Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Aħna se niġu magħkom”

“Aħna se niġu magħkom”

“Aħna se niġu magħkom, għax smajna li Alla magħkom.”—ŻAKKARIJA 8:23.

GĦANJIET: 65, 122

1, 2. (a) Ġeħova x’qal li kien se jiġri fi żmienna? (b) Liema mistoqsijiet se jitwieġbu f’dan l-​artiklu? (Ara l-​ewwel stampa.)

ĠEĦOVA qal li fi żmienna, “għaxart irġiel mill-​ilsna kollha tal-​ġnus se jaqbdu, iva, se jaqbdu tarf il-​libsa taʼ raġel Lhudi, u jgħidu: ‘Aħna se niġu magħkom, għax smajna li Alla magħkom.’ ” (Żakkarija 8:23) Il-​“Lhudi” jagħti stampa taʼ dawk li Alla dilek bl-​ispirtu qaddis. Dawn jissejħu wkoll “l-​Israel t’Alla.” (Galatin 6:16) L-​“għaxart irġiel” jagħtu stampa taʼ dawk li għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art. Dawn jafu li Ġeħova bierek lil dan il-​grupp taʼ midlukin u jħossu li hu unur li jqimu lil Alla mal-​midlukin.

2 Bħall-​profeta Żakkarija, Ġesù qal li n-​nies t’Alla kienu se jkunu magħqudin. Hu ddeskriva lil dawk li jħarsu ’l quddiem għal li jgħixu fis-​sema bħala “merħla żgħira” u dawk li jħarsu ’l quddiem għal li jgħixu fuq l-​art bħala “nagħaġ oħrajn.” Imma Ġesù qal li kollha kienu se jkunu “merħla waħda” u kienu se jsegwu lilu, ir-​“ragħaj wieħed.” (Luqa 12:32; Ġwanni 10:16) Peress li hemm żewġ gruppi, xi wħud forsi jsaqsu lilhom infushom: (1) In-​nagħaġ l-​oħra għandhom għalfejn ikunu jafu l-​ismijiet taʼ dawk kollha li llum huma midlukin? (2) Il-​midlukin kif għandhom iqisu lilhom infushom? (3) Jekk xi ħadd fil-​kongregazzjoni tiegħi jibda jieħu mill-​ħobż u l-​inbid fit-​Tifkira, kif għandi nittrattah? (4) Għandi għalfejn ninkwieta meta nara li n-​numru t’aħwa li jieħdu mill-​ħobż u l-​inbid fit-​Tifkira qed jiżdied? Dan l-​artiklu se jwieġeb dawn il-​mistoqsijiet.

HEMM GĦALFEJN INKUNU NAFU L-​ISMIJIET TAʼ DAWK KOLLHA LI LLUM HUMA MIDLUKIN?

3. Għala mhuwiex possibbli għalina li nkunu nafu fiċ-​ċert min se jkun parti mill-​144,000?

3 In-​nagħaġ l-​oħra għandhom għalfejn ikunu jafu l-​ismijiet tal-​midlukin kollha li għad hawn fuq l-​art illum? Le! Għala le? Għax mhuwiex possibbli għalina biex inkunu nafu fiċ-​ċert li dawn se jieħdu l-​premju tagħhom. [1] (Ara n-​nota fl-​aħħar.) Għalkemm Alla stidinhom biex imorru fis-​sema, dawn se jirċievu l-​premju tagħhom biss jekk jibqgħu leali. Satana jafu dan, u juża “profeti foloz” biex jipprova ‘jqarraq’ bihom. (Mattew 24:24) Il-​Kristjani midlukin ma jistgħux ikunu ċerti li se jirċievu l-​premju tagħhom sakemm Ġeħova jagħmilhielhom ċara li ġġudikahom bħala li huma leali. Ġeħova jagħti din l-​aħħar approvazzjoni, jew l-​aħħar immarkar bis-​siġill, qabel ma jmutu jew inkella eżatt qabel il-​bidu tat-​“tribulazzjoni l-​kbira.”—Rivelazzjoni 2:10; 7:3, 14.

