Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ibbenefika kemm jistaʼ jkun mill-provvedimenti taʼ Ġeħova

Ibbenefika kemm jistaʼ jkun mill-provvedimenti taʼ Ġeħova

“Jien, Ġeħova, jien Alla tiegħek, li ngħallmek għall-​ġid tiegħek.”—ISAIJA 48:17.

GĦANJIET: 117, 114

1, 2. (a) Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kif iħossuhom dwar il-​Bibbja? (b) Liema hi l-​parti favorita tiegħek mill-​Bibbja?

BĦALA Xhieda taʼ Ġeħova, aħna nħobbu l-​Bibbja. Din tfarraġna, ittina tama u istruzzjonijiet taʼ min joqgħod fuqhom. (Rumani 15:4) Mhix ktieb b’ideat tan-​nies imma hi “l-​kelma t’Alla.”—1 Tessalonikin 2:13.

2 Probabbilment, ilkoll għandna l-​parti favorita tagħna mill-​Bibbja. Xi wħud iħobbu l-​Evanġelji għax juru l-​personalità sabiħa taʼ Ġeħova permezz taʼ Ġesù. (Ġwanni 14:9) Oħrajn jippreferu kotba profetiċi bħal tar-​Rivelazzjoni, li juruna “dak li jrid iseħħ dalwaqt.” (Rivelazzjoni 1:1) Xi wħud jiġu mfarrġin meta jaqraw is-​Salmi, u oħrajn jieħdu pjaċir jaqraw il-​pariri t’għajnuna fil-​ktieb tal-​Proverbji. Allura, jidher ċar li l-​Bibbja hi ktieb għal kulħadd.

3, 4. (a) Kif inħossuna dwar il-​pubblikazzjonijiet tagħna? (b) Liema pubblikazzjonijiet nirċievu għal gruppi taʼ nies speċifiċi?

3 Minħabba li nħobbu l-​Bibbja, inħobbu wkoll il-​pubblikazzjonijiet tagħna, li huma bbażati fuq il-​Kelma t’Alla. Kull ktieb, browxer, rivista, u letteratura oħra li nirċievu hu provvediment minn Ġeħova. Dawn jgħinuna nibqgħu qrib tiegħu u nżommu l-​fidi tagħna b’saħħitha.—Titu 2:2.

4 Ħafna mill-​pubblikazzjonijiet tagħna huma miktubin għax-​Xhieda taʼ Ġeħova inġenerali. Madankollu, hemm xi pubblikazzjonijiet li huma miktubin għal gruppi speċifiċi, bħaż-​żgħażagħ jew il-​ġenituri. Il-​maġġorparti tal-​artikli u l-​vidjows fuq il-​Websajt tagħna huma mħejjijin b’mod speċifiku għan-​nies li mhumiex Xhieda taʼ Ġeħova. Varjetà taʼ materjal bħal dan turi li Ġeħova żamm kelmtu dwar li jipprovdi ħafna istruzzjonijiet għan-​nies kollha.—Isaija 25:6.

5. Liema ħaġa nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova japprezza?

5 Il-​maġġorparti minna jixtiequ jkollhom iktar ħin biex jaqraw il-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet tagħna. Allura, mhux dejjem inkunu nistgħu nqattgħu l-​istess ammont taʼ ħin biex nistudjaw kull pubblikazzjoni li nirċievu. Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jieħu pjaċir bina meta nużaw il-​ħin tagħna bil-​għaqal ħalli nkunu nistgħu naqraw u nistudjaw il-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet tagħna. (Efesin 5:15, 16) Madankollu, hemm periklu li għandna noqogħdu attenti li nevitaw. X’inhu?

