Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ibqaʼ aqdi lil Ġeħova bil-ferħ

Ibqaʼ aqdi lil Ġeħova bil-ferħ

AĦSEB fl-​iktar ġurnata ferħana taʼ ħajtek. Kienet meta żżewwiġt jew meta twieled l-​ewwel tifel jew tifla tiegħek? Jew kienet il-​ġurnata meta tgħammidt? Din x’aktarx li kienet l-​iktar ġurnata importanti u taʼ ferħ f’ħajtek. Dakinhar, kemm kienu ferħanin ħutek meta rawk turi b’mod ċar li tħobb lil Alla b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u b’saħħtek kollha!—Marku 12:30.

Wisq probabbli, esperjenzajt ħafna ferħ f’li taqdi lil Ġeħova minn mindu tgħammidt. Però, għadd taʼ pubblikaturi tilfu ftit mill-​ferħ li darba kellhom. X’wassal biex ġara dan? Liema raġunijiet għandna biex inkomplu naqdu lil Ġeħova bil-​ferħ?

XI WĦUD GĦALA TILFU L-​FERĦ TAGĦHOM?

Il-​messaġġ tas-​Saltna jġibilna ħafna ferħ. Għala? Għax Ġeħova jwiegħed li s-​Saltna dalwaqt se ttemm lil din id-​dinja mill-​agħar u ġġib id-​dinja l-​ġdida t’Alla. Sofonija 1:14 jgħid: “Il-​jum il-​kbir taʼ Ġeħova fil-​qrib. Fil-​qrib u qed jgħaġġel ħafna.” Imma jekk inħossu li kellna nistennew iktar milli ħsibna, jistaʼ jkun li nitilfu l-​ferħ li darba kellna. Dan jistaʼ jġegħelna nnaqqsu s-​servizz tagħna lil Alla.—Proverbji 13:12.

Meta nqattgħu ħin maʼ ħutna rġiel u nisa, inħossuna inkuraġġiti biex nibqgħu naqdu lil Ġeħova bil-​ferħ. Il-​kondotta tajba tan-​nies taʼ Ġeħova forsi ġibditna lejn il-​qima vera u għenitna nibdew naqdu lil Alla bil-​ferħ. (1 Pietru 2:12) Però, x’jistaʼ jiġri jekk xi ħadd minn ħutna jkun ġie dixxiplinat minħabba li ma jkunx obda l-​kmandi t’Alla? Dan jistaʼ jiskuraġġixxi lil xi wħud fil-​kongregazzjoni u jġegħelhom jitilfu l-​ferħ tagħhom.

Il-​materjaliżmu wkoll jistaʼ jwassalna biex nitilfu l-​ferħ tagħna. Kif? Id-​dinja taʼ Satana tipprova tikkonvinċina li jmissna nixtru affarijiet li verament m’għandniex bżonn. Allura forsi niftakru fil-​kliem taʼ Ġesù: “Ħadd ma jistaʼ jkun ilsir taʼ żewġ sidien; għax jew jobgħod lil wieħed u jħobb lill-​ieħor, jew jintrabat maʼ wieħed u jistmerr lill-​ieħor. Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-​flus.” (Mattew 6:24) Ma nistgħux naqdu lil Ġeħova bil-​ferħ u fl-​istess ħin nipprovaw nieħdu kemm nistgħu minn din id-​dinja.

FERĦANIN FIS-​SERVIZZ TAʼ ĠEĦOVA

Dawk li jħobbu lil Ġeħova ma jsibuhiex bi tqila biex jaqduh. (1 Ġwanni 5:3) Ftakar li Ġesù qal: “Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin, u jien inserraħkom. Ħudu l-​madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien ġwejjed u umli f’qalbi, u intom issibu serħan għal ruħkom. Għax il-​madmad tiegħi ħelu u t-​tagħbija tiegħi ħafifa.” (Mattew 11:28-​30) Il-​fatt li aħna Kristjani veri jserraħna u jferraħna. Żgur li għandna raġunijiet tajbin biex inkunu ferħanin aħna u naqdu lil Ġeħova. Ejja nikkunsidraw tlieta minn dawn ir-​raġunijiet.—Ħabakkuk 3:18.

Aħna naqdu lid-​Donatur tal-​ħajja, l-​Alla l-​hieni. (Atti 17:28; 1 Timotju 1:11) Aħna nirrealizzaw li ħajjitna nafuha lill-​Ħallieq tagħna. Allura ejja nkomplu naqduh bil-​ferħ, għaddew kemm għaddew snin minn mindu tgħammidna.

Héctor jibqaʼ ferħan billi jiftakar fit-tama tas-Saltna u billi jżomm ruħu attiv

Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Héctor, li qeda lil Ġeħova bħala indokratur li jivvjaġġa għal 40 sena. Anke issa ‘meta xagħru sar griż,’ għadu jħobb jaqdi lil Ġeħova. (Salm 92:12-​14) Il-​marda taʼ martu ma tippermettilux jagħmel kemm kien jagħmel fis-​servizz t’Alla, imma Héctor ma tilifx il-​ferħ tiegħu. Hu jgħid: “Għalkemm inħossni mnikket meta nara s-​saħħa taʼ marti sejra lura bil-​mod il-​mod u minkejja li hu taʼ sfida biex nieħu ħsiebha, ma ħallejtx dan jisraqli l-​ferħ f’li naqdi lill-​Alla l-​veru. Peress li naf li hu grazzi għal Ġeħova li jien ħaj, u li Alla ħalaq lill-​bniedem bi skop, dan hu raġuni biżżejjed biex inħobbu mill-​fond taʼ qalbi u naqdih b’qalbi kollha. Nagħmel l-​almu tiegħi biex nibqaʼ attiv fl-​ippritkar, u nipprova nżomm it-​tama tas-​Saltna l-​ewwel u qabel kollox f’moħħi sabiex ma nitlifx il-​ferħ.”

