Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Li naħdmu flimkien m’Alla jġib il-ferħ

Li naħdmu flimkien m’Alla jġib il-ferħ

“Waqt li naħdmu flimkien miegħu, nitolbukom bil-ħrara wkoll biex ma taċċettawx il-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla u titilfu l-iskop tagħha.”—2 KORINTIN 6:1.

GĦANJIET: 7574

1. Għalkemm Ġeħova hu l-Wieħed Suprem, liema stedina ta lil oħrajn?

ĠEĦOVA hu l-Wieħed Suprem. Hu ħalaq kollox, u għandu għerf u qawwa bla limitu. Wara li għen lil Ġob jifhem dan, Ġob qallu: “Sirt naf li int għandek il-ħila tagħmel kollox, u m’hemm ebda idea li ma tistax twettaqha.” (Ġob 42:2) Ġeħova jista’ jagħmel kwalunkwe ħaġa li jiddeċiedi li jagħmel mingħajr l-għajnuna ta’ ħadd. Imma juri mħabba billi jistieden lil oħrajn jaħdmu miegħu f’li jwettaq ir-rieda tiegħu.

2. Ġeħova stieden lil Ġesù biex jagħmel liema xogħol importanti?

2 Alla ħalaq lil Ibnu, Ġesù, qabel ma ħalaq kull persuna u kull ħaġa oħra. Imbagħad, Ġeħova ħalla lil Ibnu jgħinu joħloq l-affarijiet l-oħra kollha. (Ġwanni 1:1-3, 18) L-appostlu Pawlu kiteb hekk dwar Ġesù: “Permezz tiegħu nħolqu l-affarijiet l-oħrajn kollha fis-smewwiet u fuq l-art, dawk viżibbli u dawk inviżibbli, sew jekk huma tronijiet, ħakmiet, gvernijiet, jew awtoritajiet. L-affarijiet l-oħrajn kollha nħolqu permezz tiegħu u għalih.” (Kolossin 1:15-17) Għalhekk, Ġeħova mhux biss ta lil Ibnu xogħol importanti, imma wkoll qal lil oħrajn dwar dan. X’unur!

3. Ġeħova xi stiednu jagħmel lil Adam, u għala?

3 Ġeħova stieden ukoll lill-bnedmin biex jaħdmu miegħu. Pereżempju, ħalla lil Adam jagħti isem lill-annimali. (Ġenesi 2:19, 20) Immaġina l-ferħ li ħass Adam meta għamel dan ix-xogħol! Hu studja bir-reqqa l-mod kif l-annimali kienu jidhru u jaġixxu, u mbagħad għażel isem għal kull wieħed minnhom. Ġeħova kien ħalaq l-annimali kollha, għalhekk seta’ jagħtihom isem hu stess. Però, wera lil Adam kemm kien iħobbu billi ħalla lilu jagħti isem lill-annimali. Ukoll, Alla ta lil Adam l-inkarigu li jagħmel l-art kollha ġenna. (Ġenesi 1:27, 28) Imma Adam eventwalment iddeċieda li jieqaf jaħdem m’Alla, u dan wassal għal ħafna tbatija għalih u għad-dixxendenti kollha tiegħu.—Ġenesi 3:17-19, 23.

4. Oħrajn kif ħadmu m’Alla biex iwettqu r-rieda tiegħu?

4 Iktar tard, Alla stieden lil nies oħra biex jaħdmu miegħu. Noè bena arka li żammet lilu u lil familtu ħajjin matul id-Dulluvju. Mosè ħeles lill-ġens tal-Iżrael mill-Eġittu. Ġożwè mexxa lill-Iżraelin għal ġol-Art Imwiegħda. Salamun bena t-tempju f’Ġerusalemm. Marija saret omm Ġesù. Dawn l-uħud leali kollha u ħafna oħrajn ħadmu ma’ Ġeħova biex iwettqu r-rieda tiegħu.

5. F’liema xogħol nistgħu nieħdu sehem, u Ġeħova kellu għalfejn jinvolvina f’dan ix-xogħol? (Ara l-ewwel stampa.)

5 Illum il-ġurnata, Ġeħova jistidinna biex nagħmlu kulma nistgħu biex nappoġġaw is-Saltna tiegħu. Hemm ħafna modi kif nistgħu naqdu lil Alla. U għalkemm mhux kollha nistgħu naqduh bl-istess mod, kollha nistgħu nippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna. Ġeħova seta’ għamel dan ix-xogħol waħdu. Seta’ kellem lin-nies fuq l-art direttament mis-sema. Ġesù qal li Ġeħova saħansitra jista’ jġiegħel il-ġebel jgħid lil oħrajn dwar is-Sultan tas-Saltna Tiegħu. (Luqa 19:37-40) Imma Ġeħova jħallina nkunu ‘ħaddiema sħabu.’ (1 Korintin 3:9) L-appostlu Pawlu kiteb: “Waqt li naħdmu flimkien miegħu, nitolbukom bil-ħrara wkoll biex ma taċċettawx il-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla u titilfu l-iskop tagħha.” (2 Korintin 6:1) Hu unur kbir li tkun mistieden biex taħdem m’Alla. Ejja naraw xi raġunijiet għala dan iġibilna ħafna ferħ.

