Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 3

Int prezzjuż għal Ġeħova Alla tiegħek

Int prezzjuż għal Ġeħova Alla tiegħek

“Meta konna skuraġġiti ftakar fina.”—SALM 136:23, nwt.

GĦANJA 33 Ixħet toqlok fuq Ġeħova

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. Ħafna min-​nies taʼ Ġeħova liema sitwazzjonijiet qed jiffaċċjaw, u dan x’effett jistaʼ jkollu fuqhom?

AĦSEB f’dawn it-​tliet sitwazzjonijiet: Ħu żagħżugħ għadu kif sar jaf li għandu marda kiefra li se ġġiegħlu jħossu iktar bla saħħa maʼ kull ġurnata li tgħaddi. Ħu bieżel li għandu iktar minn 50 sena tkeċċa mix-​xogħol u minkejja li qed jipprova jfittex ieħor ma jistax isib. U oħt leali kbira fl-​età ma tistax tagħmel daqs qabel fis-​servizz tagħha lil Ġeħova.

2 Jekk qed tiffaċċja sitwazzjoni simili, forsi tħoss li m’għadekx utli. Dawn is-​sitwazzjonijiet jistgħu jisirqulek il-​ferħ, iġegħluk tħossok li ma tiswa għal xejn, u jistgħu jwasslu għal problemi fir-​relazzjonijiet tiegħek m’oħrajn.

3. Satana u dawk influwenzati minnu kif iħossuhom dwar il-​ħajja tal-​bnedmin?

3 Din id-​dinja tirrifletti l-​ħarsa taʼ Satana lejn il-​ħajja tal-​bnedmin. Satana minn dejjem tratta lill-​bnedmin bħala mhumiex importanti. Hu b’kattiverija qal lil Eva li kienet se tkun libera jekk ma tobdix lil Alla, avolja kien jaf li dan kien se jwassal għall-​mewt. Satana dejjem kellu kontroll fuq is-​sistema kummerċjali, politika, u reliġjuża taʼ din id-​dinja. Allura mhijiex sorpriża li ħafna negozjanti, politikanti, u mexxejja reliġjużi ma jurux rispett lejn il-​ħajja tal-​bnedmin u ma jimpurtahomx dwar kif iħossuhom.

4. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

4 Però, Ġeħova mhuwiex bħal Satana. Hu jridna nkunu nafu li aħna prezzjużi għalih, u li se jgħinna meta nħabbtu wiċċna maʼ sitwazzjonijiet li jistgħu jġegħluna nħossuna ma niswew għal xejn. (Salm 136:23, nwt; Rum. 12:3) Dan l-​artiklu se jiddiskuti kif Ġeħova jgħinna f’dawn is-​sitwazzjonijiet: (1) Meta nħabbtu wiċċna mal-​mard, (2) meta jkollna problemi finanzjarji, u (3) meta x-​xjuħija ġġegħelna nħossuna li m’għandna xejn utli x’noffru fis-​servizz taʼ Ġeħova. Iżda l-​ewwel, ejja naraw għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova japprezza lil kull wieħed u waħda minna.

ĠEĦOVA JAPPREZZANA

5. X’raġunijiet jagħtuk prova li aħna l-​bnedmin prezzjużi għal Ġeħova?

5 Għalkemm aħna magħmulin mit-​trab tal-​art, aħna ħafna iktar prezzjużi minn ftit trab. (Ġen. 2:7) Ikkunsidra wħud mir-​raġunijiet għala nafu li aħna prezzjużi għal Ġeħova. Hu ħalaq il-​bnedmin bl-​abbiltà li jimitaw il-​kwalitajiet tiegħu. (Ġen. 1:27) B’hekk, Ġeħova għamilna aħjar minn kull ħaġa oħra li ħalaq fuq l-​art, u qalilna nieħdu ħsieb l-​art u l-​annimali.—Salm 8:4-8.

6. X’raġuni oħra turina li Ġeħova japprezza lil bnedmin imperfetti?

6 Anki wara li Adam dineb, Ġeħova kompla jqishom prezzjużi lill-​bnedmin. Hu tant japprezzana li ta lil Ibnu l-​maħbub, Ġesù, bħala fidwa għal dnubietna. (1 Ġw. 4:9, 10) Ġeħova se japplika l-​benefiċċji tal-​fidwa billi se jirxoxta lil dawk li mietu minħabba d-​dnub taʼ Adam, ‘kemm lil nies sewwa u kemm lil dawk li m’humiex sewwa.’ (Atti 24:15) Il-​Kelma tiegħu turi li aħna prezzjużi għalih, anki jekk aħna morda, foqra, jew xjuħ.—Atti 10:34, 35.

