ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 8
Għala nuru apprezzament?
“Uru li intom grati.”—KOL. 3:15.
GĦANJA 46 Niżżuk ħajr Ġeħova
ĦARSA BIL-QUDDIEM *
1. Ir-raġel Samaritan li Ġesù fejjaq kif wera apprezzament?
L-GĦAXART irġiel kienu f’sitwazzjoni ddisprata. Huma kienu morda bil-ġdiem, u għalhekk il-kundizzjoni tagħhom setgħet biss tmur għall-agħar. Imma darba raw lil Ġesù, l-Għalliem il-Kbir, mill-bogħod. Huma kienu semgħu li kien fejjaq kull tip taʼ mard, u kienu konvinti li setaʼ jfejjaq lilhom ukoll. Allura talbuh: “Ġesù, Mgħallem, ikollok ħniena minna!” L-għaxart irġiel fiequ għalkollox. Żgur li kollha kienu grati, jew apprezzaw il-qalb tajba li wera magħhom Ġesù. Wieħed minnhom, però, għamel iktar milli ħass l-apprezzament—hu wera l-apprezzament * tiegħu lil Ġesù. Ir-raġel imfejjaq, Samaritan, ħassu motivat biex jigglorifika lil “Alla b’leħen għoli.”—Lq. 17:12-19.
2-3. (a) Għala forsi ma nurux apprezzament? (b) X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
2 Bħas-Samaritan, aħna nixtiequ nuru l-apprezzament tagħna maʼ dawk qalbhom tajba. Imma xi drabi, nistgħu ninsew ngħidu grazzi jew nuru lil oħrajn kif inħossuna dwar dak li għamlu b’qalb tajba.
3 F’dan l-artiklu, se niddiskutu għala hu importanti li nuru li napprezzaw b’dak li ngħidu u nagħmlu. Se nitgħallmu mill-eżempji taʼ xi karattri Bibliċi li apprezzaw
u oħrajn li ma apprezzawx. Imbagħad se niddiskutu modi prattiċi li bihom nistgħu nuru li napprezzaw.GĦALA GĦANDNA NURU APPREZZAMENT?
4-5. Għala għandna nuru l-apprezzament?
4 Ġeħova jagħtina l-aħjar eżempju taʼ kif nuru apprezzament. Mod wieħed hu billi jbierek lil dawk li jogħġbuh. (2 Sam. 22:21; Salm 13:6; Mt. 10:40, 41) U l-Iskrittura tinkuraġġina biex ‘nimitaw lil Alla, bħala wliedu maħbubin.’ (Efes. 5:1) Għalhekk, raġuni importanti għala għandna nuru l-apprezzament hi biex nimitaw lil Ġeħova.
5 Aħseb f’raġuni oħra għala għandna nkunu rridu nuru l-apprezzament lejn oħrajn. L-apprezzament hu bħal ikla tajba—iktar tieħu pjaċir biha meta taqsamha m’oħrajn. Meta nħossuna apprezzati, aħna nkunu ferħanin. Meta nuru l-apprezzament tagħna, aħna nferrħu lil oħrajn. Il-persuna li tirċievi l-apprezzament tagħna tkun taf li l-isforzi tagħha biex tgħinna, jew biex tagħtina dak li kellna bżonn, verament kienu t’għajnuna. B’hekk, il-ħbiberija taʼ bejnietna tissaħħaħ.
6. Liema xebh hemm bejn kliem t’apprezzament u tuffieħ tad-deheb?
6 Kliem t’apprezzament jiswa ħafna. Il-Bibbja tgħid: “Kelma li tingħad f’waqtha hi bħal tuffieħ tad-deheb f’tinqix tal-fidda.” (Prov. 25:11) Immaġina kemm tkun sabiħa tuffieħa tad-deheb fuq xi ħaġa tal-fidda! U aħseb ftit kemm tkun tiswa! Kif tħossok kieku tirċievi rigal bħal dan? Il-kliem t’apprezzament lil oħrajn jistaʼ jiswa daqshekk. Ikkunsidra dan il-fatt: Tuffieħa tad-deheb tistaʼ tibqaʼ għal snin sħaħ. Bl-istess mod, il-kliem t’apprezzament li int tgħid lil persuna jistaʼ jibqaʼ f’moħħha u f’qalbha tul ħajjitha.