Ġesù hu l-​Mexxej tagħna, u rridu nsegwu lilu biss

4. Jekk mhux possibbli li nkunu nafu l-​ismijiet tal-​midlukin kollha fuq l-​art illum, kif nistgħu ‘mmorru magħhom’?

4 Jekk mhux possibbli li nkunu nafu l-​ismijiet tal-​midlukin kollha fuq l-​art illum, in-​nagħaġ l-​oħra kif jistgħu ‘jmorru magħhom,’ jew, jingħaqdu magħhom? Il-​Bibbja tgħid li l-​“għaxart irġiel” kienu se “jaqbdu tarf il-​libsa taʼ raġel Lhudi, u jgħidu: ‘Aħna se niġu magħkom, għax smajna li Alla magħkom.’” Il-​vers tal-​Bibbja jsemmi Lhudi wieħed, imma mbagħad jgħid “magħkom,” u b’hekk jirreferi għal iktar minn persuna waħda. Dan ifisser li l-​Lhudi mhuwiex individwu wieħed imma jirrappreżenta l-​grupp kollu tal-​midlukin. In-​nagħaġ l-​oħra jafuh dan, u jaqdu lil Ġeħova spalla maʼ spalla maʼ dan il-​grupp. Imma m’għandhomx għalfejn ikunu jafu l-​isem taʼ kull membru taʼ dan il-​grupp u jsegwu lil kull wieħed u waħda minnhom. Ġesù hu l-​Mexxej tagħna, u l-​Bibbja tgħidilna li rridu nsegwu lilu biss.—Mattew 23:10.

IL-​MIDLUKIN KIF GĦANDHOM IQISU LILHOM INFUSHOM?

5. Il-​midlukin dwar liema twissija għandhom jaħsbu bis-​serjetà, u għala?

5 Il-​midlukin għandhom jaħsbu bis-​serjetà dwar it-​twissija li nsibu fl-​1 Korintin 11:​27-​29. (Aqra.) Midluk kif jistaʼ jieħu mill-​ħobż u l-​inbid fit-​Tifkira “mingħajr ma jkun jistħoqqlu”? Jekk ma jżommx relazzjoni tajba maʼ Ġeħova u ma jkunx leali lejh, imbagħad ikun qed juri diżrispett meta jieħu mill-​ħobż u l-​inbid. (Ebrej 6:​4-​6; 10:​26-​29) Din it-​twissija soda tfakkar lill-​midlukin li jridu jibqgħu leali jekk iridu jirċievu “l-​premju tas-​sejħa t’Alla għal hemm fuq permezz taʼ Kristu Ġesù.”—Filippin 3:13-16.

6. Il-​Kristjani midlukin kif għandhom iqisu lilhom infushom?

6 Pawlu qal lill-​Kristjani midlukin: “Jien, il-​priġunier fil-​Mulej, nitlobkom bil-​ħrara biex timxu kif jixraq lis-​sejħa li biha kontu msejħin.” Kif jistgħu jagħmlu dan? Pawlu spjega: “B’umiltà sħiħa u ħlewwa, b’sabar fit-​tul, waqt li tissaportu lil xulxin bl-​imħabba, u tagħmlu ħilitkom biex bil-​ħeġġa kollha tħarsu l-​unità taʼ l-​ispirtu fir-​rabta li tgħaqqad tal-​paċi.” (Efesin 4:​1-​3) L-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova jgħin lill-​qaddejja tiegħu jkunu umli, u mhux kburin. (Kolossin 3:12) Għalhekk, il-​midlukin ma jaħsbux li huma aħjar minn ħaddieħor. Huma jafu li Ġeħova mhux neċessarjament jagħti iktar spirtu qaddis lill-​midlukin milli jagħti lill-​qaddejja l-​oħra tiegħu. U ma jaħsbux li huma jifhmu l-​veritajiet tal-​Bibbja b’mod iktar profond minn ħaddieħor. Ukoll, qatt mhu se jgħidu lil xi ħadd li hu wkoll hu midluk u li għandu jibda jieħu mill-​ħobż u l-​inbid fit-​Tifkira. Minflok, huma umli u jafu li Ġeħova biss jistaʼ jistieden lin-​nies biex imorru s-​sema.

7, 8. X’ma jistennewx il-​Kristjani midlukin, u għala?

