BIJOGRAFIJA
Ġeħova għenni nirnexxi fis-servizz tiegħu
Għedt lill-fizzjal li diġà kont ġejt mitfugħ il-ħabs peress li ma ridtx immur għall-gwerra. Staqsejtu, “Ħa ġġegħelni nerġaʼ ngħaddi minn dan kollu?” Din kienet it-tieni darba li kont inqbadt bil-lieva mal-Armata tal-Istati Uniti tal-Amerika.
JIEN twelidt fl-1926 fi Crooksville, Ohio, l-Istati Uniti. Missieri u ommi ma kinux reliġjużi, imma kienu jibagħtu lili u lil ħuti l-Knisja. Konna tmint itfal b’kollox, u jien kont immur il-Knisja Metodista. Meta kelli 14-il sena, il-ministru tal-knisja tani premju għax kont mort il-knisja kull nhar taʼ Ħadd għal sena sħiħa.
Madwar dak iż-żmien, ġara jisimha Margaret Walker waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova, bdiet iżżur lil ommi u tkellimha dwar il-Bibbja. Darba minnhom, iddeċidejt li noqgħod magħhom għad-diskussjoni. Ommi ħasbet li kont se noqgħod intellef l-istudju, u allura bagħtitni barra. Imma bqajt nipprova nismaʼ d-diskussjonijiet tagħhom. Wara xi żjajjar oħra, Margaret staqsietni, “Taf x’jismu Alla?” Jien għedtilha, “Kulħadd jaf x’jismu—Alla.” Hi qalet, “Ġib il-Bibbja tiegħek u fittex Salm 83:18.” Għamilt kif qaltli, u skoprejt li isem Alla hu Ġeħova. Ħriġt niġri ħdejn sħabi u għedtilhom, “Xħin tmorru d-dar illejla, fittxu Salm 83:18 fil-Bibbja u araw x’jismu Alla.” Tistaʼ tgħid li bdejt nagħti xhieda mill-ewwel.
Studjajt il-Bibbja u tgħammidt fl-1941. Ftit wara dan, ġejt inkarigat nikkonduċi l-istudju tal-ktieb tal-kongregazzjoni. Inkuraġġejt lil ommi u lil ħuti biex jiġu, u kollha bdew jattendu l-istudju tal-ktieb li kont nikkonduċi. Imma missieri ma kienx interessat.
OPPOŻIZZJONI FID-DAR
Ġejt mogħti iktar responsabbiltà fil-kongregazzjoni, u ġbart ħafna kotba ppubblikati mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Ġurnata fost l-oħrajn, missieri pponta lejn il-kotba tiegħi u qalli: “Qed tarah dak l-imbarazz? Irridu barra mid-dar, u int tistaʼ titlaq ukoll.” Tlaqt mid-dar u mort ngħix f’Zanesville, Ohio, li ma kienx ’il bogħod. Imma kont nivvjaġġa spiss lura d-dar biex ninkuraġġixxi lill-familja tiegħi.
Missieri pprova jwaqqaf lil ommi milli tattendi l-laqgħat. Kultant, hi u sejra lejn il-laqgħa, kien joħroġ jiġri warajha u jkaxkarha lura ġod-dar.
Imma hi sempliċement kienet toħroġ tiġri mill-bieb l-ieħor u tmur il-laqgħa. Jien għedt lil ommi: “Toqgħodx tinkwieta. Eventwalment, se jixbaʼ jiġri warajk.” Maż-żmien missieri qataʼ qalbu jipprova jwaqqafha, u attendiet il-laqgħat bil-libertà.Meta bdiet l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku fl-1943, bdejt nagħti taħditiet tal-istudenti fil-kongregazzjoni tiegħi. Il-pariri li ngħatajt wara l-inkarigi tiegħi fl-iskola għenuni nkun kelliemi aħjar.
IN-NEWTRALITÀ MATUL IL-GWERRA
Fl-1944, matul it-Tieni Gwerra Dinjija, inqbadt bil-lieva. Mort nirrapporta f’Fort Hayes ġo Columbus, Ohio, qgħadt għall-eżami fiżiku, u mlejt il-karti li tawni. Ukoll, għedt lill-fizzjali li ma kontx se nkun suldat. Ħallewni mmur lura d-dar. Imma ftit ġranet wara, ġie jħabbatli uffiċjal u qalli, “Corwin Robison, għandi ordni biex narrestak.”
Fil-qorti xi ħmistax wara, l-imħallef qal: “Li kieku kien f’idejja biss, kont intik sentenza għal għomrok. Hemm xi ħaġa li tixtieq tgħid?” Jien weġibt: “Sur Imħallef, jien imissni ġejt ikklassifikat bħala ministru tar-reliġjon. * L-għatba taʼ kulħadd hi l-pulptu tiegħi, u jien ippritkajt l-aħbar tajba tas-Saltna lil ħafna nies.” L-imħallef qal lin-nies tal-ġurija: “M’intomx hawn biex tiddeċiedu jekk dan il-ġuvni huwiex ministru jew le. Qegħdin hawn biex tiddeċiedu jekk irrifjutax biex jidħol fl-armata jew le.” F’inqas minn nofs siegħa, in-nies tal-ġurija ddeċidew li kont ħati. L-imħallef tani s-sentenza taʼ ħames snin ħabs f’Ashland, Kentucky.
