Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Imita l-ħbieb tal-qalb taʼ Ġeħova

Imita l-ħbieb tal-qalb taʼ Ġeħova

“L-​intimità [jew il-​ħbiberija mill-​qrib] maʼ Ġeħova hi taʼ dawk li jibżgħu minnu.”—SALM 25:14.

GĦANJIET: 106, 118

1-3. (a) Għala nistgħu nkunu ċerti li nistgħu nsiru l-​ħbieb t’Alla? (b) Liema individwi se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

FIL-​Bibbja, Abraham jissejjaħ il-​ħabib t’Alla tliet darbiet. (2 Kronaki 20:7; Isaija 41:8; Ġakbu 2:23) Hu l-​uniku individwu li b’mod dirett jissejjaħ il-​ħabib t’Alla fil-​Bibbja. Ifisser dan li Abraham hu l-​uniku bniedem li qatt sar il-​ħabib taʼ Ġeħova? Le. Il-​Bibbja turina li lkoll kemm aħna jistaʼ jkollna dan il-​privileġġ.

2 Il-​Kelma t’Alla hi mimlija b’rakkonti taʼ ħafna rġiel u nisa leali li beżgħu minn Ġeħova, poġġew il-​fidi fih, u saru ħbieb tal-​qalb tiegħu. (Aqra Salm 25:14.) Dawn huma parti mis-​‘sħaba kbira taʼ xhieda’ li semma Pawlu. Dawn l-​individwi differenti kollha kienu l-​ħbieb t’Alla.—Ebrej 12:1.

3 Ejja nagħtu ħarsa mill-​qrib lejn tlieta mill-​ħbieb taʼ Ġeħova li jiġu deskritti fil-​Bibbja: (1) Rut, armla leali minn Mowab, li kienet għadha żgħira, (2) Ħeżekija, sultan leali taʼ Ġuda, u (3) Marija, l-​omm umli taʼ Ġesù. X’nistgħu nitgħallmu mill-​mod kif kull wieħed minnhom sar il-​ħabib t’Alla?

URIET IMĦABBA LEALI

4, 5. Liema deċiżjoni diffiċli kellha tieħu Rut, u għala kienet tant diffiċli? (Ara l-​ewwel stampa.)

4 Nagħomi u n-​nisa taʼ wliedha, Rut u Għorfa, kienu mexjin id-​distanza twila minn Mowab għall-​Iżrael. Fit-​triq, Għorfa ddeċidiet li tmur lura d-​dar f’Mowab. Imma Nagħomi kienet determinata li tirritorna l-​Iżrael, art twelidha. Rut xi ddeċidiet li tagħmel? Kellha tieħu deċiżjoni diffiċli ħafna. Kienet hi se tmur lura Mowab biex tkun mal-​familja tagħha, jew kienet se tibqaʼ maʼ Nagħomi, il-​kunjata tagħha, u tivvjaġġa lejn Betlem?—Rut 1:1-​8, 14.

5 Il-​familja taʼ Rut kienet tgħix f’Mowab. Setgħet tirritorna għandhom, u probabbli kienu jieħdu ħsiebha. Kienet taf in-​nies, il-​lingwa, u l-​kultura taʼ Mowab. Nagħomi ma setgħetx twiegħed lil Rut dawn l-​affarijiet f’Betlem. U Nagħomi beżgħet li ma kinitx se ssib raġel jew dar għal Rut. Għalhekk, Nagħomi qaltilha biex tmur lura Mowab. Bħalma rajna, Għorfa “marret lura lejn niesha u allatha.” (Rut 1:9-​15) Imma Rut iddeċidiet li ma tmurx lura lejn niesha u l-​allat foloz tagħhom.

6. (a) Rut x’għażla għaqlija għamlet? (b) Bogħaż għala tkellem dwar li Rut fittxet il-​kenn taħt ġwinħajn Ġeħova?

