ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 4
Ikla sempliċi tgħallimna ħafna dwar Sultan tas-sema
“Dan . . . jirrappreżenta ġismi. . . . Dan jirrappreżenta d-‘demm tiegħi tal-patt.’”—MT. 26:26-28.
GĦANJA 16 Faħħru lil Jah għal Ibnu l-Midluk
ĦARSA BIL-QUDDIEM *
1-2. (a) Għala nistgħu nistennew li Ġesù kien se jurina mod sempliċi kif nikkommemoraw mewtu? (b) Liema kwalitajiet taʼ Ġesù se nikkunsidraw?
TISTAʼ tiddeskrivi x’jiġri fit-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu, li ssir kull sena? Bla dubju, il-biċċa l-kbira minna jistgħu jiftakru x’jiġri waqt l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej. Għala? Għax l-ikla mhix ikkumplikata. Madankollu, din hi ġrajja importanti. Allura forsi nistaqsu, ‘L-arranġament għala hu daqshekk sempliċi?’
2 Matul il-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù kien magħruf għal li jgħallem veritajiet importanti b’mod sempliċi, ċar, u faċli li jinftiehem. (Mt. 7:28, 29) L-istess nistgħu ngħidu għal meta wriena mod sempliċi imma siewi kif nikkommemoraw * mewtu. Ejja nikkunsidraw bir-reqqa din l-ikla tat-Tifkira u xi affarijiet li Ġesù qal u għamel. Aħna se nifhmu saħansitra iktar kemm Ġesù hu umli, kuraġġuż, u kemm iħobbna. U se nitgħallmu kif nistgħu nimitawh aħjar.
ĠESÙ HU UMLI
3. Bħalma hu mniżżel f’Mattew 26:26-28, kemm kienet sempliċi l-ikla tat-Tifkira li Ġesù stabbilixxa, u xi rrappreżentaw iż-żewġ affarijiet sempliċi li uża?
3 Ġesù stabbilixxa t-Tifkira taʼ mewtu meta kien mal-ħdax-il appostlu leali tiegħu. Hu ħa dak li kien għad fadal mill-ikla tal-Qbiż u għamel din il-kommemorazzjoni sempliċi. (Aqra Mattew 26:26-28.) Hu uża biss il-ħobż bla ħmira u l-inbid li kien hemm diġà. Ġesù qal lill-appostli tiegħu li dawn iż-żewġ affarijiet sempliċi rrappreżentaw il-ġisem u d-demm perfett tiegħu, li daqt kien se jissagrifika għalihom. L-appostli għandu mnejn ma kinux sorpriżi b’kemm kienet sempliċi din l-ikla importanti ġdida. Għala?
4. Il-parir li Ġesù ta lil Marta xhur qabel l-ikla tat-Tifkira kif jgħinna nifhmu għala għamel din l-ikla sempliċi?
4 Ikkunsidra x’ġara xhur qabel, matul it-tielet sena tal-ministeru taʼ Ġesù, meta hu mar id-dar tal-ħbieb tal-qalb tiegħu—Lazzru, Marta, u Marija. F’dak l-ambjent rilassat, Ġesù beda jgħallem. Marta hemm kienet, imma kienet aljenata tipprepara ikla kbira għal dan il-mistieden importanti tagħha. Meta ra dan, Ġesù b’qalb tajba kkoreġa lil Marta, billi għenha tara li ma kienx hemm għalfejn dejjem tagħmel ikla elaborata. (Lq. 10:40-42) Iktar tard, ftit sigħat biss qabel il-mewt tiegħu bħala sagrifiċċju, Ġesù applika l-parir tiegħu stess. Hu għamel l-ikla tat-Tifkira sempliċi. Dan x’jgħidilna dwar Ġesù?
5. Il-fatt li l-ikla hi sempliċi x’juri dwar Ġesù, u dan kif inhu fi qbil maʼ Filippin 2:5-8?
5 Ġesù kien umli f’kull ħaġa li qal u għamel. Allura mhux taʼ sorpriża li wera umiltà kbira fl-aħħar lejl taʼ ħajtu fuq l-art. (Mt. 11:29) Hu kien jaf li dalwaqt kien se joffri l-ikbar sagrifiċċju fl-istorja tal-umanità u li Ġeħova kien se jirxoxtah bħala sultan fis-sema. Għalkemm kien jaf dan, hu ma ġibidx lejh attenzjoni żejda billi jitlob li ssir ċerimonja kkomplikata biex jiftakru mewtu. Minflok, hu qal lid-dixxipli tiegħu li darba f’sena kellhom jiftakruh permezz taʼ din l-ikla sempliċi. (Ġw. 13:15; 1 Kor. 11:23-25) Din l-ikla sempliċi imma xierqa turi li Ġesù ma kienx kburi. Aħna nistgħu nkunu ferħanin li l-umiltà hi waħda mill-kwalitajiet li jispikkaw tas-Sultan tagħna tas-sema.—Aqra Filippin 2:5-8.
