Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żgħażagħ u wħud iżgħar—Lesti biex titgħammdu?

Żgħażagħ u wħud iżgħar—Lesti biex titgħammdu?

“Min minnkom li jrid jibni torri ma joqgħodx l-​ewwel bil-​qiegħda u jikkalkula l-​ispejjeż, biex jara jekk għandux biżżejjed biex ilestih?”—LUQA 14:28.

GĦANJIET: 12064

Dan l-​artiklu u li ġej huma miktubin għaż-​żgħażagħ u għal uħud iżgħar fl-​età li jixtiequ jitgħammdu

1, 2. (a) Xi jferraħ lin-​nies t’Alla llum? (b) Il-​ġenituri Kristjani u l-​anzjani kif jistgħu jgħinu liż-​żgħażagħ jifhmu xi tfisser il-​magħmudija?

“ILI nafek minn meta twelidt,” qal anzjan lil Christopher li kellu 12-​il sena, “u jien ferħan li trid titgħammed. Nixtieq insaqsik xi ħaġa, ‘Għala tixtieq tieħu dan il-​pass?’” L-​anzjan kellu raġuni tajba biex isaqsi dik il-​mistoqsija. Iġibilna ferħ kbir li naraw lil eluf taʼ żgħażagħ jitgħammdu kull sena. (Ekkleżjasti 12:1) Imma l-​ġenituri Kristjani u l-​anzjani fil-​kongregazzjoni jridu jagħmlu ċert li ż-​żgħażagħ qed jieħdu d-​deċiżjoni tagħhom stess u jifhmu xi jfisser li titgħammed.

2 Fil-​Bibbja, nitgħallmu li d-​dedikazzjoni u l-​magħmudija huma l-​bidu taʼ ħajja ġdida għal Kristjan. Din il-​ħajja ġdida se ġġib magħha ħafna barkiet mingħand Ġeħova imma se ġġib ukoll oppożizzjoni minn Satana. (Proverbji 10:22; 1 Pietru 5:8) Hu għalhekk li l-​ġenituri Kristjani jridu jieħdu l-​ħin biex jgħallmu lil uliedhom xi jfisser verament li tkun dixxiplu taʼ Kristu. Meta ż-​żgħażagħ ma jkollhomx ġenituri Kristjani, anzjani fil-​kongregazzjoni bi mħabba se jgħinuhom jifhmu xi jfisser li tkun persuna ddedikata u mgħammda. (Aqra Luqa 14:27-​30.) Bħalma hemm bżonn taʼ preparazzjoni biex tlesti proġett taʼ bini, iż-​żgħażagħ iridu jippreparaw qabel ma jitgħammdu ħalli jkunu jistgħu jaqdu lil Ġeħova b’mod leali “sat-​tmiem.” (Mattew 24:13) X’se jgħin liż-​żgħażagħ ikunu determinati li jaqdu lil Ġeħova għal dejjem? Ejja naraw.

3. (a) Il-​kliem taʼ Ġesù u taʼ Pietru x’jgħallimna dwar l-​importanza tal-​magħmudija? (Mattew 28:19, 20; 1 Pietru 3:21) (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw, u għala?

3 Int żagħżugħ jew żagħżugħa li tixtieq titgħammed? Jekk iva, din hi mira eċċellenti! Hu unur kbir li tkun mgħammed bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Ukoll, hi xi ħaġa li Kristjan għandu jagħmel, u hu pass neċessarju għal dawk li se jiġu salvati matul it-​tribulazzjoni l-​kbira. (Mattew 28:19, 20; 1 Pietru 3:21) Meta titgħammed, int turi li wegħedt li taqdi lil Ġeħova għal dejjem. Int tassew trid iżżomm din il-​wegħda, allura l-​mistoqsijiet li ġejjin se jgħinuk tara jekk intix lest għall-​magħmudija: (1) Matur biżżejjed jien biex nieħu din id-​deċiżjoni? (2) Għandi x-​xewqa persunali biex nagħmel dan? (3) Nifhem xi jfisser li tkun iddedikat lil Ġeħova? Ejja niddiskutu dawn il-​mistoqsijiet.

META TKUN MATUR BIŻŻEJJED

4, 5. (a) Il-​magħmudija għala mhix biss għal dawk akbar fl-​età? (b) Xi tfisser għal Kristjan li jkun matur?

