Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Irranġa kull nuqqas taʼ qbil bi mħabba

Irranġa kull nuqqas taʼ qbil bi mħabba

“Żommu l-​paċi bejnietkom.”—MARKU 9:50.

GĦANJIET: 39, 77

1, 2. Liema konflitti naqraw dwarhom f’​Ġenesi, u dan għala hu taʼ interess għalina?

ĠIELI ħsibt dwar il-​konflitti persunali li nsibu fil-​Bibbja? Biss biss fl-​ewwel ftit kapitli taʼ Ġenesi, nitgħallmu li Kajjin qatel lil Abel (Ġenesi 4:3-​8); Lamek qatel raġel żagħżugħ talli weġġgħu fiżikament (Ġenesi 4:23); ir-​ragħajja t’Abraham kellhom xi jgħidu mar-​ragħajja taʼ Lot (Ġenesi 13:5-​7); Ħagar ħassitha superjuri għal Sara, u Sara rrabjat m’Abraham (Ġenesi 16:3-​6); u Ismagħel kien kontra kulħadd, u kulħadd kien kontrih.—Ġenesi 16:12.

2 Konflitti bħal dawn għala ssemmew fil-​Bibbja? Għax nistgħu nitgħallmu minn dawn l-​eżempji taʼ nies imperfetti li kellhom problemi reali. Aħna wkoll imperfetti, u meta nħabbtu wiċċna maʼ problemi simili f’ħajjitna nistgħu nimitaw l-​eżempji tajbin li nsibu fil-​Bibbja u nevitaw dawk ħżiena. (Rumani 15:4) Dan jistaʼ jgħinna nitgħallmu kif inżommu l-​paċi m’oħrajn.

3. X’se nitgħallmu f’dan l-​artiklu?

3 F’dan l-​artiklu, se nitgħallmu dwar għala għandna nirranġaw kull nuqqas taʼ qbil li jkollna, u kif nistgħu nagħmlu dan. Se nitgħallmu wkoll xi prinċipji bażiċi tal-​Bibbja li jistgħu jgħinuna nsolvu l-​problemi u nżommu relazzjoni tajba maʼ Ġeħova u m’oħrajn.

IL-​QADDEJJA T’ALLA GĦALA GĦANDHOM JIRRANĠAW KULL NUQQAS TAʼ QBIL?

4. Liema attitudni nfirxet madwar id-​dinja, u x’kien ir-​riżultat taʼ dan?

4 Satana hu r-​raġuni prinċipali għala hawn il-​frid u daqstant nuqqas taʼ qbil fost in-​nies. Il-​għala ngħidu hekk? Fil-​ġnien tal-​Għeden, Satana qal li kulħadd jistaʼ u għandu d-​dritt jiddeċiedi għalih innifsu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, mingħajr ma jagħti kas x’jaħseb Alla. (Ġenesi 3:1-​5) Imma meta nagħtu ħarsa lejn id-​dinja llum, nistgħu naraw li attitudni bħal din iġġib biss problemi. Ħafna nies iħossu li għandhom id-​dritt li jiddeċiedu għalihom infushom x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Huma kburin, egoisti, u jimpikaw, u ma jimpurtahomx jekk id-​deċiżjonijiet li jieħdu jweġġgħux ’il ħaddieħor. Attitudni bħal din twassal għall-​konflitti. Il-​Bibbja tfakkarna li jekk inkunu ħfief biex nirrabjaw, se jkollna ħafna nuqqas taʼ qbil bejnietna u nikkommettu ħafna dnubiet.—Proverbji 29:22.

5. Ġesù kif għallem lin-​nies biex jirranġaw nuqqas taʼ qbil?

5 Meta Ġesù ta l-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja, hu għallem lid-​dixxipli tiegħu biex jagħmlu paċi u jevitaw in-​nuqqas taʼ qbil, anke meta dan setaʼ deher li se jmorru minn taħt. Pereżempju, hu qalilhom biex juru qalb tajba, biex iżommu l-​paċi bejniethom, biex jeħilsu minn sentimenti bħal rabja, biex isolvu nuqqas taʼ qbil malajr kemm jistaʼ jkun, u biex iħobbu l-​għedewwa tagħhom.—Mattew 5:5, 9, 22, 25, 44.