7. Liema raġunijiet oħra għandhom il-​qaddejja t’Alla biex jemmnu li huma prezzjużi għal Ġeħova?

7 Għandna raġunijiet oħra għala nemmnu li aħna prezzjużi għal Ġeħova. Hu ġibidna lejh u nnota kif aħna wiġibna għall-​aħbar tajba. (Ġw. 6:44) Hekk kif bdejna niżviluppaw ħbiberija mill-​qrib miegħu, hu resaq qrib lejna. (Ġak. 4:8) Ukoll, Ġeħova jinvesti ħin u sforz biex jgħallimna, u dan juri kemm aħna prezzjużi għalih. Hu jaf x’tip taʼ individwi aħna issa u jaf li nistgħu nsiru aħjar. U hu jiddixxiplinana għax iħobbna. (Prov. 3:11, 12) X’evidenza qawwija li aħna prezzjużi għal Ġeħova!

8. Il-​kliem li nsibu f’​Salm 18:27-​29 kif jistaʼ jeffettwa l-​ħarsa tagħna lejn il-​problemi?

8 Xi wħud qiesu lis-​Sultan David bħala li ma jiswa għal xejn, imma hu kien jaf li Ġeħova kien iħobbu u jappoġġah. Dan għen lil David jissaporti s-​sitwazzjonijiet tiegħu bl-​attitudni t-​tajba. (2 Sam. 16:5-​7) Meta nħossuna skuraġġiti jew niffaċċjaw problemi, Ġeħova jistaʼ jgħinna naraw l-​affarijiet b’mod differenti u jistaʼ jgħinna negħlbu kull ostaklu. (Aqra Salm 18:27-29.) Meta jkollna l-​appoġġ taʼ Ġeħova, xejn ma jistaʼ jwaqqafna milli naqduh bil-​ferħ. (Rum. 8:31) Issa ejja nikkunsidraw dawn it-​tliet sitwazzjonijiet speċifiċi fejn l-​iktar għandna bżonn niftakru li Ġeħova jħobbna u japprezzana.

META NĦABBTU WIĊĊNA MAL-​MARD

Li naqraw il-kliem ispirat taʼ Ġeħova se jgħinna nkampaw mal-emozzjonijiet negattivi li marda ġġib magħha (Ara paragrafi 9-12)

9. Kif jistaʼ l-​mard jeffettwa l-​mod kif inħarsu lejna nfusna?

9 Il-​mard jistaʼ jeffettwa l-​emozzjonijiet tagħna u jġegħelna nħossuna ma niswew għal xejn. Għandu mnejn inħossuna imbarazzati meta oħrajn jinnotaw il-​limitazzjonijiet tagħna jew ikollna bżonn nistrieħu fuq oħrajn għall-​għajnuna. Anki meta oħrajn ma jkunux jafu li aħna morda, forsi nistħu minħabba li ma nistgħux nagħmlu ċerti affarijiet li konna nagħmlu. F’dan iż-​żmien diffiċli, Ġeħova jinkuraġġina. Kif?

10. Skont Proverbji 12:25, x’jistaʼ jgħinna meta nkunu morda?

10 Meta nkunu morda, “il-​kelma t-​tajba” tistaʼ tinkuraġġina. (Aqra Proverbji 12:25.) Fil-​Bibbja, Ġeħova poġġa kliem tajjeb li jfakkarna li aħna prezzjużi għalih anki jekk inkunu morda. (Salm 31:19; 41:3) Jekk naqraw u nerġgħu naqraw dan il-​kliem ispirat, Ġeħova se jgħinna nkampaw maʼ emozzjonijiet negattivi li jiġu minħabba l-​mard.