6. X’jistaʼ jtellifna mill-​provvedimenti taʼ Ġeħova?

6 Jekk ma noqogħdux attenti, għandu mnejn naħsbu li xi partijiet mill-​Bibbja jew ċerti pubblikazzjonijiet ma japplikawx għalina. Pereżempju, xi ngħidu jekk parti mill-​Bibbja ma tidhirx prattika għas-​sitwazzjoni tagħna? Jew xi ngħidu jekk il-​pubblikazzjoni mhix indirizzata direttament għalina? Se naqraw din it-​tip t’informazzjoni fuq fuq jew saħansitra nevitaw li naqrawha għalkollox? Jekk iva, jistaʼ jkun li qed nitilfu mill-​informazzjoni taʼ valur li tkun taʼ ġid għalina. Kif nistgħu nevitaw dan il-​periklu? Għandna niftakru li l-​informazzjoni kollha li nirċievu ġejja mingħand Ġeħova. Fil-​Bibbja naqraw: “Jien, Ġeħova, jien Alla tiegħek, li ngħallmek għall-​ġid tiegħek.” (Isaija 48:17) F’dan l-​artiklu, se niddiskutu tliet suġġerimenti li se jgħinuna nibbenefikaw mill-​provvedimenti kollha li Ġeħova jagħtina.

SUĠĠERIMENTI BIEX TIBBENEFIKA MILL-​QARI TAL-​BIBBJA

7. Għala rridu naqraw il-​Bibbja b’moħħ miftuħ?

7 Aqra b’moħħ miftuħ. Huwa minnu li xi partijiet mill-​Bibbja ġew miktubin għal persuna partikulari jew grupp taʼ nies. Madankollu, il-​Bibbja tgħid b’mod ċar li “l-​Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla” u hi taʼ benefiċċju. (2 Timotju 3:16) Huwa għalhekk li għandna bżonn moħħ miftuħ meta naqraw il-​Bibbja. Ħu jipprova jiftakar li hu jistaʼ jitgħallem ħafna lezzjonijiet minn rakkont wieħed biss. Dan jgħinu jifhem lezzjonijiet li mhumiex daqstant ovvji. Allura qabel naqraw il-​Bibbja, nagħmlu tajjeb li nitolbu biex ikollna moħħ miftuħ u biex ikollna l-​għerf ħalli nifhmu l-​lezzjonijiet li Ġeħova jridna nitgħallmu.—Esdra 7:10; aqra Ġakbu 1:5.

Qed tieħu l-benefiċċji kollha mill-qari tal-Bibbja? (Ara paragrafu 7)

8, 9. (a) Meta naqraw il-​Bibbja, liema mistoqsijiet nistgħu nsaqsu lilna nfusna? (b) Il-​kwalifiki għall-​anzjani Kristjani, x’jgħidulna dwar Ġeħova?

8 Saqsi mistoqsijiet. Meta taqra l-​Bibbja, ieqaf u saqsi lilek innifsek dawn il-​mistoqsijiet: ‘Dan x’jgħidli dwar Ġeħova? Kif nistaʼ nuża din l-​informazzjoni f’ħajti? Kif nistaʼ nużaha biex ngħin lil ħaddieħor?’ Meta nimmeditaw fuq dawn il-​mistoqsijiet se nibbenefikaw iktar mill-​qari tal-​Bibbja tagħna. Ejja nikkunsidraw eżempju. Il-​Bibbja tiddeskrivi ċerti kwalifiki għall-​anzjani Kristjani. (Aqra l-​1 Timotju 3:2-​7.) Madankollu l-​maġġorparti minna mhumiex anzjani, allura għandu mnejn naħsbu li din l-​informazzjoni ma tistaʼ tgħinna bl-​ebda mod. Madankollu, ejja nużaw it-​tliet mistoqsijiet li ssemmew qabel biex naraw kif din il-​lista taʼ kwalifiki tistaʼ tgħin lil kulħadd.

