Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 2

Int tistaʼ tkun ‘għajnuna li ssaħħaħ’

Int tistaʼ tkun ‘għajnuna li ssaħħaħ’

‘Huma jaħdmu miegħi għas-​saltna t’Alla, u għalija saru għajnuna li ssaħħaħni.’—KOL. 4:11.

GĦANJA 90 Inkuraġġixxu lil xulxin

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Liema sitwazzjonijiet stressanti qed jiffaċċjaw ħafna qaddejja leali taʼ Ġeħova?

MADWAR id-​dinja, ħafna qaddejja taʼ Ġeħova qed jiffaċċjaw sitwazzjonijiet stressanti u anki taʼ wġigħ. Innotajtu dan fil-​kongregazzjoni tiegħek? Xi Kristjani qed jikkumbattu maʼ marda serja jew mat-​telfa taʼ xi ħadd li jħobbu. Oħrajn qed jissaportu wġigħ kbir minħabba li membru tal-​familja jew ħabib tal-​qalb telaq mill-​verità. Jerġaʼ oħrajn qed ibatu minħabba diżastri naturali. Dawn l-​aħwa kollha għandhom bżonn l-​inkuraġġiment. Aħna kif nistgħu ngħinuhom?

2. Għala kien hemm drabi li l-​appostlu Pawlu kellu bżonn l-​inkuraġġiment?

2 L-​appostlu Pawlu għal darba wara l-​oħra ffaċċja sitwazzjonijiet taʼ periklu. (2 Kor. 11:23-28) Hu anki kellu jissaporti “xewka fil-​laħam,” li jistaʼ jkun kienet xi problema taʼ saħħa. (2 Kor. 12:7) U hu kien diżappuntat meta Dema, ħu li kien jaħdem miegħu, telqu għax “ħabb din is-​sistema.” (2 Tim. 4:10) Pawlu kien Kristjan midluk kuraġġuż li għen b’ġenerożità lil oħrajn, imma kien hemm drabi li anki hu ħassu skuraġġit.—Rum. 9:1, 2.

3. Mingħand min ngħata l-​inkuraġġiment u l-​għajnuna Pawlu?

3 Pawlu ngħata l-​inkuraġġiment u l-​għajnuna li kellu bżonn. Kif? Ġeħova ċertament li uża l-​ispirtu qaddis tiegħu biex isaħħu. (2 Kor. 4:7; Flp. 4:13) Ġeħova anki uża lil Kristjani oħra biex ifarrġu. Pawlu ddeskriva lil uħud minn ħutu bħala ‘għajnuna li saħħitu.’ (Kol. 4:11) Fost dawk li hu semma b’isimhom kien hemm Aristarku, Tikiku, u Marku. Huma saħħew lil Pawlu u għenuh jissaporti. Liema kwalitajiet għenu lil dawn it-​tliet Kristjani jkunu tajbin ħafna f’li jinkuraġġixxu? Kif nistgħu aħna nimitaw l-​eżempju mill-​aħjar tagħhom meta ngħinu u ninkuraġġixxu lil xulxin?

LEALI BĦAL ARISTARKU

Bħal Aristarku, aħna nistgħu nkunu ħbieb leali billi nibqgħu maʼ ħutna fi żmien taʼ “niket” (Ara paragrafi 4-5) *