7 Għalkemm il-​midlukin iħossu li hu unur li ġew mistidnin imorru s-​sema, ma jistennewx li ħaddieħor jittrattahom b’xi mod speċjali. (Efesin 1:​18, 19; aqra Filippin 2:​2, 3.) Jafu wkoll li meta Ġeħova għażilhom bħala midlukin, hu ma ħalliex lil kulħadd ikun jaf b’dan. Għalhekk, individwu midluk ma jiskantax jekk xi ħadd ma jemminx mill-​ewwel li sar midluk. Hu jirrealizza li l-​Bibbja tgħidilna biex ma nkunux ħfief biex nemmnu lil xi ħadd li jgħid li Alla tah ċerta responsabbiltà speċjali. (Rivelazzjoni 2:2) Minħabba li individwu midluk ma jistenniex li oħrajn jagħtuh ħafna attenzjoni, hu mhux se joqgħod jgħid lil dawk li jiltaqaʼ magħhom għall-​ewwel darba li hu midluk. Infatti, abbli ma jsemmi dan il-​fatt maʼ ħadd. Minbarra dan, mhux se joqgħod jiftaħar dwar l-​affarijiet meraviljużi li se jagħmel fis-​sema.​—1 Korintin 1:28, 29; aqra l-​1 Korintin 4:6-8.

8 Il-​Kristjani midlukin ma jħossux li għandhom iqattgħu l-​ħin m’aħwa midlukin oħrajn biss, bħallikieku kienu parti minn xi klabb. Ma jipprovawx isibu aħwa midlukin oħra ħalli jkunu jistgħu jitkellmu dwar li huma midlukin jew ħalli jiltaqgħu fi gruppi biex jistudjaw il-​Bibbja. (Galatin 1:​15-​17) Il-​kongregazzjoni ma tkunx magħquda li kieku l-​midlukin kellhom jagħmlu dan. Ikunu qed jaħdmu kontra l-​ispirtu qaddis, li jgħin lin-​nies t’Alla jkollhom il-​paċi u l-​unità.—Aqra Rumani 16:17, 18.

KIF GĦANDEK TITTRATTAHOM?

9. Għala trid toqgħod attent mill-​mod kif tittratta lil dawk li jieħdu mill-​ħobż u l-​inbid fit-​Tifkira? (Ara l-​kaxxa “ L-​imħabba ‘ma ġġibx ruħha b’mod indeċenti.’ ”)

9 Kif għandek tittratta lil ħutna rġiel u nisa midlukin? Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Intom ilkoll aħwa.” Kompla jgħid: “Kulmin jitgħolla jiġi umiljat, u kulmin jumilja ruħu jitgħolla.” (Mattew 23:​8-​12) Għalhekk, ma jkunx xieraq li nammiraw lil individwu żżejjed, anke jekk hu ħu midluk taʼ Kristu. Meta l-​Bibbja titkellem dwar l-​anzjani, tinkuraġġina biex nimitaw il-​fidi tagħhom, imma ma tgħidilniex biex nagħmlu xi bniedem il-​mexxej tagħna. (Ebrej 13:7) Hu minnu li l-​Bibbja tgħid li xi wħud “huma denji t’unur doppju.” Imma dan hu għax “jippresiedu bl-​aħjar mod” u “jaħdmu iebes biex jitkellmu u jgħallmu,” u mhux għax huma midlukin. (1 Timotju 5:17) Jekk nagħtu lil uħud midlukin wisq tifħir u attenzjoni, inkunu qed nimbarazzawhom. Jew agħar minn hekk, inġegħluhom jitkabbru. (Rumani 12:3) Ħadd minna ma jrid jagħmel xi ħaġa li tistaʼ twassal biex xi ħadd mill-​aħwa midlukin taʼ Kristu jagħmel żball tant serju!—Luqa 17:2.