HUMA WREW APPREZZAMENT
7. F’Salm 27:4, David kif esprima l-apprezzament tiegħu u kittieba oħra tas-salmi kif għamlu l-istess?
7 Ħafna mill-qaddejja t’Alla tal-passat urew apprezzament. Wieħed minnhom kien David. (Aqra Salm 27:4.) Hu apprezza ħafna l-qima pura u dan deher fl-azzjonijiet tiegħu. Hu ta ammont kbir t’affarijiet taʼ valur għall-bini tat-tempju. Id-dixxendenti t’Asaf esprimew l-apprezzament tagħhom billi kitbu salmi. F’wieħed mis-salmi, huma rringrazzjaw lil Ġeħova u tkellmu dwar kemm kienu jammiraw ‘l-għemejjel taʼ l-għaġeb’ tiegħu. (Salm 75:1) Jidher ċar li David u d-dixxendenti t’Asaf riedu juru lil Ġeħova kemm apprezzaw il-barkiet kollha li kienu rċivew mingħandu. Tistaʼ taħseb f’modi kif int tistaʼ timita lil dawn il-kittieba tas-salmi?
8-9. L-appostlu Pawlu kif wera l-apprezzament tiegħu lejn ħutu, u x’setaʼ kien ir-riżultat?
8 L-appostlu Pawlu apprezzahom lil ħutu u wera dan bil-mod kif tkellem dwarhom. Hu dejjem kien jirringrazzja lil Alla għalihom fit-talb personali tiegħu. Hu anki qalilhom li kienu importanti għalih b’dak li kitbilhom. Fl-ewwel 15-il vers taʼ Rumani kapitlu 16, Pawlu semma 27 Kristjan b’isimhom. Pawlu b’mod speċifiku ftakar li Prixilla u Akwila “ssograw ħajjithom” għalih, u qal li Febe “ddefendiet lil ħafna,” inkluż lilu. Hu faħħar lil dawn l-aħwa għeżież u ħabrieka.—Rum. 16:1-15.
9 Pawlu kien konxju li ħutu kienu imperfetti, imma qabel ma spiċċa l-ittra tiegħu lir-Rumani, hu għażel li jiffoka fuq il-kwalitajiet sbieħ tagħhom. Immaġina kemm ħassewhom inkuraġġiti dawn l-aħwa xħin semgħu fil-kongregazzjoni l-kliem li Pawlu kiteb dwarhom! Dan setaʼ għen biex il-ħbiberija tagħhom maʼ Pawlu tissaħħaħ. Tesprimi int b’mod regolari l-apprezzament tiegħek għall-affarijiet tajbin li ħutek tal-kongregazzjoni jgħidu jew jagħmlu?
10. X’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif Ġesù wera l-apprezzament tiegħu lejn is-segwaċi tiegħu?
10 Fil-messaġġ tiegħu lil ċerti kongregazzjonijiet fl-Asja Minuri, Ġesù wera l-apprezzament tiegħu għax-xogħol li s-segwaċi tiegħu kienu għamlu. Pereżempju, hu beda l-messaġġ lill-kongregazzjoni taʼ Tjatira billi qal: “Naf l-għemejjel tiegħek, u l-imħabba u l-fidi u l-ministeru u s-sabar tiegħek, u li l-għemejjel tiegħek taʼ dan l-aħħar huma iktar kotrana minn dawk taʼ qabel.” (Riv. 2:19) Ġesù mhux biss semma ż-żieda fl-attività tagħhom imma anki faħħarhom għall-kwalitajiet li mmotivawhom jagħmlu dawn l-affarijiet tajbin. Għalkemm Ġesù kellu jagħti parir lil xi wħud fi Tjatira, hu beda u spiċċa l-messaġġ tiegħu bl-inkuraġġiment. (Riv. 2:25-28) Aħseb fl-awtorità li għandu Ġesù bħala l-kap tal-kongregazzjonijiet kollha. Hu m’għandux għalfejn jirringrazzjana għax-xogħol li nagħmlu għalih. Minkejja dan, hu jagħmel ċert li jesprimi l-apprezzament. X’eżempju eċċellenti ħalla lill-anzjani!
HUMA MA WREWX APPREZZAMENT
11. Kif juri Ebrej 12:16, liema attitudni kellu Għesaw lejn affarijiet sagri?
11 B’dispjaċir, xi karattri Bibliċi ma wrewx apprezzament. Pereżempju, għalkemm Għesaw trabba minn ġenituri li ħabbew u rrispettaw lil Ġeħova, hu ma Ebrej 12:16.) Dan kif urieh? Mingħajr ma ħasibha, Għesaw partat id-dritt tiegħu bħala l-ewwel imwieled maʼ ħuh iżgħar, Ġakobb, għal sempliċi platt soppa. (Ġen. 25:30-34) Iktar tard, Għesaw kien imdejjaq ħafna bl-għażla li kien għamel. Imma hu ma weriex apprezzament għal dak li kellu, allura ma kellux għalfejn igerger meta ma ngħatax il-barka li kienet tiegħu bi dritt bħala l-ewwel imwieled.
weriex apprezzament lejn affarijiet sagri. (Aqra12-13. L-Iżraelin kif urew li ma kellhomx apprezzament, u x’kien ir-riżultat?