11. Wieħed ħu kif irċieva għajnuna mingħand Ġeħova?

11 Ħu l-​esperjenza taʼ Jorge. Meta kien żagħżugħ qabditu marda kiefra li malajr qalbet għall-​agħar u ġegħlitu jħossu ma jiswa għal xejn. Jorge jgħid: “Ma kontx preparat għal kif il-​marda ġegħlitni nħossni jew għall-​mistħija li ħassejt minħabba l-​attenzjoni li ġibdet. Hekk kif il-​marda tiegħi ggravat, ħsibt dwar kif ħajti kienet se tinbidel. Kont imdejjaq ħafna u tlabt bil-​ħerqa lil Ġeħova biex jgħinni.” Kif għenu Ġeħova? “Peress li kienet problema biex nikkonċentra, ġejt inkuraġġit naqra ftit versi mis-​Salmi li juru li Ġeħova jimpurtah mill-​qaddejja tiegħu. Kont nerġaʼ naqra dawn l-​iskritturi kuljum, u sibthom taʼ serħan u faraġ. Wara ftit, oħrajn bdew jinnotaw li kont qed nitbissem iktar. Anki qaluli li l-​attitudni ferriħija tiegħi inkuraġġiethom. Irrealizzajt li Ġeħova kien wieġeb it-​talb tiegħi! Hu għenni nbiddel il-​mod kif kont qed inħossni. Permezz tal-​Kelma tiegħu, bdejt niffoka fuq kif Ġeħova jqisni avolja marid.”

12. Jekk qed tħabbat wiċċek maʼ marda, x’tistaʼ tagħmel biex tirċievi l-​għajnuna taʼ Ġeħova?

12 Jekk qed tħabbat wiċċek maʼ marda, tistaʼ tkun ċert li Ġeħova jaf minn xiex għaddej. Itolbu bil-​qalb biex jgħinek tara s-​sitwazzjoni tiegħek b’mod pożittiv. Imbagħad sib fil-​Bibbja messaġġi taʼ faraġ li Ġeħova poġġa fiha għalik. Iffoka fuq versi li juru kemm Ġeħova japprezza lill-​qaddejja tiegħu. Hekk kif tagħmel dan, int se tara kemm Ġeħova hu qalbu tajba maʼ dawk kollha li jaqduh b’lealtà.—Salm 84:11.

META JKOLLNA PROBLEMI FINANZJARJI

Li niftakru li Ġeħova jwiegħed li jipprovdilna se jgħinna meta jkun diffiċli nsibu xogħol (Ara paragrafi 13-15)

13. Kif jistaʼ jħossu kap taʼ familja jekk jitlef ix-​xogħol?

13 Kull kap taʼ familja jixtieq li jkun kapaċi jipprovdi għall-​bżonnijiet taʼ familtu. Imma ejja nimmaġinaw li għalkemm mhux it-​tort tiegħu, ħu jitlef ix-​xogħol. Minkejja l-​isforzi kollha tiegħu biex isib ieħor, hu ma jsibx. Minħabba din is-​sitwazzjoni, għandu mnejn iħossu ma jiswa għal xejn. Li jiffoka fuq il-​wegħdi taʼ Ġeħova kif jistaʼ jgħinu?

14. Ġeħova għala jwettaq dak li jwiegħed?

14 Ġeħova dejjem iwettaq il-​wegħdi tiegħu. (Ġoż. 21:45; 23:14) Hu jagħmel dan għal diversi raġunijiet. Waħda minnhom hi għax dan jeffettwa lill-​isem tajjeb, jew ir-​reputazzjoni tiegħu. Ġeħova wiegħed li se jieħu ħsieb lill-​qaddejja leali tiegħu, u hu jħossu obbligat iwettaq dak li wegħedhom. (Salm 31:1-​3) Ukoll, Ġeħova jaf li aħna se nkunu mdejqin u diżappuntati jekk hu ma jiħux ħsieb lil dawk li jagħmlu parti mill-​familja tiegħu. Hu jwegħedna li se jagħtina dak li għandna bżonn biex ngħixu u nibqgħu naqduh b’lealtà, u xejn mhu se jwaqqfu milli jagħmel dan!—Mt. 6:30-​33; 24:45.

15. (a) Liema sfida ffaċċjaw il-​Kristjani tal-​ewwel seklu? (b) Salm 37:18, 19 minn xiex jaċċertana?

15 Meta niftakru għala Ġeħova jwettaq il-​wegħdi li jagħmel, nistgħu nkunu ċerti li hu se jgħinna meta jkun diffiċli naqilgħu biżżejjed flus. Ikkunsidra l-​eżempju tal-​Kristjani tal-​ewwel seklu. Meta qamet persekuzzjoni kbira kontra l-​kongregazzjoni f’Ġerusalemm, ‘kulħadd inxtered minbarra l-​appostli.’ (Atti 8:1) Aħseb x’kien ifisser dan. Problemi finanzjarji! Il-​Kristjani aktarx tilfu d-​djar u n-​negozji tagħhom. Minkejja dan, Ġeħova ma abbandunahomx u lanqas ma tilfu l-​ferħ tagħhom. (Atti 8:4; Ebr. 13:5, 6; Ġak. 1:2, 3) Ġeħova għen lil dawn il-​Kristjani leali, u hu se jgħin lilna wkoll.—Aqra Salm 37:18, 19.

