Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 5

Aħna se niġu magħkom

Aħna se niġu magħkom

“Aħna se niġu magħkom, għax smajna li Alla magħkom.”—ŻAK. 8:23.

GĦANJA 26 Dan għamiltuh miegħi

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

In-nagħaġ oħrajn (l-“għaxart irġiel”) għandhom il-privileġġ li jaqdu lil Ġeħova flimkien mal-midlukin (il-“Lhudi”) (Ara paragrafi 1-2)

1. Ġeħova x’qal li se jiġri fi żmienna?

ĠEĦOVA qal hekk dwar żmienna: “Għaxart irġiel mill-​ilsna kollha tal-​ġnus se jaqbdu, iva, se jaqbdu tarf il-​libsa taʼ raġel Lhudi, u jgħidu: ‘Aħna se niġu magħkom, għax smajna li Alla magħkom.’” (Żak. 8:23) F’dan il-​vers, il-​“Lhudi” jirrappreżenta lil dawk li Alla dilek bl-​ispirtu qaddis, li jissejħu wkoll “l-​Israel t’Alla.” (Gal. 6:16) L-​“għaxart irġiel” jirrappreżentaw lil dawk li għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art. Huma jafu li Ġeħova bierek lil dan il-​grupp taʼ midlukin u jqisuh privileġġ li jistgħu jaqdu lil Ġeħova flimkien magħhom.

2. Jekk hu impossibbli li nkunu nafu l-​isem taʼ kull midluk, kif nistgħu naqdu lil Ġeħova flimkien magħhom?

2 Il-​Bibbja tgħid li l-​għaxar irġiel se “jaqbdu tarf il-​libsa taʼ raġel Lhudi, u jgħidu: “Aħna se niġu magħkom.” Il-​fatt li tintuża l-​kelma “magħkom” juri li l-​Lhudi jirrappreżenta iktar minn persuna waħda. Infatti dan jirrappreżenta l-​grupp sħiħ tal-​midlukin. Allura, in-​nies li għandhom it-​tama li jgħixu fuq l-​art, m’għandhomx għalfejn ikunu jafu l-​isem taʼ kull midluk fuq l-​art biex ikunu jistgħu “jaqbdu tarf il-​libsa taʼ raġel Lhudi.” Fil-​fatt, bħalissa huwa impossibbli li jkunu jafu l-​isem taʼ kull midluk. * Allura kull Kristjan mhux midluk jaqdi lil Ġeħova mal-​midlukin bħala grupp. Minkejja dan, huma ma jqisux lill-​midlukin bħala l-​mexxejja tagħhom għax jafu li Ġesù biss hu l-​Mexxej tagħhom.—Mt. 23:10.

3. Dan l-​artiklu liema mistoqsijiet se jwieġeb?

3 Peress li għad hawn xi Kristjani midlukin jgħixu fuq l-​art illum, jistgħu jqumu dawn il-​mistoqsijiet: (1) Il-​midlukin kif għandhom iqisu lilhom infushom? (2) Dawk li jieħdu mill-​ħobż u l-​inbid fit-​Tifkira kif għandhom jiġu trattati? (3) Għandna ninkwetaw jekk in-​numru taʼ dawk li jieħdu mill-​emblemi jkompli jiżdied? Dan l-​artiklu se jwieġeb dawn il-​mistoqsijiet.

IL-​MIDLUKIN KIF GĦANDHOM IQISU LILHOM INFUSHOM?

4. Liema twissija hemm għall-​midlukin fl-​1 Korintin 11:27-29, u għala għandhom jiħduha bis-​serjetà?

4 Il-​midlukin għandhom jaħsbu sew dwar it-​twissija li hemm fl-​1 Korintin 11:27-29. (Aqra.) Midluk kif jistaʼ jieħu mill-​emblemi tat-​Tifkira “mingħajr ma jkun jistħoqqlu”? Hu jagħmel hekk jekk jieħu mill-​emblemi waqt li ma jkunx qed iżomm mal-​livelli ġusti taʼ Ġeħova. (Ebr. 6:4-​6; 10:26-​29) Il-​midlukin jirrealizzaw li għandhom jibqgħu leali jekk iridu jirċievu “l-​premju tas-​sejħa t’Alla għal hemm fuq permezz taʼ Kristu Ġesù.”—Flp. 3:13-16.