12 L-Iżraelin kellhom ħafna raġunijiet għal xiex juru apprezzament. Huma kienu nħelsu mill-jasar wara li Ġeħova bagħat l-Għaxar Kastigi fuq l-Eġittu. Imbagħad, Alla salvahom billi qered lill-Eġizzjani fil-Baħar l-Aħmar. L-Iżraelin tant apprezzaw li kantaw għanja taʼ rebħa b’tifħir lil Ġeħova. Imma baqgħu japprezzaw?
13 Meta l-Iżraelin iffaċċjaw sfidi ġodda, malajr insew l-affarijiet tajbin kollha li Ġeħova kien għamel għalihom. Imbagħad, ma wrewx apprezzament. (Salm 106:7) Kif? “Il-ġemgħa kollha taʼ wlied Iżrael bdiet tgerger kontra Mosè u Aron”—fir-realtà, kontra Ġeħova bdew igergru. (Eżo. 16:2, 8) Hu kien diżappuntat bin-nuqqas t’apprezzament li l-poplu tiegħu wera. Iktar tard hu bassar li dik il-ġenerazzjoni kollha kienet se tmut fid-deżert, minbarra Ġożwè u Kaleb. (Num. 14:22-24; 26:65) Ejja naraw kif nistgħu nevitaw li nimitaw l-eżempju ħażin taʼ dawn il-karattri u minflok nimitaw uħud li apprezzaw.
URI APPREZZAMENT ILLUM
14-15. (a) Kif jistgħu l-miżżewġin juru li japprezzaw lil xulxin? (b) Kif jistgħu l-ġenituri jgħallmu lit-tfal juru apprezzament?
14 Fil-familja. Il-familja kollha tibbenefika meta turi apprezzament. Iktar ma l-miżżewġin juru li japprezzaw lil xulxin, iktar se jkunu magħqudin. Ukoll, se jsibuha iktar faċli li jaħfru lil xulxin. Raġel li japprezza lil martu mhux biss jinnota l-affarijiet sbieħ li tgħid u tagħmel imma anki “jqum u jfaħħarha.” (Prov. 31:10, 28) U mara għaqlija ma żżommx lura milli tgħid b’mod speċifiku lil żewġha x’tapprezza fih.
15 Ġenituri, kif tistgħu tgħallmu lit-tfal juru apprezzament? Ftakru li t-tfal se jimitaw dak li intom tgħidu u tagħmlu. Għalhekk, agħtuhom eżempju tajjeb billi
tgħidu grazzi meta t-tfal jagħmlu xi ħaġa għalikom. Ukoll, għallmu lit-tfal tagħkom jgħidu grazzi meta xi ħadd jagħmel xi ħaġa għalihom. Għinuhom jifhmu li l-apprezzament jiġi mill-qalb u li dak li jgħidu jistaʼ jħalli effett tajjeb. Pereżempju, tfajla jisimha Clary tgħid: “Meta kellha 32 sena, ommi f’daqqa waħda sabet ruħha waħedha bi tlett itfal xi trabbi. Meta għalaqt 32 sena, qgħadt naħseb kemm kien diffiċli għaliha taʼ dik l-età. Allura, għedtilha kemm napprezza s-sagrifiċċji kollha li għamlet biex trabbi lili u lil ħuti s-subien. M’ilux, ommi qaltli li dak li kont għedtilha għadha tgħożżu f’qalbha, u spiss toqgħod taħseb fuqu, u dan dejjem jgħinha tħossha ferħana.”16. Agħti eżempju li juri kif meta nuru l-apprezzament, oħrajn jiġu inkuraġġiti.
16 Fil-kongregazzjoni. Meta nuru l-apprezzament tagħna lejn ħutna, aħna ninkuraġġuhom. Pereżempju, Jorge, anzjan taʼ 28 sena, marad serjament. Hu ma setax jattendi l-laqgħat għal xahar. Anki wara li beda jmur il-laqgħat, xorta ma setax iwettaq inkarigi minn fuq il-platform. Jorge jammetti: “Ħassejtni ma niswa għal xejn minħabba l-limitazzjonijiet tiegħi u minħabba li ma stajtx nieħu ħsieb responsabbiltajiet tal-kongregazzjoni. Imma wara l-laqgħa, ħu qalli: ‘Ridt ngħidlek grazzi għall-eżempju mill-aħjar li tagħti lill-familja tiegħi. M’għandekx idea kemm ħadna pjaċir nisimgħu t-taħditiet tiegħek matul dawn l-aħħar snin. Għenuna nsaħħu l-fidi tagħna.’ Tant apprezzajt dak li qalli li għajnejja mtlew bid-dmugħ. Kliemu kien eżatt dak li kelli bżonn nismaʼ.”
