Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 5

Kwalitajiet li jimmotivawna nattendu l-laqgħat

Kwalitajiet li jimmotivawna nattendu l-laqgħat

‘Ibqgħu xandru l-​mewt tal-​Mulej, sakemm jasal.’—1 KOR. 11:26.

GĦANJA 18 Grati għall-​fidwa

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. (a) X’jara Ġeħova meta miljuni jattendu għall-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.) (b) X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

IMMAĠINA x’jara Ġeħova hekk kif miljuni madwar id-​dinja jinġabru flimkien biex jattendu l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej. Hu ma jarax biss kemm nies jattendu; imma jinnota lil kull individwu li hu preżenti. Pereżempju, hu jinnota lil dawk li sena wara sena jattendu lealment. Fosthom jistaʼ jkun hemm uħud li minkejja l-​persekuzzjoni iebsa li jiffaċċjaw xorta jattendu. Oħrajn ma jmorrux b’mod regolari għal-​laqgħat, imma peress li jqisu t-​Tifkira bħala xi ħaġa importanti, imorru. Ġeħova jinnota wkoll lil dawk li jmorru għat-​Tifkira għall-​ewwel darba, forsi minħabba li huma kurjużi.

2 Aħna ċerti li Ġeħova jieħu ħafna pjaċir jara lil ħafna jattendu t-​Tifkira. (Lq. 22:19) Però, l-​iktar ħaġa importanti għal Ġeħova mhijiex kemm nies jattendu imma hu jimpurtah l-​iktar dwar ir-​raġuni għala jattendu. F’dan l-​artiklu, se niddiskutu mistoqsija importanti ħafna: Aħna għala ma nattendux biss it-​Tifkira taʼ kull sena imma wkoll il-​laqgħat kollha li Ġeħova jipprovdi għal dawk li jħobbuh?

Miljuni taʼ nies madwar id-​dinja qed jingħataw merħba mill-​qalb meta jattendu l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej (Ara paragrafu 1-2)

L-​UMILTÀ TQANQALNA NATTENDU

3-4. (a) Għala nattendu l-​laqgħat? (b) L-​attendenza tagħna għal-​laqgħat x’turi dwarna? (ċ) Fi qbil maʼ dak li jgħid l-​1 Korintin 11:23-26, għala m’għandniex nitilfu t-​Tifkira?

3 L-​iktar raġuni importanti għala aħna nattendu l-​laqgħat hi għax dawn huma parti mill-​qima tagħna. Ukoll, għax fihom niġu mgħallmin minn Ġeħova. Nies kburin ma togħġobhomx l-​idea li għandhom bżonn jiġu mgħallmin. (3 Ġw. 9) Imma aħna differenti, aħna ħerqanin li niġu mgħallmin minn Ġeħova u l-​organizzazzjoni li hu juża.—Is. 30:20; Ġw. 6:45.

4 L-​attendenza tagħna għal-​laqgħat turi li aħna umli, jiġifieri lesti u ħerqanin li niġu mgħallmin. Fil-​lejla tat-​Tifkira tal-​mewt taʼ Ġesù, aħna nattendu din il-​laqgħa importanti mhux biss għax inħossu li hu l-​obbligu li nagħmlu dan imma wkoll għax b’umiltà nobdu l-​kmand taʼ Ġesù: “Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” (Aqra l-​1 Korintin 11:23-26.) Din il-​laqgħa ssaħħilna t-​tama tagħna għall-​futur u tfakkarna fl-​imħabba kbira li Ġeħova għandu għalina. Però, Ġeħova jaf li għandna bżonn niġu inkuraġġiti u msaħħin iktar minn darba fis-​sena. Għalhekk, hu pprovdielna l-​laqgħat taʼ kull ġimgħa u jħeġġiġna biex nattendu. L-​umiltà timmotivana nobdu. Aħna nqattgħu ammont taʼ sigħat kull ġimgħa biex nippreparaw u nattendu għal dawn il-​laqgħat.

5. Nies umli għala jaċċettaw l-​istedina taʼ Ġeħova?

5 Kull sena, ħafna li huma umli jaċċettaw l-​istedina taʼ Ġeħova biex jiġu mgħallmin minnu. (Is. 50:4) Ħafna drabi, l-​ewwel jattendu għat-​Tifkira, u mbagħad jibdew jattendu l-​laqgħat l-​oħra. (Żak. 8:20-23) Flimkien, nieħdu pjaċir niġu mgħallmin u ggwidati minn Ġeħova, ‘l-​għajnuna tagħna u Dak li jħarrabna.’ (Salm 40:17) X’jistaʼ jġibilna iktar ferħ jew ikun iktar importanti milli naċċettaw l-​istedina li nkunu mgħallmin minn Ġeħova u minn Ġesù, l-​Iben li hu tant iħobb?—Mt. 17:5; 18:20; 28:20.