4 Il-​Bibbja ma tgħidx li dawk biss li huma akbar fl-​età jew li laħqu ċerta età jistgħu jitgħammdu. Fi Proverbji 20:11 naqraw: “Saħansitra tifel jintgħaraf minn għemilu, jekk hux pur u rett f’dak li jagħmel.” Allura, anki tifel jistaʼ jifhem xi jfisser li jagħmel dak li hu sew u li jkun iddedikat lill-​Ħallieq tiegħu. Għaldaqstant, il-​magħmudija hi pass importanti u xieraq għal xi ħadd żgħir li wera li hu matur u li ddedika ruħu lil Ġeħova.—Proverbji 20:7.

5 Xi tfisser li tkun matur? Il-​maturità mhux dejjem tirreferi għall-​età taʼ individwu jew għal kemm kiber fiżikament. Il-​Bibbja tgħid li n-​nies maturi ħarrġu “s-​sensi tagħhom” biex ikunu jafu d-​differenza bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. (Ebrej 5:14) Xi ħadd matur jaf x’inhu tajjeb u f’qalbu jkun iddeċieda li jagħmlu. Allura, ma jistax jiġi influwenzat faċilment biex jagħmel dak li hu ħażin. U mhux dejjem għandu bżonn lil min jgħidlu biex jagħmel dak li hu tajjeb. Huwa raġunevoli li nistennew li xi ħadd iżgħar fl-​età li jitgħammed se jagħmel dak li hu sew anki meta ma jkunx hemm il-​ġenituri tiegħu jew adulti oħra ħdejh.—Qabbel Filippin 2:12.

6, 7. (a) Iddeskrivi l-​isfidi li ffaċċja Danjel waqt li kien f’Babilonja. (b) Danjel kif wera li kien matur?

6 Jistaʼ xi ħadd iżgħar fl-​età verament juri dan it-​tip taʼ maturità? Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Danjel. Jistaʼ jkun li kien żagħżugħ meta ttieħed mingħand il-​ġenituri tiegħu u ntbagħat lejn Babilonja. F’daqqa waħda, Danjel kien qed jgħix fost nies li ma kinux jobdu l-​kmandi t’Alla. Imma ejja neżaminaw ftit iktar is-​sitwazzjoni taʼ Danjel. Hu ġie ttrattat bħala xi ħadd speċjali ġo Babilonja. Kien wieħed mill-​ftit żgħażagħ li ntgħażlu bir-​reqqa biex jaqdu lis-​sultan. (Danjel 1:3-​5, 13) Jidher li Danjel kellu pożizzjoni aħjar f’Babilonja milli qatt setaʼ kellu fl-​Iżrael.

7 Allura ż-​żagħżugħ Danjel kif irreaġixxa? Ħalla hu lin-​nies taʼ Babilonja jbiddluh jew idgħajfulu l-​fidi? Lanqas xejn! Il-​Bibbja tgħid li waqt li kien f’Babilonja, Danjel iddeċieda “f’qalbu li ma jitniġġisx,” jiġifieri li kien se jżomm ’il bogħod minn kull ħaġa konnessa mal-​qima falza. (Danjel 1:8) Dan wera maturità taʼ vera!

Individwu matur mhux se jġib ruħu bħala ħabib t’Alla fis-Sala tas-Saltna imma mbagħad iġib ruħu bħala ħabib tad-dinja fl-iskola (Ara paragrafu 8)

8. X’tistaʼ titgħallem mill-​eżempju taʼ Danjel?

8 X’tistaʼ titgħallem mill-​eżempju taʼ Danjel? Individwu matur se jkun sod fit-​twemmin tiegħu, anki fi żminijiet diffiċli. Mhux se jkun bħal kamaleonte li jbiddel il-​kulur skont l-​ambjent li jkun fih. Ma jgħixx ħajja doppja billi jġib ruħu bħala ħabib t’Alla fis-​Sala tas-​Saltna imma mbagħad iġib ruħu bħala ħabib tad-​dinja fl-​iskola. Minflok, se jkun leali anki meta jgħaddi minn provi.—Aqra Efesin 4:14, 15.

Individwu żagħżugħ li hu matur se jkun sod fit-​twemmin tiegħu, anki fi żminijiet diffiċli

9, 10. (a) Xi ħadd li għadu żgħir kif jistaʼ jibbenefika jekk jaħseb dwar kif irreaġixxa dan l-​aħħar għal provi tal-​fidi? (b) Il-​magħmudija xi tfisser?

9 Ovvjament, ħadd mhu perfett. Kemm il-​kbar u kemm iż-​żgħar kultant jiżbaljaw. (Ekkleżjasti 7:20) Imma jekk trid titgħammed, ikun għaqli jekk issir taf kemm int determinat li tobdi l-​kmandi taʼ Ġeħova. Saqsi lilek innifsek, ‘Obdejt lil Ġeħova tul perijodu taʼ żmien?’ Aħseb dwar kif irreaġixxejt l-​aħħar darba li l-​fidi tiegħek għaddiet minn prova. Irnexxielek tiddeċiedi x’kienet il-​ħaġa t-​tajba li kellek tagħmel? Bħal Danjel, kien hemm xi ħadd li inkuraġġiek biex tuża t-​talenti tiegħek fid-​dinja taʼ Satana? Meta xi ħaġa li tħajrek bħal din tkun quddiemek, jirnexxilek tifhem x’inhi r-​rieda taʼ Ġeħova?—Efesin 5:17.