17. Bħalma jgħid Kolossin 3:15, kif nistgħu nuru lil Ġeħova li napprezzaw il-ġenerożità tiegħu?
17 Lil Alla ġeneruż tagħna. Ġeħova tana abbundanza taʼ ikel spiritwali. Pereżempju, aħna nirċievu tagħlim utli permezz tal-laqgħat, rivisti, u websajts tagħna. Ġieli smajt taħdita, qrajt xi artiklu, jew rajt broadcast u għedt, ‘Dan hu eżatt dak li kelli bżonn’? Kif nistgħu nuru lil Ġeħova li napprezzaw? (Aqra Kolossin 3:15.) Mod wieħed hu billi regolarment nirringrazzjawh fit-talb tagħna għal dawn ir-rigali tajbin.—Ġak. 1:17.
18. B’liema modi nistgħu nuru li napprezzaw is-Sala tas-Saltna tagħna?
18 Nuru wkoll l-apprezzament tagħna lejn Ġeħova meta nżommu l-post għall-qima tagħna nadif u kollox f’postu. Aħna nieħdu sehem regolarment fit-tindif
u fil-manutenzjoni tas-Swali tas-Saltna, u dawk li jużaw l-apparat tas-sawnd u l-vidjows joqogħdu attenti li ma jagħmlux ħsara. Meta nieħdu ħsieb sew is-Swali tas-Saltna, dawn se jservu iktar u se jkollhom bżonn inqas manutenzjoni. B’dan il-mod, se jkun hemm iktar flus li jistgħu jintużaw biex jinbnew u jiġu rranġati Swali tas-Saltna oħra madwar id-dinja.19. X’tgħallimt mill-esperjenza tal-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet u martu?
19 Lil dawk li jaħdmu iebes għalina. Meta nuru apprezzament, il-kliem tagħna jistaʼ jgħin lil persuna tħossha aħjar dwar l-isfidi li qed tiffaċċja. Ikkunsidra l-esperjenza taʼ indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet u martu. Wara ġurnata twila xitwija fil-ministeru, huma waslu fejn kienu qed joqogħdu għajjenin ħafna. Tant kien bard li l-oħt raqdet bil-kowt. Filgħodu, hi qalet lil żewġha li ħasset li ma tistax tkompli f’dan ix-xogħol. Ftit sigħat wara, irċivew ittra mill-uffiċċju tal-fergħa, u din kienet indirizzata lilha. L-ittra bi mħabba faħħret lill-oħt għax-xogħol tagħha u għax jirnexxilha tkampa fih. Fl-ittra l-aħwa wrewha li jifhmu kemm jistaʼ jkun diffiċli li kull ġimgħa tmur minn post għall-ieħor. Żewġha jgħid: “Tant ħassitha apprezzata b’din l-ittra li qatt ma reġgħet tkellmet dwar li riedet tieqaf mix-xogħol tas-circuit. Fil-fatt, ħafna drabi hi tinkuraġġini biex inkompli meta naħseb biex nieqaf.” Il-koppja baqgħu fix-xogħol tal-ivvjaġġar għal kważi 40 sena.
20. X’għandna nipprovaw nagħmlu kuljum, u għala?
20 Jalla kuljum nipprovaw nuru l-apprezzament tagħna bi kliemna u għemilna. Dak li ngħidu jew nagħmlu mill-qalb forsi jkun eżatt dak li persuna jkollha bżonn biex tiffaċċja l-problemi u l-istress taʼ kuljum f’dinja ingrata. U l-kliem t’apprezzament tagħna se jgħin biex insaħħu l-ħbiberiji li jibqgħu għal dejjem. L-iktar importanti, aħna se nkunu qed nimitaw il-ġenerożità taʼ Missierna Ġeħova u l-apprezzament li għandu għalina.
GĦANJA 20 Int tajt lill-Iben għażiż tiegħek
^ par. 5 X’nistgħu nitgħallmu minn Ġeħova, Ġesù, u s-Samaritan li kellu l-marda tal-ġdiem dwar li nuru apprezzament? F’dan l-artiklu se nikkunsidraw dawn l-eżempji u oħrajn. Se niddiskutu għala huwa importanti ħafna li nuru l-apprezzament u se naraw xi modi prattiċi li bihom nistgħu nagħmlu dan.
^ par. 1 ESPRESSJONI SPJEGATA: Li tapprezza lil xi ħadd jew xi ħaġa jfisser li tagħraf il-valur tagħha. Il-kelma tistaʼ tirreferi għal sentimenti taʼ gratitudni mill-qalb.