Kif għandek tittratta lil xi ħadd li jieħu mill-ħobż u l-inbid fit-Tifkira? (Ara paragrafi 9-11)

10. Kif tistaʼ turi li tirrispetta l-​Kristjani midlukin?

10 Kif nistgħu nuru li nirrispettaw lil dawk li huma midlukin minn Ġeħova? Mhux se nsaqsuhom kif saru midlukin. Din hi kwistjoni persunali, u m’għandniex dritt inkunu nafu. (1 Tessalonikin 4:11; 2 Tessalonikin 3:11) U m’għandniex naħsbu li r-​raġel tagħhom, il-​mara tagħhom, il-​ġenituri tagħhom, jew membri oħra tal-​familja huma wkoll midlukin. Ħadd ma jiret it-​tama tiegħu mill-​familja. (1 Tessalonikin 2:12) Apparti minn hekk, għandna nevitaw li nsaqsu mistoqsijiet li jistgħu jweġġgħu lil oħrajn. Pereżempju, mhux se nsaqsu l-​mara taʼ ħu midluk kif tħossha dwar il-​fatt li hi se tgħix għal dejjem fuq l-​art mingħajr żewġha. Wara kollox, nistgħu nkunu ċerti għalkollox li fid-​dinja l-​ġdida, Ġeħova se ‘jissodisfa x-​xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.’—Salm 145:16.

11. Kif nipproteġu lilna nfusna jekk nevitaw li ‘nammiraw individwi’?

11 Jekk ma nittrattawx lill-​midlukin bħala li huma iktar importanti minn oħrajn, inkunu wkoll qed nipproteġu lilna nfusna. Kif? Il-​Bibbja tgħidilna li jistaʼ jkun hemm “aħwa foloz” fil-​kongregazzjoni li forsi saħansitra jgħidu li huma midlukin. (Galatin 2:​4, 5; 1 Ġwanni 2:19) Ukoll, xi midlukin forsi ma jibqgħux leali. (Mattew 25:​10-​12; 2 Pietru 2:​20, 21) Imma jekk nevitaw li ‘nammiraw individwi,’ qatt mhu se nsegwu lil bnedmin, anke dawk li huma midlukin jew magħrufin sew jew dawk li ilhom żmien twil jaqdu lil Ġeħova. Imbagħad, jekk isiru żleali jew jitilqu mill-​kongregazzjoni, mhux se nitilfu l-​fidi tagħna f’Ġeħova jew nieqfu milli naqduh.—Ġuda 16.

HEMM GĦALFEJN NINKWETAW DWAR IN-​NUMRU TAʼ MIDLUKIN?

12, 13. Għala m’għandniex għalfejn ninkwetaw dwar in-​numru taʼ nies li jieħdu mill-​ħobż u l-​inbid fit-​Tifkira?

12 Għal bosta snin, in-​numru taʼ wħud li ħadu mill-​ħobż u l-​inbid fit-​Tifkira baqaʼ jonqos. Imma dan l-​aħħar, in-​numru baqaʼ jiżdied kull sena. Għandna għalfejn ninkwetaw dwar dan? Le. Ħa naraw għala.

13 “Ġeħova jafhom lil dawk li huma tiegħu.” (2 Timotju 2:19) Kuntrarju għal Ġeħova, l-​aħwa li jgħoddu l-​ammont taʼ nies li jieħdu mill-​ħobż u l-​inbid waqt it-​Tifkira ma jafux min verament hu midluk. Għalhekk, in-​numru jinkludi lil dawk li jaħsbu li huma midlukin imma li fir-​realtà mhumiex. Pereżempju, xi wħud li qabel kienu jieħdu mill-​ħobż u l-​inbid iktar tard waqfu. Oħrajn forsi għandhom problemi mentali jew emozzjonali u jemmnu li se jsaltnu maʼ Kristu fis-​sema. Jidher ċar li ma nafux eżattament kemm għad hawn midlukin fuq l-​art.

14. Il-​Bibbja x’tgħidilna dwar in-​numru taʼ midlukin li se jkun hawn fuq l-​art meta tfaqqaʼ t-​tribulazzjoni l-​kbira?

14 Se jkun hemm midlukin f’ħafna partijiet tal-​art meta Ġesù jiġi biex jiħodhom fis-​sema. Il-​Bibbja tgħid li Ġesù se “jibgħat lill-​anġli tiegħu b’ħoss kbir taʼ trumbetta, u jiġbru flimkien il-​magħżulin tiegħu mill-​erbat irjieħ, minn tarf sa tarf tas-​smewwiet.” (Mattew 24:31) Il-​Bibbja turina wkoll li matul l-​aħħar jiem, se jkun għad hawn numru żgħir taʼ midlukin fuq l-​art. (Rivelazzjoni 12:17) Imma ma tgħidilniex kemm se jkun hawn meta tfaqqaʼ t-​tribulazzjoni l-​kbira.