10 Għala hu importanti li tkun taf it-​tweġibiet taʼ dawn il-​mistoqsijiet persunali? Għax se jgħinuk tara kemm hi verament serja l-​magħmudija. Il-​magħmudija turi lil oħrajn li int għamilt wegħda importanti lil Ġeħova. Int wegħedt li se tħobbu u taqdih għal dejjem b’qalbek kollha. (Marku 12:30) Kull min jitgħammed għandu jkun determinat li jżomm il-​wegħda tiegħu maʼ Ġeħova.—Aqra Ekkleżjasti 5:4, 5.

HIJA X-​XEWQA PERSUNALI TIEGĦEK?

11, 12. (a) Xi ħadd li qed jaħseb biex jitgħammed, minn xiex irid ikun ċert? (b) X’se jgħinek iżżomm il-​ħarsa t-​tajba lejn l-​arranġament taʼ Ġeħova tal-​magħmudija?

11 Il-​Bibbja tgħid li n-​nies kollha taʼ Ġeħova, anki dawk żgħar, kienu se jaqduh “minn rajhom.” (Salm 110:3) Allura, xi ħadd li jrid jitgħammed irid ikun ċert li din hi x-​xewqa persunali tiegħu. Dan jistaʼ jirrikjedi li teżamina x-​xewqa tiegħek bir-​reqqa, speċjalment jekk trabbejt fil-​verità.

12 Int u tikber, abbli rajt lil ħafna nies jitgħammdu, forsi anki ftit minn sħabek u ħutek. Imma oqgħod attent li ma tibdiex tħoss li għandek titgħammed għax sempliċiment wasalt f’ċerta età jew għax kulħadd qed jitgħammed. Kif tistaʼ tkun ċert li qed tħares lejn il-​magħmudija bil-​mod kif iħares lejha Ġeħova? Ħu l-​ħin biex taħseb dwar għala l-​magħmudija hi tant importanti. Se ssib ħafna raġunijiet tajbin f’dan l-​artiklu u fl-​artiklu li jmiss.

13. Kif tistaʼ tkun taf jekk id-​deċiżjoni tiegħek biex titgħammed hix ġejja minn qalbek?

13 Mod wieħed kif tkun taf jekk id-​deċiżjoni biex titgħammed hix ġejja minn qalbek hu billi teżamina t-​talb tiegħek. Kemm spiss titlob lil Ġeħova? Kemm hu speċifiku t-​talb tiegħek? It-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet jistgħu juru kemm għandek relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova. (Salm 25:4) Ħafna drabi Ġeħova jipprovdi t-​tweġibiet għat-​talb tagħna fil-​Bibbja. Għalhekk, mod ieħor kif tistaʼ tkun taf jekk verament tixtieqx tersaq eqreb lejn Ġeħova u taqdih minn qalbek hu billi teżamina l-​iskeda tiegħek taʼ studju. (Ġożwè 1:8) Saqsi lilek innifsek, ‘Kemm hu regulari l-​istudju persunali tiegħi tal-​Bibbja? Nipparteċipa jien minn jeddi fil-​qima bħala familja?ʼ It-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet se jgħinuk tara jekk id-​deċiżjoni tiegħek biex titgħammed hijiex xewqa persunali.

XI TFISSER ID-​DEDIKAZZJONI?

14. Iddeskrivi d-​differenza bejn id-​dedikazzjoni u l-​magħmudija.

14 Xi wħud iżgħar fl-​età ma jifhmux verament x’inhi d-​differenza bejn id-​dedikazzjoni u l-​magħmudija. Xi wħud forsi jgħidu li diġà ddedikaw ruħhom lil Ġeħova imma għadhom mhumiex lesti li jitgħammdu. Imma huwa verament possibbli dan? Dedikazzjoni hi talba li fiha tgħid lil Ġeħova li int twiegħed li taqdih għal dejjem. Meta titgħammed, turi lil oħrajn li diġà għamilt dedikazzjoni lil Ġeħova. Allura qabel ma titgħammed, trid tifhem xi jfisser li tkun iddedikat lil Alla.