9 “Dan x’jgħidli dwar Ġeħova?” Ġeħova tana l-​lista taʼ kwalifiki għall-​anzjani. Hu għandu livelli għoljin għall-​irġiel li jieħdu ħsieb il-​kongregazzjoni. Dan juri li l-​kongregazzjoni hi prezzjuża għal Ġeħova. Il-​Bibbja tgħid li hu xtraha “bid-​demm taʼ Ibnu stess.” (Atti 20:28) Allura Ġeħova jistenna li l-​anzjani jkunu t’eżempju tajjeb, u huma jridu jagħtu kont lilu għal mod kif jittrattaw lill-​membri tal-​kongregazzjoni. Hu jridna nħossuna fis-​sigurtà taħt il-​ħarsien tagħhom. (Isaija 32:1, 2) Meta nitgħallmu dwar dawn il-​kwalifiki, se naraw kemm Ġeħova verament jieħu ħsiebna.

Ġeħova jistenna minna lkoll li nkunu raġunevoli u li nagħmlu ġudizzju tajjeb

10, 11. (a) Meta naqraw il-​kwalifiki għall-​anzjani, kif nistgħu napplikaw l-​informazzjoni f’ħajjitna? (b) Kif nistgħu nużaw din l-​informazzjoni biex ngħinu lil ħaddieħor?

10 “Kif nistaʼ nuża din l-​informazzjoni f’ħajti?” Jekk int diġà anzjan, għandek tirrivedi din il-​lista taʼ kwalifiki b’mod regulari u tipprova titjieb. Jekk ‘qed tirsisti għal kariga taʼ indokratur,’ għandek tipprova tilħaq dawn il-​kwalifiki bl-​aħjar mod li tistaʼ. (1 Timotju 3:1) Imma l-​Kristjani kollha jistgħu jitgħallmu minn dawn il-​kwalifiki. Pereżempju, Ġeħova jistenna minna lkoll li nkunu raġunevoli u li nagħmlu ġudizzju tajjeb. (Filippin 4:5; 1 Pietru 4:7) Meta l-​anzjani jkunu taʼ ‘eżempju għall-​merħla,’ inkunu nistgħu nitgħallmu mingħandhom u ‘nimitaw il-​fidi tagħhom.’—1 Pietru 5:3; Ebrej 13:7.

11 “Kif nistaʼ nuża din l-​informazzjoni biex ngħin lil ħaddieħor?” Aħna nistgħu nużaw din il-​lista taʼ kwalifiki għall-​anzjani Kristjani biex ngħinu studenti tal-​Bibbja u oħrajn interessati biex jifhmu kif l-​anzjani huma differenti mill-​kleru reliġjuż. Din il-​lista tistaʼ wkoll tgħin lilna biex niftakru x-​xogħol iebes li l-​anzjani jagħmlu fil-​kongregazzjoni tagħna. U b’hekk, din se tgħinna nirrispettaw dawn l-​aħwa. (1 Tessalonikin 5:12) Iktar ma nirrispettawhom, iktar se jkunu ferħanin fl-​inkarigu tagħhom.—Ebrej 13:17.

12, 13. (a) Permezz tal-​għodod disponibbli għalina, liema tip taʼ riċerka nistgħu nagħmlu? (b) Agħti eżempju taʼ kif riċerka għandha mnejn tgħinna nitgħallmu lezzjonijiet li ma jkunux daqshekk ovvji.

12 Agħmel riċerka. Meta nistudjaw il-​Bibbja, nistgħu nfittxu għat-​tweġibiet tal-​mistoqsijiet li ġejjin:

  • Min kiteb din il-​parti tal-​Bibbja?

  • Fejn u meta nkitbet?

  • Liema ġrajjiet importanti kienu qed iseħħu meta inkiteb dan il-​ktieb?

Informazzjoni bħal din tistaʼ tgħinna nitgħallmu lezzjonijiet li ma jkunux daqshekk ovvji għalina.