6 Jidher li Rut tgħallmet dwar Ġeħova minn żewġha jew minn Nagħomi. Tgħallmet li Ġeħova ma kienx bħall-​allat taʼ Mowab. Kienet tħobb lil Ġeħova u kienet taf li jistħoqqlu l-​imħabba u l-​qima tagħha. Allura Rut għamlet għażla għaqlija. Qalet lil Nagħomi: “Il-​poplu tiegħek ikun il-​poplu tiegħi, u Alla tiegħek, Alla tiegħi.” (Rut 1:16) Qalbna tqanqalna meta naħsbu dwar l-​imħabba li Rut kellha għal Nagħomi. Imma iktar impressjonanti minn hekk hi l-​imħabba taʼ Rut għal Ġeħova. Dan impressjona wkoll lil Bogħaż, li iktar tard faħħarha talli ‘fittxet il-​kenn taħt ġwinħajn Ġeħova.’ (Aqra Rut 2:12.) Il-​kliem li uża Bogħaż għandu mnejn ifakkarna fil-​mod kif għasfur żgħir ifittex kenn taħt il-​ġwienaħ tal-​ġenituri tiegħu. (Salm 36:7; 91:1-​4) B’mod simili, Ġeħova pproteġa lil Rut bi mħabba u ppremjaha għall-​fidi tagħha. Rut qatt ma kellha raġuni biex jiddispjaċiha għad-​deċiżjoni li ħadet.

7. X’jistaʼ jgħin lil dawk li jżommu lura milli jiddedikaw ħajjithom lil Ġeħova?

7 Ħafna nies jitgħallmu dwar Ġeħova imma jagħżlu li ma jistkennux fih. Iżommu lura milli jiddedikaw ħajjithom lilu u milli jitgħammdu. Jekk tħossok bl-​istess mod, aħseb dwar għala qed iżżomm lura milli tieħu dan il-​pass. Kulħadd jaqdi lil xi alla jew ieħor. (Ġożwè 24:15) L-​iktar għażla għaqlija hi li taqdi lill-​Alla l-​veru. Meta tiddedika lilek innifsek lil Ġeħova, tkun qed turi li tafda li se jkun taʼ kenn għalik. U hu se jgħinek tkompli taqdih minkejja kwalunkwe problema li jistaʼ jkollok. Alla hekk għamel għal Rut.

“BAQAʼ MQABBAD MAʼ ĠEĦOVA”

8. Iddeskrivi l-​isfond taʼ Ħeżekija.

8 L-​isfond taʼ Ħeżekija kien differenti ħafna minn dak taʼ Rut. Hu kien parti minn ġens li kien dedikat lil Alla. Imma mhux l-​Iżraelin kollha baqgħu leali. Missier Ħeżekija, is-​Sultan Aħaż, kien raġel mill-​agħar. Wera diżrispett lejn it-​tempju t’Alla u kkonvinċa lin-​nies biex iqimu lil allat oħra. Aħaż saħansitra ħaraq lil xi wħud mill-​aħwa taʼ Ħeżekija waqt li kienu għadhom ħajjin bħala sagrifiċċji lil alla falz. Ħeżekija kellu trobbija terribbli!—2 Slaten 16:2-​4, 10-​17; 2 Kronaki 28:1-​3.

9, 10. (a) Ħeżekija għala setaʼ faċilment jirrabja kontra Ġeħova? (b) Għala m’għandniex niħduha kontra Ġeħova? (ċ) Għala m’għandniex naħsbu li t-​trobbija tagħna se ġġegħelna nkunu nies tajbin jew ħżiena?

9 L-​eżempju ħażin t’Aħaż setaʼ ġiegħel lil ibnu Ħeżekija jirrabja kontra Ġeħova jew isir mill-​agħar bħal missieru. Illum, xi wħud li kellhom jissaportu ħafna inqas milli esperjenza Ħeżekija jħossu li għandhom raġuni tajba biex ‘jagħdbu kontra Ġeħova’ jew jiħduha kontra l-​organizzazzjoni tiegħu. (Proverbji 19:3) Oħrajn iħossu li l-​isfond ħażin tal-​familja tagħhom jistaʼ jġegħelhom ikollhom ħajja ħażina jew jirripetu l-​iżbalji tal-​ġenituri tagħhom. (Eżekjel 18:2, 3) Imma dawn l-​ideat huma minnhom?

10 Il-​ħajja taʼ Ħeżekija turi biċ-​ċar li t-​tweġiba taʼ dik il-​mistoqsija hija le! Qatt m’hemm raġuni tajba biex nirrabjaw maʼ Ġeħova. Mhuwiex it-​tort tiegħu li jiġru affarijiet ħżiena lin-​nies. (Ġob 34:10) Veru li l-​ġenituri jistgħu jgħallmu lil uliedhom biex jagħmlu dak li hu tajjeb jew dak li hu ħażin. (Proverbji 22:6; Kolossin 3:21) Imma dan ma jfissirx li t-​trobbija tagħna se tiddetermina x’tip taʼ persuna se nkunu. Għala? Għax Ġeħova tana r-​rigal tal-​libertà tal-​għażla, jiġifieri li nistgħu nagħżlu li nagħmlu dak li hu tajjeb jew dak li hu ħażin. (Dewteronomju 30:19) Ħeżekija kif uża dak ir-​rigal prezzjuż?