4. Aristarku kif wera li kien ħabib leali għal Pawlu?

4 Aristarku, Kristjan minn Tessalonika, li kienet fil-​Maċedonja, wera li kien ħabib leali għal Pawlu. L-​ewwel darba li naqraw dwaru fil-​Bibbja nsibuha fir-​rakkont taʼ meta Pawlu żar Efesu, fit-​tielet vjaġġ missjunarju tiegħu. Waqt li kien maʼ Pawlu, Aristarku nqabad minn folla rrabjata. (Atti 19:29) Meta fl-​aħħar ġie meħlus, hu ma ħarabx biex jevita l-​periklu imma b’lealtà baqaʼ maʼ Pawlu. Xi xhur wara fil-​Greċja, minkejja li Pawlu kien mhedded li jinqatel, Aristarku xorta baqaʼ miegħu. (Atti 20:2-​4) Madwar is-​sena 58 wara Kristu (WK) meta Pawlu ntbagħat bħala priġunier f’Ruma, Aristarku kien miegħu fil-​vjaġġ twil, u flimkien iffaċċjaw nawfraġju. (Atti 27:1, 2, 41) Jidher li wara li waslu Ruma, hu kien maʼ Pawlu fil-​ħabs għal xi żmien. (Kol. 4:10) Mhux taʼ b’xejn li Pawlu ħassu inkuraġġit u mfarraġ b’ħabib leali bħal Aristarku!

5. Skont Proverbji 17:17, aħna kif nistgħu nkunu ħbieb leali?

5 Bħal Aristarku, aħna nistgħu nkunu ħbieb leali billi nibqgħu maʼ ħutna mhux biss fi żmien tajjeb imma anki fi żmien taʼ “niket.” (Aqra Proverbji 17:17.) Ħutna rġiel u nisa għandu mnejn ikollhom bżonn l-​għajnuna anki wara li tgħaddi l-​prova. Frances, * li l-​ġenituri tagħha mietu bil-​kanċer f’perjodu taʼ tliet xhur, tgħid: “Naħseb li l-​provi diffiċli jeffettwawna għal perjodu twil. U jien napprezza ħbieb leali li jiftakru li għadni mnikkta, avolja għadda ż-​żmien minn meta mietu l-​ġenituri tiegħi.”

6. Il-​lealtà x’se timmotivana nagħmlu?

6 Ħbieb leali jagħtu mill-​ħin u l-​enerġija tagħhom biex jgħinu lil ħuthom. Pereżempju, ħu jismu Peter, ingħata l-​aħbar mit-​tabib li kellu marda li kienet se tiggrava u ttemmlu ħajtu malajr. Martu, Kathryn, tgħid: “Koppja fil-​kongregazzjoni tagħna ħaduna għall-​appuntament meta sirna nafu li Peter kien marid. Dak il-​ħin iddeċidew li kienu se jgħinuna niffaċċjaw din is-​sitwazzjoni diffiċli u huma dejjem kienu hemm għalina meta kellna bżonn.” Kemm hu taʼ inkuraġġiment li jkollna ħbieb veri, li jistgħu jgħinuna nissaportu l-​provi tagħna!

TAʼ MIN JAFDAK BĦAL TIKIKU

Bħal Tikiku, aħna nistgħu nkunu ħbieb li tistaʼ tafdahom meta oħrajn jiffaċċjaw problemi (Ara paragrafi 7-9) *

7-8. Fi qbil maʼ Kolossin 4:7-9, Tikiku kif wera li kien taʼ min jafdah?

7 Tikiku, Kristjan mid-​distrett Ruman tal-​Asja, kien ħabib taʼ min jafdah ħafna għal Pawlu. (Atti 20:4) Madwar is-​sena 55 WK, Pawlu organizza ġabra taʼ flus biex jgħin lil Kristjani Lhud, u jistaʼ jkun li qabbad lil Tikiku biex jgħinu f’dan l-​inkarigu importanti. (2 Kor. 8:18-20) Iktar tard meta Pawlu kien priġunier f’Ruma għall-​ewwel darba, Tikiku qeda bħala l-​messaġġier personali tiegħu. Lill-​kongregazzjonijiet fl-​Asja hu wasslilhom ittri u messaġġi taʼ inkuraġġiment mingħand Pawlu.—Kol. 4:7-9.

8 Tikiku baqaʼ l-​ħabib fdat taʼ Pawlu. (Titu 3:12) Lura f’dak iż-​żmien, mhux il-​Kristjani kollha kont tistaʼ tafdahom bħal Tikiku. Madwar is-​sena 65 WK, meta Pawlu kien il-​ħabs għat-​tieni darba, hu kiteb li ħafna Kristjani fl-​Asja ma ridux iqattgħu ħin miegħu, forsi minħabba li beżgħu mill-​opponenti. (2 Tim. 1:15) Minkejja dan, Pawlu setaʼ jistrieħ fuq Tikiku u saħansitra tah inkarigu ieħor. (2 Tim. 4:12) Żgur li Pawlu apprezza li kellu ħabib veru bħal Tikiku.