6. L-​umiltà kif għenet lil raġel jattendi għat-​Tifkira?

6 Kull sena, aħna nagħmlu sforz biex nistiednu lil kemm jistaʼ jkun nies għat-​Tifkira tal-​mewt taʼ Ġesù. Ħafna nies umli bbenefikaw meta aċċettaw l-​istedina tagħna. Ejja nikkunsidraw din l-​esperjenza: Ftit tas-​snin ilu, ħu ta invit lil raġel biex jistiednu għat-​Tifkira, imma dan qal lill-​ħu li ma setax imur. Però, fil-​lejla tat-​Tifkira, il-​ħu ma riedx jemmen xħin ra lil dak ir-​raġel dieħel fis-​Sala tas-​Saltna. Ir-​raġel tant kien impressjonat bil-​merħba li ngħata li beda jmur għal-​laqgħat kull ġimgħa. Fil-​fatt, f’sena sħiħa kulma tilef kienu tliet laqgħat biss. X’għenu jiddeċiedi li jattendihom kollha? Hu kien umli biżżejjed biex ibiddel il-​mod kif jaħsibha. Il-​ħu li stiednu iktar tard qal, “Hu raġel umli ħafna.” Żgur li kien Ġeħova li ġibdu biex jaqdih, u issa hu mgħammed.—2 Sam. 22:28; Ġw. 6:44.

7. Kif jistaʼ dak li nitgħallmu mil-​laqgħat u li naqraw mill-​Bibbja jgħinna nkunu umli?

7 Dak li nitgħallmu fil-​laqgħat u li naqraw mill-​Bibbja jistaʼ jgħinna nkunu umli. Fil-​ġimgħat taʼ qabel it-​Tifkira, il-​laqgħat spiss jiffokaw fuq l-​eżempju taʼ Ġesù u l-​umiltà li wera meta ta ħajtu bħala fidwa. U fil-​ġranet taʼ qabel it-​Tifkira, ikun tajjeb li naqraw ir-​rakkonti tal-​Bibbja li għandhom x’jaqsmu mal-​ġrajjiet tal-​mewt u l-​irxoxt taʼ Ġesù. Dak li nitgħallmu minn dawn il-​laqgħat u li naqraw f’dawn ir-​rakkonti tal-​Bibbja jżidilna l-​apprezzament tagħna għas-​sagrifiċċju li Ġesù għamel għalina. Aħna niġu mħeġġin nimitaw l-​attitudni t’umiltà tiegħu u nagħmlu r-​rieda taʼ Ġeħova, anki meta jkun diffiċli għalina.—Lq. 22:41, 42.

IL-​KURAĠĠ JGĦINNA NATTENDU

8. Ġesù kif wera kuraġġ?

8 Aħna għandna wkoll nipprovaw nuru l-​kuraġġ li wera Ġesù. Aħseb fil-​kuraġġ li Ġesù wera fl-​aħħar ġranet qabel mewtu. Hu kien jaf li l-​għedewwa tiegħu daqt kienu se jiżżuffjettaw bih, isawtuh, u jsammruh maʼ zokk. (Mt. 20:17-19) Minkejja dan, hu kien lest li jiffaċċja l-​mewt. Meta wasal il-​waqt, hu qal lill-​appostli leali tiegħu, li kienu miegħu fil-​Ġetsemani: “Qumu, ejja mmorru. Ara! It-​traditur tiegħi qorob.” (Mt. 26:36, 46) U meta folla nies armati ġew biex jarrestawh, hu resaq ’il quddiem, qalilhom li hu kien dak li kienu qed ifittxu, u ordna lis-​suldati biex iħallu lill-​appostli tiegħu jmorru. (Ġw. 18:3-8) X’kuraġġ tal-​għaġeb wera Ġesù! Illum, il-​Kristjani midlukin u dawk min-​nagħaġ oħra jagħmlu l-​aħjar li jistgħu biex jimitaw il-​kuraġġ li wera Ġesù. Kif?

Il-kuraġġ tiegħek meta tattendi l-laqgħat Kristjani jsaħħaħ lil oħrajn (Ara paragrafi 9) *

9. (a) Għala forsi jkollna bżonn il-​kuraġġ biex nattendu l-​laqgħat regolarment? (b) L-​eżempju tagħna kif jistaʼ jeffettwa lill-​aħwa li qegħdin fil-​ħabs minħabba l-​fidi tagħhom?