LI NAĦDMU M’ALLA JFERRAĦNA

M’hemm xejn iktar sodisfaċenti milli ngħallmu lil xi ħadd il-verità! (Ara paragrafu 7)

6. L-ewwel Iben imwieled t’Alla kif iddeskriva kif ħassu dwar li jaħdem flimkien ma’ Missieru?

6 Il-qaddejja ta’ Ġeħova dejjem ferħu meta ħadmu m’Alla. Qabel ma ġie fuq l-art, l-ewwel Iben imwieled t’Alla qal: “Ġeħova nissilni bħala l-bidu ta’ l-attività kreattiva tiegħu . . . Kont maġenbu bħala ħaddiem tas-sengħa, u kien jgħożżni b’mod speċjali jum wara l-ieħor, u kont nieħu pjaċir quddiemu l-ħin kollu.” (Proverbji 8:22, 30) Meta Ġesù ħadem ma’ Missieru, kien ferħan għax wettaq ħafna affarijiet u kien jaf li Ġeħova jħobbu. Imma xi ngħidu għalina?

7. L-ippritkar għala jferraħna?

7 Ġesù qal li aħna nkunu ferħanin kemm meta nagħtu u anke meta nirċievu. (Atti 20:35) Fraħna meta rċivejna l-verità, imma għala nifirħu wkoll meta naqsmu l-verità m’oħrajn? Għax narawhom isiru verament ferħanin meta jifhmu dak li tgħallem il-Bibbja u jibdew ikollhom relazzjoni m’Alla. Aħna nħossuna eċċitati meta narawhom ibiddlu l-mod ta’ kif jaħsbu u jgħixu. L-ippritkar hu l-iktar xogħol importanti u sodisfaċenti li jista’ jkollna. Jagħmilha possibbli għal dawk li jsiru l-ħbieb t’Alla li jkollhom il-ħajja ta’ dejjem.—2 Korintin 5:20.

8. Xi wħud x’qalu dwar il-ferħ li jiġi meta naħdmu ma’ Ġeħova?

8 Meta ngħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar Alla, nafu li qed nogħġbu lil Ġeħova u li hu jgħożż l-isforzi tagħna biex naqduh. Dan ukoll iferraħna. (Aqra l-1 Korintin 15:58.) Marco, li jgħix l-Italja, jgħid: “Għandi ferħ li ma jitkejjilx li jiġi meta nkun naf li qed nagħti l-aħjar tiegħi lil Ġeħova u mhux lil xi ħadd li ma jdumx ma jinsa dak li għamilt.” B’mod simili, Franco, li wkoll jaqdi fl-Italja, jgħid: “Permezz tal-Kelma tiegħu u l-pubblikazzjonijiet u l-laqgħat Kristjani, Ġeħova jfakkarna kuljum li jħobbna u li dak kollu li nagħmlu għalih hu importanti, avolja l-isforzi tagħna forsi jidhru insinifikanti f’għajnejna. Hu għalhekk li meta naħdem m’Alla nkun ferħan u ħajti jkollha skop.”

LI NAĦDMU M’ALLA JRESSAQNA EQREB LEJH U LEJN OĦRAJN

9. Liema relazzjoni kien hemm bejn Ġeħova u Ġesù, u għala?

9 Meta naħdmu flimkien ma’ dawk li nħobbu, nersqu qrib tagħhom. Insiru nafu iktar dwar il-personalità u l-kwalitajiet tagħhom. Nitgħallmu dwar x’inhuma l-miri tagħhom u kif qed jipprovaw jilħquhom. Ġesù ħadem ma’ Ġeħova għal forsi biljuni ta’ snin. L-imħabba u l-affezzjoni tagħhom għal xulxin tant saru b’saħħithom li xejn ma seta’ jkisser ir-relazzjoni tagħhom. Ġesù spjega kemm kienet mill-qrib dik ir-relazzjoni meta qal: “Jien u l-Missier ħaġa waħda.” (Ġwanni 10:30) Kienu tassew magħqudin, u kkooperaw bis-sħiħ meta ħadmu flimkien.