6. Aħna kif nistgħu nimitaw l-umiltà taʼ Ġesù meta niffaċċjaw il-provi?
6 Aħna kif nistgħu nimitaw l-umiltà taʼ Ġesù? Billi npoġġu l-interessi t’oħrajn qabel tagħna. (Flp. 2:3, 4) Aħseb naqra lura fl-aħħar lejl tal-ħajja taʼ Ġesù fuq l-art. Ġesù kien jaf li dalwaqt kien se jgħaddi minn mewta taʼ wġigħ; madankollu, hu kien ikkonċernat ħafna dwar l-appostli leali tiegħu, li dalwaqt kienu se jitnikktu minħabba fih. Allura, qattaʼ l-aħħar lejl jgħallimhom, jinkuraġġihom, u jassigurahom. (Ġw. 14:25-31) B’umiltà, Ġesù wera li kien iktar ikkonċernat dwar il-bżonnijiet t’oħrajn milli tiegħu. X’eżempju eċċellenti ħallielna!
ĠESÙ HU KURAĠĠUŻ
7. Ġesù kif wera kuraġġ kbir eżatt wara li stabbilixxa l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej?
7 Eżatt wara li stabbilixxa l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej, Ġesù wera kuraġġ kbir. Kif? Ġesù aċċetta r-rieda taʼ Missieru għalih, avolja kien jaf li dan kien se jfisser li jkun maqtul bħala midgħi, att kriminali taʼ mistħija. (Mt. 26:65, 66; Lq. 22:41, 42) Ġesù żamm integrità perfetta sabiex jonora isem Ġeħova, jappoġġja s-Sovranità t’Alla, u jagħmilha possibbli għal dawk niedma biex jgħixu għal dejjem. Fl-istess ħin, Ġesù pprepara lis-segwaċi tiegħu għal dak li kienu se jiffaċċjaw dalwaqt.
8. (a) Ġesù x’qalilhom lill-appostli leali tiegħu? (b) Fis-snin taʼ wara mewtu, id-dixxipli taʼ Ġesù kif kienu għadhom qed jimitaw l-eżempju taʼ kuraġġ tiegħu?
8 Ġesù wera kuraġġ ukoll billi ma ħasibx dwar l-ansjetajiet li setaʼ kellu u billi ffoka fuq il-bżonnijiet tal-appostli leali tiegħu. L-ikla sempliċi, li hu stabbilixxa wara li keċċa lil Ġuda, kienet se tfakkar lil dawk li kienu se jsiru s-segwaċi midlukin tiegħu fil-benefiċċji tad-demm imxerred taʼ Ġesù u li kienu se jkunu parti mill-patt il-ġdid. (1 Kor. 10:16, 17) Biex jgħinhom jibqgħu leali u jkunu miegħu fis-sema, Ġesù qalilhom dak li hu u Missieru riduhom jagħmlu. (Ġw. 15:12-15) Ġesù qalilhom ukoll dwar il-provi li kienu se jiffaċċjaw. Imbagħad, billi inkuraġġiehom jimitaw l-eżempju tiegħu, ħeġġiġhom: “Agħmlu kuraġġ!” (Ġw. 16:1-4a, 33) Ħafna snin wara, id-dixxipli taʼ Ġesù kienu għadhom qed jagħmlu sagrifiċċji persunali bħalu u juru kuraġġ. Huma appoġġjaw lil xulxin fil-provi tagħhom, avolja dan kien ifisser li kellhom ibatu.—Ebr. 10:33, 34.
9. Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù f’li nuru kuraġġ?
9 Bl-istess mod illum, aħna nimitaw l-eżempju taʼ Ġesù f’li nuru kuraġġ. Pereżempju, irridu l-kuraġġ biex ngħinu lil ħutna li huma ppersegwitati minħabba l-fidi tagħhom. Xi drabi, ħutna jistgħu jintbagħtu l-ħabs inġustament. Meta dan jiġri, aħna rridu nagħmlu kulma nistgħu għalihom, inkluż li niddefenduhom. (Flp. 1:14; Ebr. 13:19) Mod ieħor kif nuru kuraġġ hu billi nkomplu nippritkaw “bil-qlubija.” (Atti 14:3) Bħal Ġesù, aħna determinati li nippritkaw il-messaġġ tas-Saltna, avolja n-nies jistgħu jopponuna u jippersegwitawna. Iżda xi drabi, nistgħu nindunaw li aħna neqsin mill-kuraġġ. X’nistgħu nagħmlu?