9. Kif nistgħu nimitaw lil Tikiku?

9 Aħna nistgħu nimitaw lil Tikiku billi nkunu ħbieb li tistaʼ tafdahom. Pereżempju, aħna mhux biss inwiegħdu li ngħinu lil ħutna fil-​bżonn imma anki nagħmlu affarijiet prattiċi għalihom. (Mt. 5:37; Lq. 16:10) Meta dawk li jkollhom bżonn l-​għajnuna jkunu jafu li jistgħu jistrieħu fuqna, huma jħossuhom veru mfarrġin. Oħt tispjega għala. Hi tgħid, “Tħossok kalm għax taf li l-​persuna li offriet li tgħinek se tkun hemm fil-​ħin biex tagħmel dak li wegħditek.”

10. Bħalma hemm miktub fi Proverbji 18:24, mingħand min jistgħu dawk li qed ikampaw maʼ prova jew diżappunt isibu inkuraġġiment?

10 Dawk li qed ikampaw maʼ prova jew diżappunt spiss jiġu inkuraġġiti meta jiftħu qalbhom maʼ ħabib li jafdaw. (Aqra Proverbji 18:24.) Bijay, missier diżappuntat wara li ibnu ġie maqtugħ mis-​sħubija, qal: “Kelli bżonn ngħid lil xi ħadd li nafda kif kont qed inħossni.” Carlos, li minħabba żball tilef privileġġ fil-​kongregazzjoni jgħid: “Kelli bżonn lil xi ħadd li nħossni komdu nesprimi ruħi miegħu mingħajr ma niġi ġġudikat.” Hu sab li dan ix-​xi ħadd kienu l-​anzjani, li għenuh jegħleb il-​problema tiegħu. Hu kien inkuraġġit ukoll għax kien jaf li l-​anzjani kienu se jżommu dan kunfidenzjali.

11. Kif nistgħu nkunu ħbieb tal-​qalb u fdati?

11 Biex inkunu ħbieb tal-​qalb u fdati, għandna bżonn niżviluppaw il-​paċenzja. Meta telaqha r-​raġel, Zhanna ħassitha aħjar meta qalet lill-​ħbieb tal-​qalb tagħha kif ħassitha. Hi tgħid: “Semgħuni bil-​paċenzja, għalkemm naħseb li probabbilment għedt l-​istess affarijiet darba wara l-​oħra.” Int ukoll tistaʼ tkun ħabib veru billi tkun semmiegħ tajjeb.

LEST LI TAQDI LIL OĦRAJN BĦAL MARKU

L-għajnuna prattika mill-qalb taʼ Marku għenet lil Pawlu jissaporti, u aħna nistgħu ngħinu lil ħutna fi żminijiet koroh ħafna (Ara paragrafi 12-14) *

12. Min kien Marku, u kif wera li ried jaqdi lil oħrajn?

12 Marku kien Kristjan Lhudi minn Ġerusalemm. Kuġinuh Barnaba kien missjunarju magħruf sew. (Kol. 4:10) Il-​familja taʼ Marku milli jidher kienu tat-​tajjeb, imma l-​flus u l-​affarijiet materjali ma kinux l-​iktar ħaġa importanti għal Marku. F’ħajtu, hu wera li kien lest li jgħin. Hu kien ferħan jaqdi lil oħrajn. Pereżempju, diversi drabi hu ħadem mal-​appostlu Pawlu u l-​appostlu Pietru hekk kif ħadu ħsieb ir-​responsabbiltajiet tagħhom. Għandu mnejn li Marku xtara l-​ikel, sab postijiet għalihom fejn joqogħdu, u għamel affarijiet oħra bħal dawn. (Atti 13:2-5; 1 Pt. 5:13) Pawlu ddeskriva lil Marku bħala wieħed mill-​ħaddiema sħabu għas-​Saltna t’Alla u bħala ‘għajnuna li saħħitu.’—Kol. 4:10, 11.