META NIFFAĊĊJAW IL-​LIMITAZZJONIJIET TAX-​XJUĦIJA

Li niffokaw fuq dak li nistgħu nagħmlu, anki fi xjuħitna, se jaċċertana li aħna u s-servizz leali tagħna huma prezzjużi għal Ġeħova (Ara paragrafi 16-18)

16. Liema ċirkustanza tistaʼ ġġegħelna nitħassbu jekk Ġeħova japprezzax il-​qima tagħna?

16 Hekk kif nibdew nikbru, għandu mnejn nibdew inħossu li hemm ftit x’nistgħu nagħtu lil Ġeħova. Is-​Sultan David forsi kien inkwetat b’sentimenti simili meta kien qed jixjieħ. (Salm 71:9) Ġeħova kif jistaʼ jgħinna?

17. X’nistgħu nitgħallmu mill-​esperjenza taʼ oħt jisimha Jheri?

17 Ħu l-​esperjenza taʼ oħt jisimha Jheri. Hi ġiet mistiedna tattendi sessjoni taʼ trejning dwar il-​manutenzjoni fis-​Sala tas-​Saltna, imma ma riditx tmur. Hi qalet: “Jien xiħa, armla, u ma għandi l-​ebda abbiltà li Ġeħova jistaʼ juża. Jiena ma niswa għal xejn.” Fil-​lejl taʼ qabel it-​trejning, hi fetħet qalbha maʼ Ġeħova fit-​talb. Meta l-​għada waslet fis-​sala, xorta kienet għadha ma tafx x’marret tagħmel hemm. Matul il-​programm, il-​ħu enfasizza li l-​iktar abbiltà importanti tagħna hi li nkunu lesti niġu mgħallmin minn Ġeħova. Jheri tirrakkonta: “F’qalbi għedt, ‘Jien għandi din l-​abbiltà!’ Bdejt nibki xħin indunajt li Ġeħova kien wieġeb t-​talba tiegħi. Hu kien qed jaċċertani li għandi xi ħaġa prezzjuża x’nagħtih u li kien lest li jgħallimni!” Meta tħares lura, Jheri tgħid: “Jien dħalt għal dik is-​sessjoni ansjuża, skuraġġita, u mdejqa. Imma ħriġt fiduċjuża, inkuraġġita, u apprezzata!”

18. Il-​Bibbja kif turi li Ġeħova jibqaʼ japprezza l-​qima tagħna lejh anki meta nixjieħu?

18 Hekk kif nixjieħu, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova xorta għandu xogħol għalina x’nagħmlu. (Salm 92:12-​15) Ġesù għallimna li huma x’inhuma l-​abbiltajiet tagħna jew jidhru kemm jidhru żgħar l-​isforzi tagħna għalina, Ġeħova jgħożż dak kollu li nistgħu nagħmlu fis-​servizz tiegħu. (Lq. 21:2-​4) Għalhekk, iffoka fuq dak li tistaʼ tagħmel. Int tistaʼ, pereżempju, titkellem dwar Ġeħova m’oħrajn, titlob għal ħutek, u tinkuraġġixxi lil oħrajn biex jibqgħu leali. Ġeħova jqisek ħaddiem bi sħab miegħu mhux minħabba dak li kapaċi tagħmel, imma għax int lest li tobdih.—1 Kor. 3:5-​9.

19. Rumani 8:38, 39 x’jaċċertana?

19 Kemm aħna grati li nqimu lil Ġeħova, Alla li verament japprezza lil dawk li jaqduh! Hu ħalaqna biex nagħmlu r-​rieda tiegħu, u hi l-​qima vera li tagħmilna ferħanin b’ħajjitna. (Riv. 4:11) Minkejja li d-​dinja taf tqisna ma niswew għal xejn, għal Ġeħova aħna prezzjużi. (Ebr. 11:16, 38) Meta nħossuna skuraġġiti minħabba mard, problemi finanzjarji, jew xjuħija, ejja niftakru li xejn ma jistaʼ jifridna mill-​imħabba taʼ Missierna tas-​sema.—Aqra Rumani 8:38, 39.

^ par. 5 Iffaċċjajt int sitwazzjonijiet li ġegħluk tħossok li ma tiswa għal xejn? Dan l-​artiklu se jfakkrek dwar kemm verament japprezzak Ġeħova. Se jiddiskuti kif tistaʼ tħossok tajjeb dwarek innifsek jiġri x’jiġri f’ħajtek.

GĦANJA 30 Missieri, Alla tiegħi, u Ħabib