10. Fil-ġimgħat taʼ qabel it-Tifkira x’għandna nagħmlu, u għala?
10 Aħna nistgħu nsaħħu l-kuraġġ tagħna billi naħsbu fit-tama li jagħmlilna possibbli s-sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa. (Ġw. 3:16; Efes. 1:7) Fil-ġimgħat taʼ qabel it-Tifkira, aħna għandna opportunità speċjali biex insiru iktar grati għall-fidwa. Matul daż-żmien, agħmel il-qari tal-Bibbja tat-Tifkira u b’rispett kbir aħseb dwar il-ġrajjiet li seħħew qabel u wara l-mewt taʼ Ġesù. Imbagħad, meta niltaqgħu għall-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej, se nifhmu iktar bis-sħiħ it-tifsira tal-emblemi tat-Tifkira u s-sagrifiċċju uniku li dawn jirrappreżentaw. Meta nifhmu dak li Ġesù u Ġeħova għamlu għalina u kif dan hu taʼ benefiċċju għalina u għall-maħbubin tagħna, it-tama tagħna għall-futur tissaħħaħ iktar, u nkunu mmotivati nissaportu b’kuraġġ sat-tmiem.—Ebr. 12:3.
11-12. X’tgħallimna s’issa?
11 S’issa tgħallimna li l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej tfakkarna mhux biss dwar il-fidwa prezzjuża imma wkoll dwar il-kwalitajiet li jispikkaw t’umiltà u kuraġġ taʼ Ġesù. Kemm għandna napprezzaw li Ġesù jkompli juri dawn il-kwalitajiet bħala l-Qassis il-Kbir tagħna fis-sema, li jitlob bil-ħniena għalina sabiex inkunu nistgħu nsalvaw! (Ebr. 7:24, 25) Biex nuru kemm napprezzaw, għandna lealment nikkommemoraw il-mewt taʼ Ġesù, eżatt bħalma kkmandana hu. (Lq. 22:19, 20) Aħna nagħmlu dan fil-ġurnata li taqbel mal-14 taʼ Nisan, l-iktar data importanti tas-sena.
12 Il-fatt li l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej hi sempliċi jgħallimna dwar kwalità oħra li mmotivat lil Ġesù jmut għalina. Bħala bniedem fuq l-art, hu kien magħruf għal din il-kwalità. X’kienet?
ĠESÙ JĦOBBNA
13. Ġwanni 15:9 u l-1 Ġwanni 4:8-10 kif jiddeskrivu l-imħabba li wrew Ġeħova u Ġesù, u min jibbenefika mill-imħabba tagħhom?
13 F’kulma għamel, Ġesù rrifletta perfettament l-imħabba kbira li Ġeħova għandu għalina. (Aqra Ġwanni 15:9; 1 Ġwanni 4:8-10.) L-iktar importanti, Ġesù kien immotivat mill-qalb biex jagħti ħajtu għalina. Kemm jekk aħna mill-midlukin jew min-“nagħaġ oħrajn,” aħna nibbenefikaw mill-imħabba li Ġeħova u Ibnu wrew magħna permezz taʼ dan is-sagrifiċċju. (Ġw. 10:16; 1 Ġw. 2:2) Aħseb ukoll dwar dak li ntuża fl-ikla tat-Tifkira; dan juri kemm Ġesù kien iħobb lid-dixxipli tiegħu u jaħseb fihom. Kif?
14. Ġesù b’liema mod wera mħabba għad-dixxipli tiegħu?
14 Ġesù wera mħabba għas-segwaċi midlukin tiegħu billi stabbilixxa ikla sempliċi x’josservaw, u mhux waħda kkomplikata. Hekk kif għadda ż-żmien, dawk id-dixxipli midlukin kellhom bżonn josservaw it-Tifkira kull sena, u dan għamluh f’ċirkustanzi differenti, inkluż fil-ħabs. (Riv. 2:10) Irnexxielhom jobduh lil Ġesù? Iva, irnexxielhom!
15-16. Xi wħud kif setgħu josservaw l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej f’ċirkustanzi diffiċli?
15 Mill-ewwel seklu sal-lum, il-Kristjani veri għamlu sforz biex jikkommemoraw il-mewt taʼ Ġesù. Huma segwew il-proċedura għall-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej bl-aħjar mod li setgħu, kultant f’kundizzjonijiet diffiċli. Innota l-eżempji li ġejjin. Meta Ħuna Harold King kien f’ċella waħdu f’ħabs fiċ-Ċina, kellu joħroġ b’idea biex jikkommemora t-Tifkira. Hu pprepara l-emblemi tat-Tifkira bil-moħbi, billi uża l-affarijiet li kellu. Ukoll, qagħad attent kemm setaʼ biex jikkalkula d-data għat-Tifkira. Meta waslet il-ġurnata hu kanta, talab, u ta taħdita Skritturali waħdu bejn l-erbaʼ ħitan taċ-ċella.