ĠEĦOVA JIPPROTEĠINI FIL-ĦABS
Qattajt l-ewwel ħmistax f’ħabs f’Columbus, Ohio, u l-ewwel ġurnata qattajtha ġoċ-ċella. Tlabt lil Ġeħova u għedtlu: “Ma nistax nibqaʼ ġoċ-ċella għal ħames snin. Ma nafx x’se nagħmel.”
L-għada, il-gwardji ħarġuni. Mort ħdejn priġunier twil u mibni, u qgħadna bilwieqfa ħdejn xulxin, nittawlu mit-tieqa. Saqsieni, “Għala tefgħuk il-ħabs, Qsajjar?” Għedtlu, “Jien wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova.” Qalli, “Eħe? Allura għala qiegħed hawn?” Għedtlu, “Ix-Xhieda taʼ Ġeħova ma jmorrux għal gwerra u ma joqtlux lin-nies.” Qalli, “Mela lilek tefgħuk il-ħabs għax ma tridx toqtol lin-nies. U jitfgħu nies oħra l-ħabs għax qatlu n-nies. Jagħmel sens għalik dan?” Għedtlu, “Le, lanqas xejn.”
Imbagħad qal, “Għal 15-il sena kont ġo ħabs ieħor, u hemm qrajt ftit mil-letteratura tagħkom.” Meta smajt dan, tlabt, “Ġeħova, għinni biex dan ir-raġel ikun fuq in-naħa tiegħi.” Dak il-ħin, il-ħabsi, li kien jismu Paul, qal: “Jekk xi ħadd minn dawn
l-irġiel imissek, kulma trid tagħmel hu li tgħajjat u tħallih f’idi.” Għalhekk, waqt li kont hemm xejn ma kelli inkwiet mal-50 priġunier f’dik is-sezzjoni.Meta l-uffiċjali tefgħuni f’ħabs f’Ashland, iltqajt maʼ xi aħwa rġiel maturi li diġà kienu hemm. Għenu lili u lil oħrajn biex nibqgħu qrib taʼ Ġeħova. Kull ġimgħa inkarigawna b’qari tal-Bibbja, u ppreparajna mistoqsijiet u tweġibiet għal-laqgħat li kienu jorganizzaw l-aħwa rġiel. Konna f’ċella kbira li kellha s-sodod tul il-kamra. Kien hemm ħu li kien jorganizza t-territorju tagħna. Kien jgħidli: “Robison, int responsabbli għal din is-sodda. Kull min jorqod f’dik is-sodda hu t-territorju tiegħek. Għamel ċert li tagħtih xhieda qabel ma jitlaq.” U b’hekk konna nippritkaw b’mod organizzat.
DAK LI SIBT META ĦRIĠT MILL-ĦABS
It-Tieni Gwerra Dinjija spiċċat fl-1945, imma jiena bqajt fil-ħabs għal xi żmien wara dan. Inkwetajt dwar il-familja tiegħi għax missieri kien qalli, “Jekk jirnexxili neħles minnek, l-oħrajn malajr joqogħdu għal li rrid jien.” Wara li nħlist, kelli sorpriża sabiħa. Sebgħa mill-familja tiegħi kienu qed jattendu l-laqgħat u waħda minn ħuti l-bniet kienet tgħammdet, minkejja l-oppożizzjoni taʼ missieri.
Meta bdiet il-gwerra mal-Korea fl-1950, erġajt inqbadt bil-lieva għat-tieni darba. Intqalli li kelli mmur nirrapporta f’Fort Hayes. Wara li għamluli xi testijiet tal-abbiltajiet tiegħi, fizzjal qalli, “Għandek waħda mill-ogħla marki fil-grupp tiegħek.” Jien għedtlu, “Tajjeb, imma m’iniex se nidħol fl-armata.” Ikkwotajt l-2 Timotju 2:3 u għedt, “Jien diġà suldat taʼ Kristu.” Wara pawsa twila, qalli, “Tistaʼ titlaq.”
Ftit wara dan, attendejt il-laqgħa taʼ Betel f’konvenzjoni f’Cincinnati, Ohio. Ħuna Milton Henschel qalilna li kien hemm bżonn kbir f’Betel għal aħwa rġiel li riedu jaħdmu iebes għas-Saltna. Applikajt biex naqdi f’Betel u ġejt aċċettat. Bdejt naqdi ġo Brooklyn f’Awwissu tal-1954, u għadni Betel sal-lum il-ġurnata.