Ġeħova pprovda s-​sagrifiċċju tal-​fidwa, u b’hekk għamilha possibbli li jkollna ħajja ferħana. Tabilħaqq, “Alla tant ħabb lid-​dinja li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-​fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:16) Iva, dnubietna jistgħu jinħafrulna u jistaʼ jkollna l-​ħajja taʼ dejjem meta nuru fidi fil-​fidwa, li hi rigal kollu mħabba mingħand Alla. Din tassew hi raġuni eċċellenti biex inkunu grati! U l-​gratitudni għall-​fidwa se tqanqalna naqdu lil Ġeħova bil-​ferħ.

Jesús issimplifika ħajtu u qeda lil Ġeħova bil-ferħ għal bosta snin

Ħu jismu Jesús, li għex fil-​Messiku, qal: “Kont ilsir tax-​xogħol, tant li xi drabi kont naħdem ħames shifts wieħed wara l-​ieħor avolja ma kontx obbligat li nagħmel dan. Għamilt hekk sempliċement biex naqlaʼ iktar flus. Imbagħad tgħallimt dwar Ġeħova u dwar kif ta lil Ibnu l-​għażiż għall-​bnedmin. Kelli xewqa kbira li naqdih. Għalhekk, iddedikajt ħajti lil Ġeħova, u wara li kont ili naħdem għall-​kumpanija għal 28 sena, iddeċidejt li nitlaq u nidħol fis-​servizz full-​time.” Dan hu kif Jesús beda jaqdi lil Ġeħova bil-​ferħ.

Ngħixu ħajja nadifa moralment, u dan iferraħna. Tiftakar kif kienet ħajtek qabel ma sirt taf lil Ġeħova? L-​appostlu Pawlu fakkar lill-​Kristjani f’Ruma li darba kienu “l-​ilsiera tad-​dnub” imma li kienu saru “lsiera tal-​ġustizzja.” Peress li kienu qed jgħixu ħajja nadifa, setgħu jħarsu ’l quddiem għall-​ħajja taʼ dejjem. (Rumani 6:17-​22) Aħna wkoll insegwu l-​livelli taʼ Ġeħova, u għalhekk aħna meħlusin min-​niket li jiġi minn mod taʼ ħajja immorali jew vjolenti. Dan jagħtina raġuni kbira biex nifirħu!

“L-iktar snin taʼ ferħ f’ħajti kienu dawk li qattajt f’li naqdi lil Ġeħova.”—Jaime

Ikkunsidra lil Jaime, li kien ateu u evoluzzjonist u li wkoll kien boxer. Jaime beda jattendi l-​laqgħat Kristjani u qalbu ntmessitlu mill-​imħabba li sab hemm. Sabiex jabbanduna l-​istil taʼ ħajja li kellu qabel, Jaime kellu jitlob lil Ġeħova biex jgħinu jemmen Fih. “Bil-​mod il-​mod, skoprejt l-​eżistenza taʼ Missier kollu mħabba u Alla mimli ħniena,” jgħid Jaime. “Il-​fatt li nżomm mal-​livelli ġusti taʼ Ġeħova hu taʼ protezzjoni għalija. Li kieku ma biddiltx ħajti, stajt ġejt maqtul, bħalma ġara lil ftit minn sħabi tal-​boxing li kelli qabel. L-​iktar snin taʼ ferħ f’ħajti kienu dawk li qattajt f’li naqdi lil Ġeħova.”

TAQTAX QALBEK!

Kif għandna nħossuna hekk kif nistennew it-​tmiem taʼ din id-​dinja mill-​agħar? Tinsiex, qed nagħmlu r-​rieda t’Alla u qed inħarsu ’l quddiem għall-​ħajja taʼ dejjem. “Għalhekk, ħa ma niqfux nagħmlu dak li hu tajjeb, għax meta jasal iż-​żmien naħsdu jekk ma negħjewx.” (Galatin 6:8, 9) Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, ejja nissaportu, nistinkaw biex nikkultivaw il-​kwalitajiet li għandna bżonn biex ngħaddu ħajjin “mit-​tribulazzjoni l-​kbira,” u nkomplu naqdu lil Ġeħova bil-​ferħ.—Rivelazzjoni 7:9, 13, 14; Ġakbu 1:2-​4.

Nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se jippremja s-​sabar tagħna għax hu jaf ix-​xogħol li qed nagħmlu u l-​imħabba li nuru għalih u għal ismu. Jekk nibqgħu naqduh bil-​ferħ, se nkunu bħas-​Salmista David, li qal: “Qegħedt lil Ġeħova quddiemi l-​ħin kollu. Bih fuq leminti, m’iniex se nitħarrek. Għalhekk, qalbi tifraħ, u kulma hu glorjuż fija jithenna. U ġismi jgħammar fis-​sigurtà.”—Salm 16:8, 9.