16 Eżempju ieħor hu taʼ grupp t’aħwa nisa li kienu priġunieri f’kamp tal-konċentrament matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Huma ssograw ħajjithom biex jikkommemoraw l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej. Madankollu, peress li l-affarijiet li ntużaw f’din l-okkażjoni kienu daqshekk sempliċi, dawn ħutna setgħu josservaw it-Tifkira mingħajr ma jinqabdu. Huma qalu: “Aħna qgħadna bil-wieqfa
maġenb xulxin f’forma taʼ ċirku, f’nofsna kien hemm banketta mgħottija b’biċċa drapp bajda u fuqha kien hemm l-inbid u l-ħobż. Peress li d-dawl tal-bozoz setaʼ jikxef x’qed nagħmlu, użajna xemgħa. . . . Aħna rġajna wegħedna mill-ġdid lil Missierna li nużaw saħħitna kollha biex inneħħu kull tmaqdir minn fuq ismu l-qaddis.” X’fidi li tispikka wrew! U xi mħabba wera Ġesù meta għamilhielna possibbli li nosservaw it-Tifkira anke meta nkunu f’ċirkustanzi diffiċli!17. X’mistoqsijiet nistgħu nistaqsu lilna nfusna?
17 Hekk kif toqrob it-Tifkira, nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna dawn il-mistoqsijiet: ‘Kif nistaʼ nimitah aħjar lil Ġesù f’li nuri mħabba? Naħseb iktar dwar il-bżonnijiet taʼ ħuti milli tiegħi? Konxju jien tal-limitazzjonijiet tagħhom, jew nistenna iktar minn dak li jistgħu jagħmlu?’ Jalla dejjem nimitaw lil Ġesù u ‘nħossu għal xulxin.’—1 Pt. 3:8.
ŻOMM DAWN IT-TAGĦLIMIET F’MOĦĦOK
18-19. (a) Minn xiex nistgħu nkunu ċerti? (b) X’aħna determinati li nagħmlu?
18 Il-ħtieġa li nosservaw it-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu mhux se ddum ħafna iktar. Meta Ġesù “jasal” matul it-tribulazzjoni l-kbira, hu se jiġbor “il-magħżulin tiegħu” li jkun għad fadal fuq l-art u jtellagħhom fis-sema. B’hekk, it-Tifkira mhux se tibqaʼ tiġi kkommemorata.—1 Kor. 11:26; Mt. 24:31.
19 Anke wara li jiġri dan, aħna nistgħu nibqgħu ċerti li l-poplu taʼ Ġeħova bi mħabba kbira se jiftakar din l-ikla sempliċi bħala simbolu tal-ikbar umiltà, kuraġġ, u mħabba li qatt intwerew minn bniedem. F’dak iż-żmien, uħud li kienu jattendu din l-ikla speċjali bla dubju se jitkellmu dwarha maʼ dawk li jkunu ħajjin dakinhar biex jibbenefikaw. Imma biex nibbenefikaw issa stess minn din l-ikla, għandna nkunu determinati li nimitaw l-umiltà, il-kuraġġ, u l-imħabba taʼ Ġesù. Jekk nagħmlu dan, nistgħu nkunu fiduċjużi li se nirċievu l-premju tagħna mingħand Ġeħova.—2 Pt. 1:10, 11.
GĦANJA 13 Kristu, l-eżempju tagħna
^ par. 5 Aħna dalwaqt se nkunu qed nattendu l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej biex nikkommemoraw il-mewt taʼ Ġesù Kristu. Din l-ikla sempliċi tgħallimna ħafna dwar l-umiltà, il-kuraġġ, u l-imħabba taʼ Ġesù. F’dan l-artiklu se niddiskutu kif nistgħu nimitaw dawn il-kwalitajiet prezzjużi li hu wera.
^ par. 2 ESPRESSJONI SPJEGATA: Li nikkommemoraw ifisser li nagħmlu xi ħaġa speċjali biex niftakru u nonoraw ġrajja jew persuna importanti.
^ par. 56 X’JGĦIDULNA L-ISTAMPI: Eżempji taʼ kif qaddejja leali osservaw it-Tifkira fil-kongregazzjoni tal-ewwel seklu; fl-aħħar tas-seklu 19; f’kamp tal-konċentrament tan-Nazi; u fi żmienna f’Sala tas-Saltna sempliċi f’pajjiż fl-Amerika t’Isfel bi klima sħuna.