9 Biex nattendu l-​laqgħat regolarment forsi jkollna bżonn nuru l-​kuraġġ meta niffaċċjaw ċirkustanzi diffiċli. Xi wħud minn ħutna jattendu l-​laqgħat minkejja li huma mnikktin, skuraġġiti, jew għandhom problemi taʼ saħħa. Oħrajn b’kuraġġ jattendu l-​laqgħat minkejja oppożizzjoni kbira minn membri tal-​familja u awtoritajiet tal-​gvern. Għal mument, aħseb dwar x’effett għandu l-​eżempju tagħna fuq l-​aħwa li jinsabu l-​ħabs minħabba l-​fidi tagħhom. (Ebr. 13:3) Meta jisimgħu li qed inkomplu naqdu lil Ġeħova minkejja l-​provi tagħna, huma jiġu inkuraġġiti jibqaʼ jkollhom il-​fidi, il-​kuraġġ, u jżommu l-​lealtà tagħhom. L-​appostlu Pawlu kellu esperjenza simili. Meta kien il-​ħabs f’Ruma, hu feraħ kull meta semaʼ li ħutu kienu qed jaqdu lil Alla lealment. (Flp. 1:3-​5, 12-​14) Ftit qabel jew eżatt wara li nħeles, Pawlu kiteb l-​ittra tiegħu lill-​Ebrej. F’din l-​ittra hu ħeġġeġ lil dawk il-​Kristjani leali biex ‘ikomplu juru mħabbithom lejn l-​aħwa’ u biex qatt ma jabbandunaw il-​laqgħat.—Ebr. 10:24, 25; 13:1.

10-11. (a) Lil min għandna nistiednu għat-​Tifkira? (b) Liema raġuni jagħtina Efesin 1:7 biex nagħmlu dan?

10 Aħna nuru kuraġġ meta nistiednu lill-​qraba, lill-​kollegi tax-​xogħol, u lill-​ġirien għat-​Tifkira. Għala nistidnuhom? Għax tant napprezzaw dak li għamlu Ġeħova u Ġesù għalina li ma nistgħux ma nistidnuhomx. Aħna rriduhom jitgħallmu kif huma wkoll jistgħu jibbenefikaw mill-​“qalb tajba mhix mistħoqqa” taʼ Ġeħova meta pprovda l-​fidwa.—Aqra Efesin 1:7; Riv. 22:17.

11 Meta niltaqgħu flimkien għal-​laqgħat aħna nuru l-​kuraġġ, però nuru wkoll kwalità oħra prezzjuża li Alla u Ibnu juru b’mod tal-​għaġeb.

L-​IMĦABBA TIMMOTIVANA NATTENDU

12. (a) Il-​laqgħat tagħna kif isaħħulna l-​imħabba tagħna għal Ġeħova u Ġesù? (b) X’jinkuraġġina nagħmlu t-​2 Korintin 5:14, 15 biex nimitaw lil Ġesù?

12 L-​imħabba tagħna għal Ġeħova u Ġesù ġġegħelna, jew timmotivana, nattendu l-​laqgħat. Imbagħad, dak li nitgħallmu fil-​laqgħat isaħħilna l-​imħabba tagħna għal Ġeħova u Ibnu. Fil-​laqgħat niġu mfakkrin regolarment dwar dak li għamlu għalina. (Rum. 5:8) It-​Tifkira tfakkarna l-​iktar dwar kemm hi kbira l-​imħabba tagħhom għalina, anki għal dawk li għadhom ma jifhmux l-​importanza tal-​fidwa. Mimlijin apprezzament, aħna nipprovaw nimitaw lil Ġesù bil-​mod kif ngħixu ħajjitna kuljum. (Aqra t-​2 Korintin 5:14, 15.) Flimkien maʼ dan, qalbna timmotivana nfaħħru lil Ġeħova talli pprovdielna l-​fidwa. Mod wieħed kif nistgħu nfaħħruh hu bil-​kummenti mill-​qalb tagħna waqt il-​laqgħat.

13. Kif nistgħu nuru kemm hi kbira l-​imħabba tagħna għal Ġeħova u Ibnu? Spjega.

13 Aħna nistgħu nuru kemm hi kbira l-​imħabba tagħna għal Ġeħova u Ibnu billi nkunu lesti li nċedu kwalunkwe ħaġa għalihom. Spiss nagħmlu dan b’diversi modi biex nattendu l-​laqgħat. Ħafna kongregazzjonijiet għandhom laqgħa fost il-​ġimgħa meta ħafna minna jkunu għajjenin wara ġurnata xogħol. U laqgħa oħra fi tmiem il-​ġimgħa meta oħrajn ikunu qed jistrieħu. Jinnota Ġeħova meta aħna mmorru għal-​laqgħat allavolja nkunu għajjenin? Dażgur li jinnota! Fil-​fatt, Hu jinnota u japprezza l-​iċken sforz li kull wieħed u waħda minna jagħmel biex jattendi l-​laqgħat.—Mk. 12:41-44.