Ħafna żgħażagħ jaċċettaw il-verità hi x’inhi t-trobbija tagħhom (Ara paragrafi 9, 10)

11. Ħeżekija għala kien wieħed mill-​aqwa slaten taʼ Ġuda?

11 Għalkemm missieru kien wieħed mill-​agħar slaten f’​Ġuda, Ħeżekija sar wieħed mill-​aqwa slaten. (Aqra t-​2 Slaten 18:5, 6.) Għażel li ma jimxix fuq l-​eżempju ħażin taʼ missieru. Minflok, għażel li jismaʼ bir-​reqqa lill-​profeti taʼ Ġeħova, bħalma huma Isaija, Mikea, u Ħosea. Qagħad attent ħafna għall-​pariri u l-​korrezzjoni li tawh. Dan qanqlu biex jirranġa ħafna mill-​problemi li kien ħalaq missieru. Naddaf it-​tempju, talab lil Alla biex jaħfer id-​dnubiet tal-​poplu, u qered l-​idoli fil-​pajjiż. (2 Kronaki 29:1-​11, 18-​24; 31:1) Iktar tard, meta s-​sultan Assirjan Sennakerib hedded li jattakka lil Ġerusalemm, Ħeżekija wera kuraġġ u fidi kbira. Hu fada fil-​protezzjoni taʼ Ġeħova u saħħaħ lin-​nies tiegħu. (2 Kronaki 32:7, 8) Darba minnhom, Ħeżekija tkabbar imma meta Ġeħova kkoreġieh, umilja ruħu. (2 Kronaki 32:24-​26) Jidher ċar li Ħeżekija hu eżempju mill-​aħjar għalina biex nimitaw. Hu ma ħalliex l-​isfond taʼ familtu tirrovinalu ħajtu. Minflok, wera li kien il-​ħabib taʼ Ġeħova.

12. Bħal Ħeżekija, ħafna nies illum kif urew li huma l-​ħbieb taʼ Ġeħova?

12 Id-​dinja llum hi kattiva u bla mħabba, u ħafna tfal jitrabbew mingħajr ġenituri li jħobbuhom u li jimpurtahom minnhom. (2 Timotju 3:1-​5) Għalkemm ħafna Kristjani llum kellhom trobbija diffiċli ferm, xorta waħda għażlu li jibnu ħbiberija maʼ Ġeħova. Bħal Ħeżekija, huma juru li l-​isfond tal-​familja tagħhom ma jiddeterminax x’tip taʼ persuna se jsiru fil-​futur. Alla tana r-​rigal tal-​libertà tal-​għażla, u aħna nistgħu nagħżlu li naqduh u nonorawh, bħalma għamel Ħeżekija.

“ARA! L-​ILSIRA TAʼ ĠEĦOVA!”

13, 14. L-​inkarigu taʼ Marija għala setaʼ kien xi ftit tal-​biżaʼ għaliha, imma kif wieġbet għal dak li qalilha Gabrijel?

13 Ħafna snin wara żmien Ħeżekija, tfajla umli jisimha Marija kellha ħbiberija speċjali maʼ Ġeħova u inkarigu uniku. Kienet se tinqabad tqila, u twelled u trabbi lill-​Iben t’Alla! Ġeħova żgur li kien iħobb u jafda lil Marija biex taha unur meraviljuż bħal dan. Imma kif irreaġixxiet meta l-​ewwel semgħet dwar dan l-​inkarigu?

“Ara! L-ilsira taʼ Ġeħova!” (Ara paragrafi 13, 14)

14 Spiss nitkellmu dwar l-​unur kbir li ngħatat Marija. Imma fuqiex setgħet inkwetat? Pereżempju, l-​anġlu Gabrijel spjegalha li kienet se tinqabad tqila mingħajr ma jkollha relazzjonijiet sesswali maʼ raġel. Imma Gabrijel ma offriex li jispjega lill-​familja u l-​ġirien tagħha kif kienet se tinqabad tqila. X’kienu se jaħsbu huma? Kif kienet se tikkonvinċi lil Ġużeppi li ma kinitx marret maʼ xi raġel? Minbarra dan, kellha r-​responsabbiltà kbira li trabbi l-​Iben t’Alla bħala bniedem! Ma nafux dak kollu li kienet tinkwieta dwaru Marija, imma nafu dak li għamlet wara li kellimha Gabrijel. Hi qalet: “Ara! L-​ilsira taʼ Ġeħova! Ħa jsir minni skond dak li għedt.”—Luqa 1:26-​38.