5. Il-​Kristjani midlukin kif għandhom iqisu lilhom infushom?

5 L-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova jgħin lill-​qaddejja tiegħu jkunu umli u mhux kburin. (Efes. 4:1-​3; Kol. 3:10, 12) Allura, il-​midlukin ma jħossux li huma aħjar minn oħrajn. Huma jafu li Ġeħova mhux bilfors itihom iktar spirtu qaddis minn qaddejja oħra. Huma ma jaħsbux li jifhmu l-​Bibbja aħjar minn ħaddieħor. U huma mhux se jassumu min hu midluk u min għandu jibda jieħu mill-​ħobż u l-​inbid, għax jafu li Ġeħova biss jistaʼ jistieden lil xi ħadd imur is-​sema.

6. Skont l-​1 Korintin 4:7, 8, il-​midlukin kif għandhom jaġixxu?

6 Għalkemm il-​midlukin iħossu li hu unur li jiġu mistidnin biex imorru s-​sema, huma ma jistennewx li oħrajn jittrattawhom b’mod speċjali. (Flp. 2:2, 3) Huma jafu wkoll li meta Ġeħova dilikhom, ma qagħadx javża lil kulħadd dwar dan. Allura, xi ħadd midluk ma jiħodhiex bi kbira jekk xi wħud ma jemmnux mill-​ewwel li hu midluk. Hu jaf li l-​Bibbja tgħidilna biex ma naqbdux u nemmnu mill-​ewwel meta xi ħadd jgħid li Alla tah responsabbiltà speċjali. (Riv. 2:2) Peress li Kristjan midluk ma jkunx irid jiġbed l-​attenzjoni lejh, hu ma joqgħodx jgħid li hu midluk maʼ dawk li jiltaqaʼ magħhom. U bla dubju mhux se joqgħod jiftaħar dwar dan.—Aqra l-​1 Korintin 4:7, 8.

7. Il-​midlukin x’jevitaw li jagħmlu u għala?

7 Il-​Kristjani midlukin ma jħossux li għandhom iqattgħu l-​ħin tagħhom maʼ midlukin oħra biss, bħallikieku huma xi klikka. Huma ma jfittxux midlukin oħra biex joqogħdu jitkellmu magħhom dwar kif ġew midlukin jew biex jistudjaw il-​Bibbja flimkien b’mod privat. (Gal. 1:15-​17) Kieku jagħmlu hekk, il-​kongregazzjoni ma tkunx magħquda għax ikunu qed jaħdmu kontra l-​ispirtu qaddis, li jgħin lin-​nies t’Alla jkollhom l-​unità u l-​paċi.—Rum. 16:17, 18.

KIF GĦANDNA NAĠIXXU MAL-​MIDLUKIN?

Aħna m’għandniex nittrattaw lill-midlukin jew lil dawk li jmexxu bħallikieku huma nies famużi (Ara paragrafu 8) *

8. Għala rridu noqogħdu attenti fil-​mod kif nittrattaw lil dawk li jieħdu mill-​emblemi? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

8 Kif għandna nittrattawhom lill-​aħwa rġiel u nisa midlukin? Ikun ħażin li nammiraw lil xi ħadd iżżejjed, anki jekk ikun ħu midluk taʼ Kristu. (Mt. 23:8-12) Meta l-​Bibbja titkellem dwar l-​anzjani, tinkuraġġina biex ‘nimitaw il-​fidi tagħhom,’ imma ma tgħidx li nistgħu nagħmlu lil xi bniedem il-​mexxej tagħna. (Ebr. 13:7) Veru li l-​Bibbja tgħid li xi wħud jistħoqqilhom “unur doppju.” Dan mhuwiex għax huma midlukin imma għax imexxu “bl-​aħjar mod” u “jaħdmu iebes.” (1 Tim. 5:17) Jekk infaħħru lill-​midlukin iżżejjed u ntuhom wisq attenzjoni, nistgħu nimbarazzawhom. * Jew saħansitra agħar minn hekk, nistgħu nġegħluhom isiru kburin. (Rum. 12:3) Ħadd minna ma jrid jagħmel xi ħaġa li twassal lil xi ħadd mill-​aħwa midlukin taʼ Kristu biex jagħmel żball serju bħal dan!—Luqa 17:2.