13. It-​2 Timotju 4:11 kif juri li Pawlu apprezza s-​servizz leali taʼ Marku?

13 Marku sar wieħed mill-​ħbieb tal-​qalb taʼ Pawlu. Pereżempju, meta Pawlu kien il-​ħabs f’Ruma għall-​aħħar darba, madwar is-​sena 65 WK, hu kiteb it-​tieni ittra tiegħu lil Timotju. F’dik l-​ittra, Pawlu talab lil Timotju jmur Ruma u biex miegħu jieħu lil Marku. (2 Tim. 4:11) Pawlu żgur li apprezza s-​servizz leali li Marku kien għamel fil-​passat, u għalhekk talbu jkun miegħu f’dan iż-​żmien importanti ħafna. Marku għen lil Pawlu b’modi prattiċi, forsi billi xtralu xi ikel, rombli, u linka. L-​għajnuna u l-​inkuraġġiment li Pawlu rċieva x’aktarx għenuh jissaporti l-​aħħar ġranet li wasslu għall-​qtil tiegħu.

14-15. Minn Mattew 7:12 x’nistgħu nitgħallmu dwar li ngħinu lil oħrajn b’modi prattiċi?

14 Aqra Mattew 7:12. Kemm napprezzaw lil dawk li joffru l-​għajnuna b’modi prattiċi meta ngħaddu minn żmien diffiċli! “Hemm ħafna affarijiet li nagħmlu kuljum u li jidhru impossibbli tagħmilhom meta tkun qed tbati,” jgħid Ryan, li missieru miet bla mistenni f’aċċident traġiku. “L-​għajnuna prattika, tidher kemm tidher żgħira, tfisser ħafna.”

15 Billi nkunu attenti u nosservaw, aktarx li se nsibu modi prattiċi kif ngħinu lil oħrajn. Pereżempju, oħt ħadet l-​inizjattiva biex tgħin lil Peter u Kathryn, li ssemmew qabel, biex imorru għall-​appuntamenti mediċi kollha tagħhom. It-​tnejn li huma ma setgħux isuqu iktar, allura din l-​oħt għamlet skeda biex aħwa rġiel u nisa fil-​kongregazzjoni jkunu jistgħu jwassluhom. Kien dan l-​arranġament t’għajnuna? Kathryn tgħid, “Veru serraħna moħħna.” Qatt tinsa li l-​għajnuna prattika żgħira tiegħek tistaʼ tfisser ħafna.

16. Liema lezzjoni importanti dwar li nipprovdu għajnuna nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Marku?

16 Id-​dixxiplu Marku, li għex fi żmien Ġesù, ċertament li kien Kristjan li kellu ħafna x’jagħmel. Hu kellu inkarigi importanti x’jagħmel għal Ġeħova, inkluż li jikteb l-​Evanġelju li jġorr ismu. Minkejja dan, Marku uża ftit mill-​ħin tiegħu biex jinkuraġġixxi lil Pawlu, u Pawlu kien jaf li setaʼ jitolbu l-​għajnuna. Angela, li kellha tkampa mal-​mewt taʼ membru fil-​familja tagħha li ġie maqtul, apprezzat lil dawk kollha li kienu lesti jfarrġuha. Hi tgħid, “Meta l-​ħbieb ġenwinament iridu jgħinu, ikun faċli tavviċinahom. Huma jidhru li jridu jgħinuni minn qalbhom, u ma jibżgħux jagħmlu dan.” Aħna nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘Jiena magħruf mal-​aħwa li lest li ngħin b’modi prattiċi?’