15. Il-​fidi taʼ Marija għala tispikka?

15 Il-​fidi taʼ Marija tassew tispikka! Kienet lesta li tagħmel dak kollu li ġie mitlub minnha, eżatt bħal ilsira. Hi fdat li Ġeħova kien se jieħu ħsiebha u jipproteġiha. Marija kif kellha fidi tant b’saħħitha? Ma nitwildux bil-​fidi. Imma jistaʼ jkollna l-​fidi jekk nikkultivawha u nitolbu lil Alla biex ibierek l-​isforzi tagħna. (Galatin 5:22; Efesin 2:8) Marija ħadmet iebes biex issaħħaħ il-​fidi tagħha. Kif nafu dan? Ejja nikkunsidraw kif kienet tat widen u dak li tkellmet dwaru.

16. X’juri li Marija kienet semmiegħa tajba?

16 Kif Marija tat widen. Il-​Bibbja tgħid li ‘rridu nkunu ħfief biex nisimgħu, tqal biex nitkellmu.’ (Ġakbu 1:19) Marija kienet semmiegħa tajba. Il-​Bibbja turina li semgħet b’attenzjoni dak li ntqal, speċjalment affarijiet li tgħallmet dwar Ġeħova. Ħadet il-​ħin biex timmedita fuq dawn l-​affarijiet importanti. Eżempju taʼ dan kien fit-​twelid taʼ Ġesù meta r-​ragħajja qalu lil Marija dwar messaġġ minn anġlu. Iktar tard, meta Ġesù kellu 12-​il sena, qal xi ħaġa li għaġġbet lil Marija. Fiż-​żewġ każijiet, Marija tat widen, ftakret dak li ntqal, u ħasbet bis-​serjetà fuqu.—Aqra Luqa 2:16-​19, 49, 51.

17. X’nistgħu nitgħallmu dwar Marija minn dak li qalet?

17 Dak li Marija tkellmet dwaru. Il-​Bibbja ma tgħidilniex ħafna dwar dak li qalet Marija. L-​iktar diskors twil tagħha nsibuh f’​Luqa 1:46-​55. Dawn il-​versi juru li Marija kienet midħla sew tal-​Iskrittura Ebrajka. Kif juru dan? Dak li qalet Marija kien simili għal dak li qalet Ħanna, omm Samwel, fit-​talba tagħha. (1 Samwel 2:1-​10) Jidher li Marija kkwotat l-​Iskrittura madwar 20 darba fid-​diskors tagħha. Dan juri ċar li kienet tieħu gost titkellem dwar il-​veritajiet li tgħallmet mill-​akbar Ħabib tagħha, Ġeħova.

18. B’liema modi nistgħu nimitaw il-​fidi taʼ Marija?

18 Bħal Marija, kultant nafu nirċievu inkarigi mingħand Ġeħova li nħossu li huma diffiċli wisq għalina. Ejja nimitaw l-​eżempju tagħha billi b’umiltà naċċettaw l-​inkarigu u nafdaw li Ġeħova se jgħinna. Nistgħu wkoll nimitaw il-​fidi taʼ Marija meta nisimgħu bir-​reqqa dak li jgħidilna Ġeħova u nimmeditaw fuq dak li tgħallimna dwaru u dwar l-​iskopijiet tiegħu. Imbagħad, bil-​ferħ nistgħu ngħidu lil oħrajn dwar dak li tgħallimna.—Salm 77:11, 12; Luqa 8:18; Rumani 10:15.

19. Hekk kif nimitaw l-​eżempji li jispikkaw tal-​fidi li hemm fil-​Bibbja, minn xiex nistgħu nkunu ċerti?

19 Jidher ċar li Rut, Ħeżekija, u Marija kienu l-​ħbieb taʼ Ġeħova, bħalma kien Abraham. Kienu parti minn ‘sħaba kbira taʼ xhieda’ li wkoll kellhom il-​privileġġ li jkunu l-​ħbieb t’Alla. Jalla nkomplu nimitaw dawn l-​eżempji li jispikkaw tal-​fidi. (Ebrej 6:11, 12) Jekk nagħmlu dan, nistgħu nħarsu ’l quddiem għall-​premju taʼ li nkunu l-​ħbieb taʼ Ġeħova għal dejjem!