13 Pereżempju, Eżekjel 14:13, 14 jgħid: “Jekk pajjiż jidneb kontrija billi jaġixxi bla fedeltà, jien immidd idi kontrih u nkissirlu l-​bsaten li jdendlu l-​ftajjar magħhom, u nibgħat fuqu l-​ġuħ u naqtaʼ minnu l-​bniedem u l-​annimal domestiku. ‘U kieku kellu jkun hemm fih dawn it-​tlett irġiel, Noè, Danjel, u Ġob, kienu jeħilsu biss lilhom infushom minħabba s-​sewwa tagħhom,’ hija l-​kelma tal-​Mulej Sovran Ġeħova.” Jekk nagħmlu ftit riċerka, nitgħallmu li Eżekjel kiteb dan il-​kliem madwar 612-​il sena qabel Kristu (QK). Noè u Ġob diġà kienu ilhom mejtin mijiet taʼ snin, imma Ġeħova baqaʼ jiftakar il-​lealtà tagħhom. Madankollu, Danjel, kien għadu ħaj. Aktarx, kellu xi 20 sena meta Ġeħova qal li kien ġust bħal Noè u Ġob. X’nitgħallmu? Ġeħova jara u japprezza lill-​qaddejja kollha tiegħu, inkluż iż-​żgħażagħ.—Salm 148:12-​14.

IBBENEFIKA MINN VARJETÀ TAʼ PUBBLIKAZZJONIJIET

14. Il-​materjal ippubblikat għaż-​żgħażagħ kif jgħinhom, u kif jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għal oħrajn ukoll? (Ara l-​ewwel stampa.)

14 Letteratura għaż-​żgħażagħ. Aħna tgħallimna li nistgħu nibbenefikaw mill-​partijiet kollha tal-​Bibbja. B’mod simili, aħna nistgħu nibbenefikaw mill-​pubblikazzjonijiet kollha. Ejja nikkunsidraw ftit eżempji. Fis-​snin reċenti, Ġeħova pprovda ħafna informazzjoni għaż-​żgħażagħ. [1] (Ara n-​nota fl-​aħħar.) Din l-​informazzjoni tgħinhom ikampaw mal-​pressjoni tal-​iskola u l-​isfidi li jkollhom huma u jikbru. Imma kif jistaʼ jibbenefika kulħadd mill-​qari taʼ dawn l-​artikli u l-​kotba? Meta naqraw din l-​informazzjoni, nitgħallmu dwar il-​problemi li għandhom iż-​żgħażagħ u nkunu f’pożizzjoni aħjar biex ngħinuhom u ninkuraġġuhom.

Il-​Kristjani adulti m’għandhomx ikunu tant imkabbrin li ma jaqrawx l-​informazzjoni għaż-​żgħażagħ

15. Il-​Kristjani adulti għala għandhom ikunu interessati fl-​informazzjoni għaż-​żgħażagħ?

15 Il-​Kristjani adulti m’għandhomx ikunu tant imkabbrin li ma jaqrawx l-​informazzjoni għaż-​żgħażagħ. Ħafna mill-​problemi diskussi fl-​artikli għaż-​żgħażagħ jeffettwaw lill-​Kristjani kollha. Pereżempju, ilkoll kemm aħna għandna bżonn li niddefendu t-​twemmin tagħna, nikkontrollaw l-​emozzjonijiet tagħna, nirrifjutaw pressjoni minn dawk taʼ madwarna, u nevitaw sħubija ħażina u divertiment ħażin. Allura, anki jekk dawn il-​pubblikazzjonijiet inkitbu għaż-​żgħażagħ, l-​informazzjoni taʼ ġo fihom ġejja mill-​Bibbja u l-​Kristjani kollha jistgħu jibbenefikaw minnha.