L-ippritkar isaħħaħ il-fidi tagħna għax ifakkarna fil-wegħdi t’Alla u fil-livelli kollhom imħabba tiegħu

10. L-ippritkar għala jressaqna eqreb lejn Alla u lejn oħrajn?

10 Ġesù talab lil Ġeħova biex jipproteġi lid-dixxipli tiegħu. Għala? Hu talab: “Biex ikunu ħaġa waħda bħalna.” (Ġwanni 17:11) Meta ngħixu fi qbil mal-livelli t’Alla u nieħdu sehem fl-ippritkar, nifhmu aħjar il-kwalitajiet mill-isbaħ tiegħu. Nitgħallmu għala nkunu għaqlin jekk nafdaw fih u nsegwu d-direzzjoni tiegħu. U meta nersqu qrib t’Alla, hu jersaq qrib tagħna. (Aqra Ġakbu 4:8.) Aħna nersqu qrib ukoll ta’ ħutna rġiel u nisa għax nesperjenzaw problemi u ferħ simili u għax għandna l-istess miri. Aħna naħdmu flimkien, nifirħu flimkien, u nissaportu flimkien. Octavia, li tgħix il-Britannja, tgħid: “Li naħdem ma’ Ġeħova jressaqni eqreb lejn oħrajn.” Tispjega li dan hu għax il-ħbiberiji tagħha issa huma bbażati fuq “mira u direzzjoni komuni.” Żgur li nħossuna l-istess. Meta naraw l-isforzi li jagħmlu ħutna biex jogħġbu lil Ġeħova, dan iressaqna eqreb lejhom.

11. Għala se nersqu saħansitra eqreb lejn Ġeħova u lejn ħutna fid-dinja l-ġdida?

11 L-imħabba tagħna għal Alla u għal ħutna hi b’saħħitha issa, imma se tkun saħansitra iktar b’saħħitha fid-dinja l-ġdida. Aħseb dwar ix-xogħol eċċitanti kollu li se nagħmlu fil-futur! Se nilqgħu lura lil dawk li jiġu rxoxtati u ngħallmuhom dwar Ġeħova. Ukoll, se nbiddlu l-art f’ġenna. Se jkun sors ta’ ferħ kbir li naħdmu flimkien u li bil-mod il-mod insiru perfetti taħt it-tmexxija ta’ Kristu. Il-bnedmin kollha se jersqu saħansitra iktar qrib ta’ xulxin u ta’ Ġeħova, li żgur se ‘jissodisfa x-xewqa ta’ kull ħaġa ħajja.’—Salm 145:16.

LI NAĦDMU M’ALLA HU PROTEZZJONI

12. L-ippritkar kif inhu ta’ protezzjoni għalina?

12 Għandna bżonn nipproteġu r-relazzjoni tagħna ma’ Ġeħova. Aħna ngħixu fid-dinja ta’ Satana u lkoll imperfetti, u allura hu faċli għalina li nibdew naħsbu u naġixxu bħal dawk fid-dinja. Hu bħal meta nkunu qed ngħumu kontra l-kurrent. Ikollna nużaw saħħitna kollha biex nagħmlu dan. Bl-istess mod, irridu nagħmlu l-almu tagħna biex nevitaw li niġu influwenzati mid-dinja ta’ Satana. Allura, l-ippritkar kif jipproteġina? Meta nitkellmu dwar Ġeħova u l-Bibbja, niffokaw fuq affarijiet li huma importanti u tajbin, u mhux fuq affarijiet li se jdgħajfulna l-fidi. (Filippin 4:8) L-ippritkar isaħħaħ il-fidi tagħna għax ifakkarna fil-wegħdi t’Alla u fil-livelli kollhom imħabba tiegħu. Jgħinna wkoll inżommu l-kwalitajiet li għandna bżonn biex nipproteġu ruħna minn Satana u d-dinja tiegħu.—Aqra Efesin 6:14-17.

Meta nibqgħu beżlin fix-xogħol ta’ Ġeħova, ma jkollniex ħin biex noqogħdu ninkwetaw iżżejjed fuq il-problemi tagħna stess

13. Xhud fl-Awstralja kif iħossu dwar l-ippritkar?

13 Meta nibqgħu beżlin f’li nippritkaw, nistudjaw, u nagħmlu affarijiet għal oħrajn fil-kongregazzjoni, inkunu protetti għax ma jkollniex ħin biex noqogħdu ninkwetaw iżżejjed fuq il-problemi tagħna stess. Joel, li jgħix l-Awstralja, jgħid: “L-ippritkar jgħinni nżomm saqajja mal-art u ma ninsiex x’inhi r-realtà. Ifakkarni fl-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom in-nies u fil-benefiċċji li ksibt meta applikajt il-prinċipji tal-Bibbja f’ħajti. L-ippritkar jgħinni nipprova nibqa’ umli; jagħtini opportunità biex nistrieħ fuq Ġeħova u fuq ħuti rġiel u nisa.”

