Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kont taf?

Kont taf?

Sinagoga tal-​ewwel seklu: Din l-​istampa turi xi karatteristiki taʼ sinagoga tal-​ewwel seklu misjuba f’Gamla, belt li kienet xi għaxar kilometri fil-​Grigal tal-​Baħar tal-​Galilija. Din tagħti idea taʼ kif setgħet kienet sinagoga tal-​qedem

Kif bdew jeżistu s-sinagogi?

IL-​KELMA “sinagoga” ġejja minn kelma Griega li tfisser “assemblea” jew “ġabra flimkien.” L-​isem hu adattat għax is-​sinagogi kienu postijiet fejn in-​nies kienu jiltaqgħu flimkien biex jitgħallmu u jagħtu qima fil-​komunitajiet Lhud sa minn żmien il-​qedem. L-​Iskrittura Ebrajka ma tagħmel l-​ebda referenza ċara għas-​sinagogi, iżda jidher ċar mill-​Iskrittura Griega Kristjana li postijiet bħal dawn fejn in-​nies kienu jinġabru kienu diġà stabbiliti sew sal-​ewwel seklu wara Kristu (WK).

Il-​biċċa l-​kbira tal-​istudjużi jemmnu li s-​sinagogi bdew jeżistu matul il-​jasar Lhudi f’Babilonja. L-​Encyclopaedia Judaica tispjega: “L-​Eżiljati, li kienu mingħajr it-​Tempju, f’art barranija, u li kienu jħossu l-​bżonn għal faraġ fin-​niket tagħhom, kienu jiltaqgħu minn żmien għal żmien, probabbilment fis-​Sabat, u jaqraw l-​Iskrittura.” Meta nħelsu mill-​jasar tagħhom, jidher li l-​Lhud komplew jiltaqgħu għat-​talb u l-​qari tal-​Iskrittura, u huma stabbilew sinagogi kull fejn marru joqogħdu.

Sal-​ewwel seklu WK, is-​sinagogi b’hekk saru ċ-​ċentru tal-​ħajja reliġjuża u soċjali Lhudija għal komunitajiet imxerrdin madwar il-​Mediterran, fil-​Lvant Nofsani, u f’Iżrael stess. “[Is-​sinagogi] servew bħala postijiet għall-​istudju, għal ikliet qaddisa [li kienu jsiru fis-​Sabat u fi ġranet taʼ festa], għal proċessi tal-​qorti, għal depożitu taʼ flus għas-​servizz fit-​tempju u għall-​komunità, u għal-​laqgħat politiċi u soċjali,” jgħid il-​Professur Lee Levine taʼ L-​Università Ebrajka taʼ Ġerusalemm. Hu jżid jgħid: “M’għandniex xi ngħidu, is-​servizzi reliġjużi kienu taʼ importanza prinċipali.” Mela mhux taʼ b’xejn li Ġesù spiss kien imur fis-​sinagogi. (Mk. 1:21; 6:2; Lq. 4:16) Hemm hu għallem, wissa, u inkuraġġixxa lil dawk preżenti. Wara li l-​kongregazzjoni Kristjana ġiet stabbilita, l-​appostlu Pawlu wkoll ipprietka ħafna fis-​sinagogi. Nies interessati fl-​affarijiet spiritwali kienu b’mod naturali jinġibdu lejn is-​sinagogi, allura meta Pawlu kien jidħol f’xi belt, hu ġeneralment kien imur l-​ewwel fis-​sinagoga u jipprietka hemmhekk.—Atti 17:1, 2; 18:4.