16. Il-​pubblikazzjonijiet tagħna x’jistgħu jgħinuhom jagħmlu iktar liż-​żgħażagħ?

16 Il-​pubblikazzjonijiet miktubin għaż-​żgħażagħ jistgħu jgħinuhom ukoll biex isaħħu r-​relazzjoni li għandhom maʼ Ġeħova. (Aqra Ekkleżjasti 12:1, 13.) U l-​adulti jistgħu jibbenefikaw minnhom ukoll. Pereżempju, il-​ħarġa taʼ Stenbaħ! taʼ Lulju 2009 kien fiha l-​artiklu “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . . Kif Nistaʼ Nagħmel il-​Qari tal-​Bibbja Pjaċevoli?” Dan l-​artiklu kellu ħafna suġġerimenti t’għajnuna u kellu kaxxa li setgħet tiġi mqasqsa, merfugħa, u użata għall-​istudju. L-​adulti bbenefikaw mill-​artiklu? Omm miżżewġa qalet li l-​qari tal-​Bibbja dejjem kien diffiċli għaliha. Imma hi użat is-​suġġerimenti f’dan l-​artiklu u issa tħares ’il quddiem għall-​qari tal-​Bibbja. Hi tgħid li qed tieħu pjaċir tara kif il-​kotba tal-​Bibbja huma relatati maʼ xulxin u tistaʼ toħloq stampa ċara f’moħħha u żżid tgħid, “Qatt ma kont daqshekk eċċitata biex naqra l-​Bibbja.”

17, 18. Kif nistgħu nibbenefikaw billi naqraw materjal miktub għall-​pubbliku? Agħti eżempju.

17 Letteratura għall-​pubbliku. Mill-​2008 ħadna pjaċir bl-​edizzjoni għall-​istudju tat-​Torri tal-​Għassa. Din il-​ħarġa hi miktuba l-​iktar għax-​Xhieda taʼ Ġeħova, imma għandna wkoll rivisti li huma iktar għall-​pubbliku. Kif nistgħu nibbenefikaw minn dawn ukoll? Ejja naraw eżempju. Żgur li tkun eċċitat meta tkun stidint individwu biex jiġi s-​Sala tas-​Saltna u dan jiġi. Waqt li l-​kelliemi jkun qed jagħti taħdita, tkun qed taħseb dwar il-​mistieden tiegħek. Int tibda taħseb dwar kif qed iħossu dan l-​individwu dwar l-​affarijiet li jkun qed jismaʼ u kif l-​informazzjoni tistaʼ tbiddillu ħajtu. B’hekk, qalbek titqanqal u tkun saħansitra iktar grat għal dak is-​suġġett.

18 Xi ħaġa simili għandu mnejn tiġri lilna meta naqraw letteratura għall-​pubbliku. Pereżempju, l-​edizzjoni għall-​pubbliku tat-​Torri tal-​Għassa u artikli fuq jw.org jispjegaw il-​Bibbja billi jintużaw kliem u espressjonijiet li jkunu faċli biex jiġu mifhuma. Meta naqraw din l-​informazzjoni, ikollna fehma aħjar u aktar imħabba għall-​verità tal-​Bibbja li diġà konna nafu. Apparti minn hekk, għandu mnejn nitgħallmu modi ġodda kif nispjegaw it-​twemmin tagħna fil-​ministeru. B’mod simili, ir-​rivista Stenbaħ! issaħħilna t-​twemmin tagħna dwar li hemm Ħallieq. Tgħinna wkoll nitgħallmu kif niddefendu t-​twemmin tagħna.—Aqra l-​1 Pietru 3:15.

19. Kif nistgħu nuru lil Ġeħova li aħna grati għall-​provvedimenti tiegħu?

19 B’mod ċar, Ġeħova pprovda ħafna pariri u istruzzjonijiet għall-​ġid tagħna. (Mattew 5:3) Ejja nkomplu naqraw u napplikaw l-​informazzjoni kollha li tana. Jekk nagħmlu hekk, se nibbenefikaw u nuru lil Ġeħova li aħna grati għall-​provvedimenti kollha tiegħu.—Isaija 48:17.

^ [1] (paragrafu 14) Informazzjoni bħal din tinkludi Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom, L-​1 Volum bil-​Malti u It-​2 Volum bl-​Ingliż, u s-​serje “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu,” li issa qed tiġi ppubblikata biss fuq l-​Internet.