14. Il-fatt li nibqgħu nippritkaw kif juri li l-ispirtu t’Alla qiegħed magħna?

14 L-ippritkar jagħtina wkoll iktar fiduċja li l-ispirtu t’Alla qiegħed magħna. Biex nagħtu eżempju: Immaġina li x-xogħol tiegħek hu li tqassam il-ħobż lin-nies fil-komunità tiegħek. Ma titħallasx biex tagħmel dan ix-xogħol, u int trid taħseb għall-ispejjeż li jkollok. Ukoll, il-biċċa l-kbira tan-nies ma jridux il-ħobż, u xi wħud minnhom saħansitra jobogħduk talli tiħdilhom il-ħobż. Kemm taħseb li se ddum tagħmel dan ix-xogħol? Mhux se ddum ma tibda taqta’ qalbek, u probabbli tieqaf. Iżda, ħafna minna jkomplu jippritkaw sena wara sena, avolja dan jiswielna l-flus u jiħdilna l-ħin u avolja n-nies jgħadduna biż-żmien jew jirrabjaw magħna. Dan juri biċ-ċar li l-ispirtu t’Alla qed jgħinna.

LI NAĦDMU M’ALLA JURI MĦABBITNA GĦALIH U GĦAL OĦRAJN

15. L-ippritkar tal-aħbar tajba kif inhu marbut mal-iskop t’Alla għall-bnedmin?

15 L-ippritkar kif inhu marbut mal-iskop ta’ Ġeħova għall-bnedmin? L-iskop t’Alla kien li l-bnedmin jgħixu għal dejjem, u l-iskop tiegħu ma nbidilx meta dineb Adam. (Isaija 55:11) Alla għamel arranġament għalina biex ninħelsu mid-dnub u l-mewt. Kif? Ġesù ġie fuq l-art u ssagrifika ħajtu. Imma biex jibbenefikaw mis-sagrifiċċju tiegħu, il-bnedmin kellhom bżonn jobdu lil Alla. Għalhekk, Ġesù għallem lin-nies dak li jistenna minnhom Alla, u kkmanda lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlu l-istess xogħol. Meta nippritkaw u ngħinu lil oħrajn isiru l-ħbieb t’Alla llum, inkunu qed naħdmu direttament m’Alla fl-arranġament kollu mħabba tiegħu biex isalva n-nies mid-dnub u l-mewt.

16. L-ippritkar tagħna kif inhu konness mal-akbar kmandamenti t’Alla?

16 Meta ngħinu lil oħrajn jaqbdu t-triq għall-ħajja ta’ dejjem, inkunu qed nuru li nħobbu lilhom u lil Ġeħova. Hu “jrid li bnedmin ta’ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-għarfien eżatt dwar il-verità.” (1 Timotju 2:4) Meta Fariżew saqsa lil Ġesù x’kien l-akbar kmandament t’Alla, Ġesù qal: “‘Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.’ Dan hu l-akbar u l-ewwel kmandament. It-tieni jixbhu u hu dan, ‘Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’” (Mattew 22:37-39) Billi nippritkaw l-aħbar tajba, inkunu qed nobdu dawn il-kmandamenti.—Aqra Atti 10:42.

17. Kif tħossok dwar l-unur li tipprietka l-aħbar tajba?

17 Kemm aħna mberkin! Ġeħova tana xogħol li jferraħna, li jressaqna eqreb lejh u lejn ħutna, u li jipproteġi r-relazzjoni li għandna miegħu. Ukoll, jagħtina l-opportunità li nuru mħabbitna għal Alla u għal oħrajn. Ġeħova għandu miljuni ta’ qaddejja madwar id-dinja, u kollha għandhom ċirkustanzi differenti ħafna. Imma kemm jekk aħna żgħar jew kbar, sinjuri jew fqar, b’saħħitna jew dgħajfin, aħna nagħmlu kulma nistgħu biex naqsmu l-fidi tagħna m’oħrajn. Inħossuna bħal Chantel minn Franza, li tgħid: “L-iktar Persunaġġ qawwi fl-univers, il-Ħallieq ta’ kollox, l-Alla l-hieni, jgħidli: ‘Mur! Tkellem! Tkellem għalija, tkellem minn qalbek. Jien se nagħtik is-saħħa tiegħi, il-Kelma tiegħi l-Bibbja, appoġġ mis-sema, ħaddiema sħabek fuq l-art, taħriġ kontinwu, u istruzzjonijiet preċiżi f’waqthom.’ Xi privileġġ tal-għaġeb hu li nagħmlu dak li jitlob minna Ġeħova u li naħdmu flimkien mal-Alla tagħna!”