9. Kif nistgħu nuru li nirrispettaw il-​Kristjani midlukin?

9 Kif nistgħu nuru li nirrispettaw lil dawk li ġew midlukin minn Ġeħova? Aħna mhux se nistaqsuhom kif ġew midlukin. Din hi xi ħaġa personali, li m’għandniex id-​dritt inkunu nafu. (1 Tess. 4:11; 2 Tess. 3:11) Barra minn hekk, ma rridux nassumu li r-​raġel jew il-​mara tal-​midluk, il-​ġenituri tiegħu, jew xi ħadd mill-​familja tiegħu hu midluk ukoll. Persuna ma tiritx it-​tama li tgħix is-​sema mill-​familja tagħha, imma tirċiviha mingħand Alla. (1 Tess. 2:12) Għandna wkoll nevitaw li nsaqsu mistoqsijiet li jistgħu jweġġgħu lil dak li jkun. Pereżempju, m’għandniex insaqsu lill-​mara taʼ xi ħadd midluk kif tħossha dwar it-​tama li tgħix għal dejjem fuq l-​art mingħajr ir-​raġel tagħha. Wara kollox, nistgħu nkunu ċerti li fis-​sistema l-​ġdida, Ġeħova se ‘jissodisfa x-​xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.’—Salm 145:16.

10. Għala hu taʼ protezzjoni għalina li ma ‘nammirawx l-​individwi’?

10 Jekk ikollna l-​ħarsa t-​tajba lejn il-​midlukin, inkunu qed nipproteġu lilna nfusna. Għala? Il-​Bibbja tgħidilna li xi midlukin għandhom mnejn ma jibqgħux leali. (Mt. 25:10-12; 2 Pt. 2:20, 21) Allura, jekk nevitaw li ‘nammiraw l-​individwi,’ qatt mhu se nimxu wara xi bniedem ieħor, anki jekk ikun midluk, magħruf, jew ilu ħafna jaqdi lil Ġeħova. (Ġuda 16) B’hekk, jekk ma jibqax leali jew jitlaq mill-​kongregazzjoni, aħna nibqgħu leali lejn Ġeħova u mhux nieqfu naqduh.

GĦANDNA NINKWETAW DWAR IN-​NUMRU TAʼ DAWK LI JGĦIDU LI HUMA MIDLUKIN?

11. X’bidla rajna fin-​numru taʼ dawk li jieħdu mill-​ħobż u l-​inbid dan l-​aħħar?

11 Għal ħafna snin, in-​numru taʼ dawk li jieħdu mill-​ħobż u l-​inbid fit-​Tifkira kompla jonqos. Imma f’dawn l-​aħħar snin, dan in-​numru beda jikber kull sena. Għandna ninkwetaw dwar dan? Le. Ejja naraw għala.

12. Għala m’għandniex ninkwetaw dwar in-​numru taʼ dawk li jieħdu mill-​emblemi?

12 “Ġeħova jafhom lil dawk li huma tiegħu.” (2 Tim. 2:19) Ġeħova jaf min hu verament midluk. Però, l-​aħwa li jgħoddu n-​numru taʼ dawk li jieħdu mill-​emblemi ma jafux. Allura, in-​numru li jgħoddu jkun jinkludi lil dawk l-​uħud li jaħsbu li huma midlukin imma m’humiex. Pereżempju, xi wħud li kienu jieħdu mill-​emblemi iktar tard ma baqgħux jieħdu. Oħrajn jistaʼ jkollhom problemi mentali jew emozzjonali li jġegħluhom jaħsbu li se jmexxu maʼ Ġesù fis-​sema. Bla dubju, ma nafux fiċ-​ċert kemm għad hawn midlukin jgħixu fuq l-​art.

13. Nafu kemm se jkun għad fadal midlukin fuq l-​art meta tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira?

13 Se jkun hemm il-​midlukin f’ħafna partijiet tal-​art meta Ġesù jiġi biex jiħodhom fis-​sema. (Mt. 24:31) Il-​Bibbja tgħid li matul l-​aħħar jiem, fuq l-​art se jkun għad fadal numru żgħir taʼ midlukin. (Riv. 12:17) Imma ma tgħidx kemm se jkun għad hemm meta tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira.

Kif għandna nirreaġixxu jekk xi ħadd jieħu mill-ħobż u l-inbid fit-Tifkira? (Ara paragrafu 14)