Minn dejjem kelli ħafna xogħol x’nagħmel ġo Betel. Għal diversi snin, ħadt ħsieb il-bojlers ġol-istamperija u l-bini tal-uffiċċji, kont insewwi l-magni, u nirranġa s-serraturi. Ukoll, ħdimt fis-Swali tal-Assembleat fil-belt taʼ New York.
Veru nħobb il-programmi f’Betel, bħal pereżempju l-qima taʼ filgħodu u l-istudju tat-Torri tal-Għassa bħala familja Betel, kif ukoll li nipprietka mal-kongregazzjoni. Meta toqgħod taħseb, dawn huma l-affarijiet li kull familja tax-Xhieda taʼ Ġeħova jmissha tkun qed tagħmel b’mod regulari. Meta l-ġenituri u t-tfal jikkunsidraw l-iskrittura
tal-jum flimkien, ikollhom sessjonijiet taʼ qima bħala familja b’mod regulari, jipparteċipaw fil-laqgħat, u jkunu żelużi għall-ippritkar tal-aħbar tajba, il-membri kollha tal-familja x’aktarx se jibqgħu qrib taʼ Ġeħova.Għandi ħafna ħbieb f’Betel u fil-kongregazzjoni. Xi wħud minnhom kienu midlukin u issa qegħdin fis-sema. Oħrajn ma kinux midlukin. Imma l-qaddejja taʼ Ġeħova huma lkoll imperfetti, inkluż il-Beteliti. Jekk ikolli argument maʼ xi ħu, dejjem nipprova nżomm il-paċi. Dejjem naħseb f’Mattew 5:23, 24 u f’kif għandna nittrattaw maʼ xi nuqqas taʼ qbil. Mhuwiex dejjem faċli li tgħid “Skużani,” imma kważi kull nuqqas taʼ qbil jissolva b’dan il-mod.
RIŻULTATI TAJBIN MIS-SERVIZZ TIEGĦI
Issa nsibha bi tqila biex nipprietka minn dar għal dar minħabba l-età, imma ma qtajtx qalbi b’daqshekk. Tgħallimt ftit Ċiniż Mandarin u nieħu pjaċir navviċina lil nies Ċiniżi fit-triq. Xi kultant f’għodwa waħda nħalli 30 jew 40 rivista maʼ wħud interessati.
Saħansitra għamilt żjara lura fiċ-Ċina! Ġurnata minnhom, tfajla dħulija tbissmitli hekk kif qassmet riklami għal kjosk tal-frott. Tbissimt lura u offrejtilha It-Torri tal-Għassa u Stenbaħ! biċ-Ċiniż. Ħadithom u qaltli li jisimha Katie. Wara dan, kull meta kienet tarani, Katie kienet tiġi ħdejja u kienet toqgħod titkellem miegħi. Għallimtha l-ismijiet tal-frott u l-ħaxix bl-Ingliż, u kienet tirripetihom warajja. Ukoll, spjegajtilha versi mill-Bibbja, u hi aċċettat il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? Iżda, wara ftit ġimgħat sparixxiet.
Xi xhur wara, offrejt ir-rivisti lil tfajla oħra li kienet qed tqassam ir-riklami, u aċċettathom. Il-ġimgħa taʼ wara, tatni l-mowbajl tagħha u qaltli, “Tkellem maċ-Ċina.” Għedtilha, “Ma naf lil ħadd fiċ-Ċina.” Imma insistiet, u allura ħadt il-mowbajl u għedt, “Hello, jien Robison.” Il-persuna fuq in-naħa l-oħra tal-linja qaltli, “Robby, jien Katie. Ġejt lura ċ-Ċina.” Għedtilha, “Iċ-Ċina?” Katie wieġbet, “Iva. Robby, dik it-tfajla li tatek il-mowbajl hi oħti. Int għallimtni ħafna affarijiet tajbin. Jekk jogħġbok għallimha kif għallimt lili.” Għedtilha, “Katie, se nagħmel l-aħjar li nistaʼ. Grazzi talli għedtli fejn int.” Ftit wara dan, tkellimt maʼ oħt Katie għall-aħħar darba. Huma fejn huma dawk iż-żewġ tfajliet, nittama li jitgħallmu iktar dwar Ġeħova.
Qdejt lil Ġeħova għal 73 sena, u jien ferħan ħafna li għenni nibqaʼ newtrali u nkun leali fil-ħabs. Ukoll, ħuti jgħiduli li kienu inkuraġġiti għax iffaċċjajt l-oppożizzjoni taʼ missieri mingħajr ma qtajt qalbi. Eventwalment, ommi u sitta minn ħuti tgħammdu. Anki l-attitudni taʼ missieri nbidlet xi ftit, u attenda għal xi laqgħat qabel ma miet.
Jekk inhi r-rieda t’Alla, il-membri tal-familja tiegħi u l-ħbieb li mietu se jirxoxtaw għall-ħajja fid-dinja l-ġdida. Immaġina l-ferħ tagħna hekk kif inqimu lil Ġeħova għal dejjem maʼ dawk li nħobbu! *—Ara n-nota taʼ taħt.