rigali spiritwali u bżonjużi li hu provda u se jibqaʼ jipprovdi. (Dt. 8:17, 18; Atti 14:17) Imma minflok ma taħseb fuq fuq dwar it-​tjubija t’Alla, għala ma tiħux il-​ħin biex taħseb fil-​fond dwar il-​ħafna barkiet li Alla ta lilek u lil dawk li tħobb? Li timmedita fuq il-​ġenerożità tal-​Ħallieq tiegħek se jżidlek l-​apprezzament għalih u se jġiegħlek tifhem iktar kemm iħobbok u japprezzak.—1 Ġw. 4:9.

Għandna nimmeditaw dwar dak li Ġeħova jagħtina u wkoll nirringrazzjawh għat-​tjubija tiegħu. (Salm 100:4, 5) Intqal li “meta n-​nies jirringrazzjaw lil oħrajn, dan jagħmilhom iżjed ferħanin.”

IL-​GRATITUDNI SSAĦĦAĦ IL-​ĦBIBERIJI

Raġuni oħra għala huwa tajjeb għalik li tkun grat hi għax dan isaħħaħ il-​ħbiberiji. Kull wieħed minna għandu bżonn iħossu apprezzat. Meta b’sinċerità tirringrazzja lil xi ħadd għal ħaġa tajba li għamillek, intom se ssiru iktar ħbieb. (Rum. 16:3, 4) Barra minn hekk, nies grati jkunu iktar lesti li jgħinu lil oħrajn. Huma jinnotaw meta oħrajn ikunu qalbhom tajba magħhom u dan jimmotivahom ikunu qalbhom tajba huma wkoll. Iva, li tgħin lil oħrajn jagħmlek ferħan. Dan hu eżatt kif qal Ġesù: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—Atti 20:35.

Robert Emmons, ko-​direttur taʼ proġett taʼ studju dwar il-​gratitudni t’Università taʼ Kalifornja, għamel dan il-​punt: “Biex inkunu grati rridu nifhmu li aħna għandna bżonn xulxin. Kultant nagħtu u kultant nirċievu.” Biex nibqgħu ħajjin u jkollna ħajja ferħana aħna niddependu minn oħrajn b’diversi modi. Pereżempju, oħrajn għandu mnejn jipprovdu l-​ikel għalina jew jagħtuna l-​għajnuna medika. (1 Kor. 12:21) Persuna grata ovvjament tapprezza dak li oħrajn jagħmlu għaliha. La dan hu minnu, għamiltha drawwa li tesprimi l-​apprezzament tiegħek għal dak li oħrajn jagħmlu għalik?

IL-​GRATITUDNI TGĦINNA NIFFOKAW FUQ IL-​POŻITTIV

Raġuni oħra għala għandek tkun grat hi għax dan jgħinek tiffoka fuq il-​pożittiv u mhux fuq in-​negattiv. F’ċertu sens, moħħok jaħdem qisu filter. Jippermettilek tikkonċentra fuq ċerti aspetti li hemm madwarek waqt li jimblokka aspetti oħra. Int aktarx li se tara l-​affarijiet pożittivi u tagħti inqas attenzjoni lill-​problemi. Iktar ma tkun grat, iktar se tara t-​tajjeb, u dan se jagħmlek saħansitra iktar grat. Li tiffoka fuq affarijiet li tistaʼ tkun grat għalihom se jgħinek tagħmel dak li l-​appostlu Pawlu ħeġġiġna: “Ifirħu dejjem fil-​Mulej.”—Flp. 4:4.

Li tkun grat jgħinek ma taħsibx b’mod negattiv. Huwa diffiċli ħafna li tħossok grat u fl-​istess ħin tkun għajjur, imdejjaq, jew irrabjat. Nies grati għandhom it-​tendenza wkoll li jkunu inqas materjalisti. Huma japprezzaw dak li għandhom u mhux il-​ħin kollu jaraw kif jakkwistaw iktar.—Flp. 4:12.

GĦODD IL-​BARKIET TIEGĦEK!

Bħala Kristjan, int tirrealizza li Satana jixtieqek tkun imdejjaq u skuraġġit bil-​provi li tiffaċċja f’dawn l-​aħħar jiem. Hu jitpaxxa jekk int ikollok attitudni ħażina u tgerger fuq kollox. Attitudni bħal din se tagħmilha iktar diffiċli għal oħrajn biex jisimgħuk meta tipprietka l-​aħbar tajba. Fil-​fatt, il-​gratitudni tmur id f’id mal-​frott tal-​ispirtu t’Alla. Pereżempju, aħna nħossu l-​ferħ għax naraw l-​affarijiet tajbin li Alla jagħtina u għandna fidi f’dak li jwiegħed għall-​futur.—Gal. 5:22, 23.

Bħala Xhud taʼ Ġeħova, probabbilment int taqbel maʼ dak li ntqal f’dan l-​artiklu dwar il-​gratitudni. Però, tirrealizza li mhuwiex dejjem faċli li tkun grat u pożittiv. Imma tħallix dan jiskuraġġik. Int tistaʼ tiżviluppa u żżomm ħarsa pożittiva. Kif? Ħu l-​ħin kuljum biex taħseb dwar xi affarijiet f’ħajtek li int grat għalihom. Iktar ma tagħmel dan, iktar se tiġik naturali li tkun grat. Dan se jagħmlek ħafna iktar ferħan minn dawk li jiffokaw fuq id-​diffikultajiet tal-​ħajja. Aħseb dwar l-​affarijiet tajbin li Alla u oħrajn jagħmlu u li jinkuraġġuk u jferrħuk. Tistaʼ anki tibda tikteb żewġ jew tliet affarijiet li għenuk tħossok grat f’dak il-​jum.

Riċerkaturi skoprew li meta “regolarment nirringrazzjaw lil oħrajn, dan jistaʼ jbiddel il-​mod kif jaħdem moħħna, u għalhekk isir eħfef għalina biex inħossuna tajjeb dwar ħajjitna.” Persuna grata hi persuna iktar ferħana. Għalhekk għodd il-​barkiet tiegħek, ħu pjaċir bl-​affarijiet tajbin li jiġrulek, u kun dejjem grat! Minflok tieħu l-​affarijiet tajbin for granted, ‘irringrazzja lil Ġeħova, għax hu tajjeb.’ Iva, ‘uri li int grat.’—1 Kron. 16:34; Kol. 3:15.