14. Rumani 9:11, 16 x’jgħallimna dwar kif il-​midlukin jiġu magħżulin?

14 Ġeħova jiddeċiedi meta jagħżel lill-​midlukin. (Rum. 8:28-​30) Ġeħova beda jagħżel lill-​midlukin wara li Ġesù ġie rxoxtat. Milli jidher, il-​Kristjani veri kollha fl-​ewwel seklu kienu midlukin. Fis-​snin taʼ wara, ħafna minn dawk li qalu li huma Kristjani mhux vera kienu segwaċi taʼ Kristu. Minkejja dan, matul dawn is-​snin, Ġeħova dilek il-​ftit li kienu Kristjani veri. Huma kienu bħall-​qamħ li Ġesù qal li kienu se jikbru qalb is-​sikrana. (Mt. 13:24-​30) Matul l-​aħħar jiem, Ġeħova qed ikompli jagħżel lil dawk li se jkunu parti mill-​144,000. * Mela jekk Ġeħova jagħżel lil xi midlukin eżatt qabel ma jiġi t-​tmiem, żgur li m’għandniex niddubitaw mid-​deċiżjoni tiegħu. (Aqra Rumani 9:11, 16.) * Irridu noqogħdu attenti li ma nirreaġixxux bħall-​ħaddiema li tkellem dwarhom Ġesù f’waħda mit-​tixbihat tiegħu. Huma gergru dwar il-​mod kif sidhom tratta lil dawk li bdew jaħdmu fl-​aħħar siegħa.—Mt. 20:8-​15.

15. Il-​midlukin kollha huma parti mill-​“ilsir leali u għaqli” li jissemma f’​Mattew 24:45-47? Spjega.

15 Mhux kull min għandu t-​tama li jgħix fis-​sema jagħmel parti mill-​“ilsir leali u għaqli.” (Aqra Mattew 24:45-​47.) L-​istess bħall-​ewwel seklu, Ġeħova u Ġesù llum qed jużaw ftit uħud biex jitimgħu, jew jgħallmu, lil ħafna nies. Fl-​ewwel seklu, intużaw ftit Kristjani midlukin biss biex tinkiteb l-​Iskrittura Griega Kristjana. Illum, ftit Kristjani midlukin biss għandhom ir-​responsabbiltà li jagħtu “l-​ikel fiż-​żmien xieraq” lin-​nies t’Alla.

16. X’tgħallimt minn dan l-​artiklu?

16 X’tgħallimna minn dan l-​artiklu? Ġeħova ddeċieda li jagħti t-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art lill-​maġġoranza tan-​nies u li jagħti t-​tama għas-​sema lill-​ftit li se jmexxu maʼ Ġesù. Alla jippremja lill-​qaddejja tiegħu kollha—kemm lill-​“Lhudi” u kemm lill-​“għaxart irġiel.” Ġeħova jitlobhom biex jobdu l-​istess liġijiet u jibqgħu leali. Ilkoll għandhom jibqgħu umli. Ilkoll għandhom jaqduh flimkien u jkunu magħqudin. U kollha għandhom iżommu l-​paċi fil-​kongregazzjoni. Hekk kif nersqu eqreb lejn it-​tmiem, ejja nkomplu naqdu lil Ġeħova u nimxu wara Kristu bħala “merħla waħda.”—Ġw. 10:16.

^ par. 5 Din is-​sena, it-​Tifkira tal-​mewt taʼ Ġesù se ssir nhar it-​Tlieta, 7 tʼApril. Kif għandna nqisu lil dawk li jieħdu mill-​ħobż u l-​inbid tat-​Tifkira? Għandna ninkwetaw jekk in-​numru taʼ dawk li jieħdu minn dawn l-​emblemi jkompli jiżdied? Dan l-​artiklu, li hu bbażat fuq artiklu li ħareġ fit-​Torri tal-​Għassa taʼ Jannar 2016, se jwieġeb dawn il-​mistoqsijiet.

^ par. 2 Skont Salm 87:5, 6, fil-​futur, Alla għandu mnejn jirrivela l-​ismijiet taʼ dawk kollha li jkunu qed imexxu maʼ Ġesù fis-​sema.—Rum. 8:19.

^ par. 8 Ara l-​kaxxa “L-​imħabba ‘ma ġġibx ruħha b’mod indeċenti’” fit-​Torri tal-​Għassa taʼ Jannar 2016.

^ par. 14 Għalkemm Atti 2:33 juri li l-​ispirtu qaddis jiġi mferraʼ permezz taʼ Ġesù, huwa Ġeħova li jistieden lil kull persuna.

^ par. 14 Għal iktar informazzjoni, ara “Mistoqsijiet mill-​qarrejja” fit-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Mejju 2007.

GĦANJA 34 Nimxu bl-​integrità

^ par. 56 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Immaġina kieku f’konvenzjoni rappreżentant tal-​kwartieri ġenerali u l-​mara tiegħu jiġu mdawrin b’ħafna nies li jridu jiħdulhom ir-​ritratti. Dan ikun taʼ diżrispett kbir!