15, 16. X’għandna bżonn nifhmu dwar il-​144,000 magħżulin minn Ġeħova?

15 Ġeħova jiddeċiedi meta se jagħżel lill-​midlukin. (Rumani 8:​28-​30) Ġeħova beda jagħżel lill-​midlukin wara li Ġesù ġie rxoxtat. Jidher li fl-​ewwel seklu, il-​Kristjani veri kollha kienu midlukin. Għal mijiet taʼ snin wara dan, il-​biċċa l-​kbira minn dawk li qalu li kienu Kristjani ma kinux verament isegwu lil Kristu. Minkejja dan, matul dawk is-​snin, Ġeħova dilek lil ftit uħud li kienu Kristjani veri. Kienu bħall-​qamħ li Ġesù qal li kien se jikber qalb is-​sikrana. (Mattew 13:​24-​30) Matul l-​aħħar jiem, Ġeħova kompla jagħżel lil nies biex ikunu parti mill-​144,000. [2] (Ara n-​nota fl-​aħħar.) Għalhekk, jekk Alla jiddeċiedi li jagħżel ftit minn dawn eżatt qabel it-​tmiem, żgur li lanqas l-​iċken dubju ma jkollna li jkun qed jagħmel il-​ħaġa t-​tajba. (Isaija 45:9; Danjel 4:35; aqra Rumani 9:11, 16.) [3] (Ara n-​nota fl-​aħħar.) Irridu noqogħdu attenti li ma nirreaġixxux bħall-​ħaddiema li gergru dwar il-​mod kif sidhom ittratta maʼ dawk li bdew jaħdmu fl-​aħħar siegħa.—Aqra Mattew 20:8-15.

16 Mhux kull min għandu t-​tama li jgħix fis-​sema hu parti mill-​“ilsir leali u għaqli.(Mattew 24:​45-​47) L-​istess bħal fl-​ewwel seklu, Ġeħova u Ġesù llum qed jużaw ftit nies biex jitimgħu, jew jgħallmu, lil ħafna. Fl-​ewwel seklu, ftit Kristjani midlukin biss intużaw biex jiktbu l-​Iskrittura Griega Kristjana. U llum, ftit biss mill-​Kristjani midlukin għandhom ir-​responsabbiltà li jagħtu lin-​nies t’Alla “l-​ikel fiż-​żmien xieraq.”

17. X’tgħallimt minn dan l-​artiklu?

17 X’tgħallimna minn dan l-​artiklu? Tgħallimna li Ġeħova ddeċieda li jagħti l-​ħajja taʼ dejjem fuq l-​art lill-​maġġuranza tan-​nies tiegħu u li jagħti l-​ħajja fis-​sema lil dawk li se jsaltnu maʼ Ġesù. Ġeħova jippremja lill-​qaddejja kollha tiegħu, kemm il-​“Lhudi” u kemm l-​“għaxart irġiel,” u jistenna li lkoll jobdu l-​istess liġijiet u jibqgħu leali. Kollha għandhom jibqgħu umli. Kollha għandhom jaqduh flimkien u jkunu uniti. U kollha għandhom jistinkaw biex iżommu l-​paċi fil-​kongregazzjoni. Hekk kif noqorbu iktar lejn it-​tmiem, ejja lkoll kemm aħna nibqgħu naqdu lil Ġeħova u nsegwu lil Kristu bħala merħla waħda.

^ [1] (paragrafu 3) Skont Salm 87:​5, 6, fil-​futur, jistaʼ jkun li Alla jirrivela l-​ismijiet taʼ dawk kollha li qed isaltnu maʼ Ġesù fis-​sema.—Rumani 8:19.

^ [2] (paragrafu 15) Għalkemm Atti 2:​33 juri li Ġesù hu involut meta xi ħadd jiġi midluk, huwa Ġeħova li jistieden lil dak li jkun.

^ [3] (paragrafu 15) Għal iktar informazzjoni, ara “Mistoqsijiet mill-​qarrejja” fit-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Mejju 2007, paġni 30-​31.