15. Id-​dedikazzjoni xi tfisser?

15 Meta tiddedika ħajtek lil Ġeħova, tkun qed tgħidlu li int issa tiegħu. Tkun qed twiegħdu li l-​iktar ħaġa li se tkun importanti f’ħajtek hi li taqdi lilu. (Aqra Mattew 16:24.) Wegħda bħal din lil Ġeħova hi serja ħafna! (Mattew 5:33) Allura, kif turi li taf li int issa taʼ Ġeħova u mhux iktar tiegħek stess?—Rumani 14:8.

16, 17. (a) Agħti eżempju biex tispjega xi tfisser li tiċħad lilek innifsek. (b) Xi ħadd li jiddedika ruħu xi jkun verament qed jgħid lil Ġeħova?

16 Ejja nikkunsidraw eżempju. Immaġina li ħabib jagħtik karozza bħala rigal. Jagħtik id-​dokumenti uffiċjali tal-​karozza u jgħidlek: “Din il-​karozza għalik.” Imma mbagħad sieħbek jgħid: “Jien se nżomm iċ-​ċwievet. U jien se nsuq il-​karozza mhux int.” Kieku kif tħossok dwar dan ir-​rigal? Kif kont tħossok dwar il-​ħabib li tak il-​karozza?

17 Meta xi ħadd jiddedika ħajtu lil Ġeħova, ikun qed jgħid lil Alla: “Qed nagħtik ħajti. Jien tiegħek.” Ġeħova bi dritt jistenna li dan l-​individwu jżomm kelmtu. Imma xi ngħidu jekk l-​individwu jibda jkun diżubbidjenti lejn Ġeħova billi bil-​moħbi joħroġ maʼ xi ħadd li ma jaqdix lil Alla? Jew xi ngħidu jekk jaċċetta xogħol li jillimita l-​ammont taʼ ħin li jistaʼ jqattaʼ fil-​ministeru jew li jġiegħlu jitlef il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni taʼ spiss? Jekk jiġri hekk, dan l-​individwu ma jkunx qed iżomm il-​wegħda li għamel maʼ Ġeħova. Ikun bħallikieku qed iżomm iċ-​ċwievet tal-​karozza. Meta niddedikaw ħajjitna lil Ġeħova, inkunu qed ngħidulu, “Ħajti tiegħek, mhix tiegħi.” Allura dejjem se nagħmlu dak li jrid Ġeħova, anki meta ma jkunx dak li aħna persunalment nixtiequ nagħmlu. Ejja nimitaw lil Ġesù, li qal: “Jien ma nżiltx mis-​sema biex nagħmel ir-​rieda tiegħi imma r-​rieda taʼ dak li bagħatni.”—Ġwanni 6:38.

Il-​magħmudija hi deċiżjoni serja u privileġġ kbir

18, 19. (a) Il-​mod taʼ kif Rose u Christopher esprimew ruħhom kif juri li l-​fatt li wieħed ikun mgħammed hu privileġġ li jwassal għall-​barkiet? (b) Kif tħossok dwar il-​privileġġ tal-​magħmudija?

18 Jidher ċar li l-​magħmudija hi deċiżjoni serja. Hu privileġġ kbir li tiddedika ħajtek lil Ġeħova u li titgħammed. Uħud iżgħar fl-​età li jħobbu lil Ġeħova u li jifhmu xi tfisser id-​dedikazzjoni ma jżommux lura milli jiddedikaw ħajjithom lil Alla u jitgħammdu. Ma jiddispjaċihomx mid-​deċiżjoni li ħadu. Żagħżugħa mgħammda jisimha Rose tgħid: “Jien inħobb lil Ġeħova, u xejn ma jistaʼ jagħtini iktar ferħ daqskemm jagħtini l-​fatt li qed naqdih. Qatt ma kont daqshekk ċerta dwar xi ħaġa f’ħajti daqs meta kont iddeċidejt li nitgħammed.”

19 U xi ngħidu għal Christopher, li ssemma fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu? Kif iħossu dwar id-​deċiżjoni tiegħu li kien tgħammed taʼ 12-​il sena? Hu jgħid li hu ferħan ħafna li ħa din id-​deċiżjoni. Beda jaqdi bħala pijunier regulari meta kellu 17-​il sena u sar qaddej ministerjali taʼ 18-​il sena. Illum il-​ġurnata qed jaqdi f’Betel. Hu jgħid: “Il-​magħmudija kienet id-​deċiżjoni t-​tajba. Ħajti hi mimlija b’xogħol sodisfaċenti għal Ġeħova u għall-​organizzazzjoni tiegħu.” Jekk trid titgħammed, kif tistaʼ tipprepara għall-​magħmudija? L-​artiklu li jmiss se jwieġeb din il-​mistoqsija.