14. Ġesù kif ħallielna l-​aqwa eżempju taʼ mħabba mingħajr egoiżmu?

14 Ġesù ħalla mudell għalina f’dik li hi mħabba mingħajr egoiżmu. Hu mhux biss kien lest li jmut għad-​dixxipli tiegħu imma wkoll għex kull ġurnata taʼ ħajtu b’mod li poġġa l-​interessi t’oħrajn qabel tiegħu stess. Pereżempju, fil-​lejl taʼ qabel mewtu hu sab ħin biex jitkellem mas-​segwaċi tiegħu u għallimhom lezzjonijiet importanti minkejja li kien għajjien fiżikament jew inkwetat emozzjonalment. (Lq. 22:39-46) U hu ffoka fuq dak li setaʼ jagħti lil oħrajn mhux fuq dak li setaʼ jieħu minnhom. (Mt. 20:28) Meta l-​imħabba tagħna għal Ġeħova u għall-​aħwa tkun daqshekk b’saħħitha, aħna se nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nattendu l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej u l-​laqgħat l-​oħra kollha tal-​kongregazzjoni.

15. Lil min b’mod partikolari għandna xewqa li ngħinu?

15 Aħna nagħmlu parti mill-​unika fratellanza Kristjana vera, u nieħdu pjaċir inqattgħu kemm jistaʼ jkun ħin nistiednu lil oħrajn jingħaqdu magħna. Però, aħna għandna nkunu interessati f’li ngħinu l-​iktar lil dawk li jiġu “minna fil-​fidi,” imma li saru inattivi. (Gal. 6:10) Aħna nuru li nħobbuhom billi ninkuraġġuhom jiġu l-​laqgħat, speċjalment għat-​Tifkira. Bħal Ġeħova u Ġesù, aħna nkunu kuntenti ħafna meta ħu jew oħt inattiva terġaʼ lura għand Ġeħova, Missierna kollu mħabba u Ragħaj tagħna.—Mt. 18:14.

16. (a) Kif nistgħu ninkuraġġixxu lil xulxin, u l-​laqgħat x’se jgħinuna nagħmlu? (b) Għala issa hu żmien tajjeb tas-​sena biex niftakru fil-​kliem taʼ Ġesù li nsibu fi Ġwanni 3:16?

16 Fil-​ġimgħat li ġejjin, stieden lil kemm tistaʼ nies għat-​Tifkira li se ssir il-​Ġimgħa filgħaxija, 19 taʼ April 2019. (Ara l-​kaxxa “ Se tistidinhom?”) Matul is-​sena li ġejja, jalla ninkuraġġixxu lil xulxin billi nattendu l-​laqgħat kollha regolarment li Ġeħova jipprovdilna. Hekk kif it-​tmiem joqrob, se jkollna bżonn il-​laqgħat għax dawn jgħinuna nibqgħu umli, kuraġġużi, u nuru mħabba. (1 Tess. 5:8-11) B’qalbna kollha ejja nuru kif inħossuna dwar l-​imħabba li Ġeħova u Ibnu għandhom għalina!—Aqra Ġwanni 3:16.

GĦANJA 126 Imqajmin, sodi, u setgħanin ibqgħu

^ par. 5 It-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu li se ssir il-​Ġimgħa filgħaxija, 19 taʼ April 2019, se tkun l-​iktar laqgħa importanti tas-​sena. X’jimmotivana nattendu għal din il-​laqgħa? Żgur li għax irridu nogħġbu lil Ġeħova. F’dan l-​artiklu, se nikkunsidraw x’turi dwarna l-​attendenza tagħna għat-​Tifkira u għal-​laqgħat.

^ par. 52 X’JGĦIDULNA L-​ISTAMPI: Ħu li qiegħed il-​ħabs minħabba l-​fidi tiegħu qed jiġi inkuraġġit b’ittra mingħand il-​familja. B’hekk, hu jaf li mhux minsi u jinsab kuntent bl-​aħbar li anke l-​familja tiegħu qed jibqgħu leali lejn Ġeħova minkejja li fil-​pajjiż hemm problemi politiċi.