DETERMINATI LI NFARRĠU LIL OĦRAJN

17. Li nimmeditaw fuq il-​kliem fit-​2 Korintin 1:3, 4, kif jistaʼ jimmotivana nfarrġu lil oħrajn?

17 Huwa faċli nsibu aħwa li għandhom bżonn il-​faraġ, jew l-​għajnuna. Għandna mnejn inkunu nistgħu naqsmu magħhom xi ħsibijiet inkuraġġanti li oħrajn użaw biex ifarrġu lilna. Nino, oħt li tilfet lin-​nanna tagħha fil-​mewt, tgħid: “Ġeħova jistaʼ juża lilna biex infarrġu lil oħrajn jekk inħalluh jużana.” (Aqra t-​2 Korintin 1:3, 4.) Frances, li ġiet kwotata qabel, tgħid: “Il-​kliem fit-​2 Korintin 1:4 hu veru. Aħna nistgħu nagħtu lil oħrajn il-​faraġ li aħna nirċievu.”

18. (a) Xi wħud għala għandu mnejn jibżgħu joffru l-​faraġ? (b) Kif nistgħu nkunu farraġa effettivi? Agħti eżempju.

18 Għandna bżonn infittxu għal modi kif ngħinu lil oħrajn anki jekk nibżgħu. Pereżempju, għandu mnejn nibżgħu li ma nkunux nafu x’se ngħidu lil xi ħadd li għandu bżonn il-​faraġ jew x’nistgħu nagħmlu għalih. Anzjan jismu Paul jiftakar fl-​isforz li xi wħud għamlu biex ifarrġuh wara li miet missieru. Hu jgħid: “Stajt nara li ma kienx faċli għalihom li jiġu jkellmuni. Ma kinux jafu x’se jgħidu. Imma xorta apprezzajt ix-​xewqa tagħhom li joffru l-​inkuraġġiment u l-​faraġ.” B’mod simili, wara li esperjenza terremot qawwi, ħu jismu Tajon qal: “Onestament ma niftakarx kull messaġġ li rċivejt fil-​ġranet taʼ wara t-​terremot, imma niftakar li huma impurtahom biżżejjed biex jaraw li kont owkej.” Jekk nuru li jimpurtana aħna nistgħu nkunu farraġa effettivi.

19. Għala int determinat li tkun ‘għajnuna li ssaħħaħ’ għal oħrajn?

19 Minħabba li qegħdin qrib it-​tmiem taʼ dis-​sistema, id-​dinja se tibqaʼ sejra għall-​agħar u l-​ħajja se ssir iktar diffiċli. (2 Tim. 3:13) U se jibqaʼ jkollna bżonn l-​inkuraġġiment għax aħna imperfetti u se nibqgħu nagħmlu l-​iżbalji. Waħda mir-​raġunijiet għala l-​appostlu Pawlu kien kapaċi jissaporti sal-​aħħar taʼ ħajtu kienet għax irċieva l-​għajnuna mingħand sħabu l-​Kristjani. Jalla nkunu leali bħal Aristarku, taʼ min jafdana bħal Tikiku, u lesti li naqdu lil oħrajn bħal Marku. Jekk nagħmlu dan, se nkunu nistgħu ngħinu lil ħutna rġiel u nisa jibqgħu jaqdu lil Ġeħova b’lealtà.—1 Tess. 3:2, 3.

^ par. 5 L-​appostlu Pawlu għadda minn ħafna diffikultajiet f’ħajtu. Matul żminijiet diffiċli, uħud mill-​aħwa inkuraġġewh ħafna. Se niddiskutu tliet kwalitajiet speċifiċi li għenu lil dawn l-​aħwa jkunu tajbin ħafna f’li jinkuraġġixxu. Se nikkunsidraw ukoll kif nistgħu nimitaw l-​eżempju tagħhom b’modi prattiċi.

^ par. 5 Xi wħud mill-​ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.

GĦANJA 111 Ir-​raġunijiet tagħna għall-​ferħ

^ par. 56 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Aristarku u Pawlu ffaċċjaw nawfraġju flimkien.

^ par. 58 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Tikiku ġie fdat iwassal l-​ittri taʼ Pawlu lill-​kongregazzjonijiet.

^ par. 60 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Marku għen lil Pawlu b’modi prattiċi.