6, 7. (a) Għala hu importanti li ma ndumux biex nirranġaw xi nuqqas taʼ qbil li jistaʼ jkollna? (b) In-​nies kollha taʼ Ġeħova liema mistoqsijiet għandhom isaqsu lilhom infushom?

6 Illum il-​ġurnata, inkunu qed inqimu lil Ġeħova meta nitolbu, nippritkaw, u mmorru l-​laqgħat tagħna. Jekk ma nżommux il-​paċi maʼ ħutna, Ġeħova mhux se jaċċetta l-​qima tagħna lejh. (Marku 11:25) Biex inkunu l-​ħbieb taʼ Ġeħova, irridu naħfru lill-​oħrajn meta jiżbaljaw.—Aqra Luqa 11:4; Efesin 4:32.

Ħafif int biex taħfer lil ħutek?

7 Ġeħova jistenna li l-​qaddejja kollha tiegħu jaħfru lil xulxin u jkollhom relazzjoni paċifika m’oħrajn. Nistgħu nsaqsu lilna nfusna: ‘Naħfer lil ħuti malajr kemm jistaʼ jkun? Nieħu pjaċir inkun magħhom?’ Jekk tirrealizza li għandek bżonn tkun iktar ħafif biex taħfer, itlob lil Ġeħova biex jgħinek titjieb f’dan ir-​rigward. Missierna tas-​sema se jismaʼ talb umli bħal dan u jwieġbu.—1 Ġwanni 5:14, 15.

TISTAʼ TĦALLI N-​NUQQAS GĦADDEJ?

8, 9. X’għandna nagħmlu jekk nieħdu għalina?

8 Aħna kollha imperfetti, għalhekk m’għandniex niħduha bi kbira jekk in-​nies jgħidu jew jagħmlu affarijiet li jistgħu jweġġgħuna. (Ekkleżjasti 7:20; Mattew 18:7) Kif se tirreaġixxi? Nistgħu nitgħallmu lezzjoni importanti mill-​esperjenza li ġejja: Oħt laqgħet żewġ aħwa rġiel f’get-​together. Imma wieħed mill-​aħwa rġiel ħa għalih minħabba l-​mod kif kienet laqgħetu. Meta ż-​żewġ aħwa kienu waħedhom, il-​ħu li ħa għalih beda jgerger dwar l-​oħt. Imma l-​ħu l-​ieħor fakkru li l-​oħt kienet ilha 40 sena taqdi lil Ġeħova b’lealtà minkejja ħafna diffikultajiet li ffaċċjat. Kien ċert li l-​oħt ma kellhiex l-​intenzjoni li tweġġgħu. L-​ewwel ħu kif irreaġixxa? Hu qal: “Għandek raġun.” Imbagħad għażel li jinsa dak li kien ġara.

9 Din l-​esperjenza x’tgħallimna? Tgħallimna li meta xi ħadd jirfsilna l-​kallu, nistgħu nagħżlu kif se nirreaġixxu. Persuna li tħobb se tkun lesta li taħfer. (Aqra Proverbji 10:12; 1 Pietru 4:8.) Għal Ġeħova hi ħaġa sabiħa li ‘nħallu nuqqas għaddej.’ (Proverbji 19:11; Ekkleżjasti 7:9) Għalhekk, meta xi ħadd jgħid jew jagħmel xi ħaġa li tweġġgħek, saqsi lilek innifsek: ‘Nistaʼ nħalli n-​nuqqas għaddej? Tassew għandi għalfejn nibqaʼ nhewden dwaru?’

10. (a) Oħt kif irreaġixxiet għall-​ewwel meta xi wħud ikkritikawha? (b) Liema ħsieb Skritturali għen lil din l-​oħt biex ma titlifx il-​paċi ġewwinija tagħha?

10 Meta xi ħadd jgħid xi ħaġa negattiva dwarna, jistaʼ jkun diffiċli għalina biex ninjoraw dak li qal. Ikkunsidra dak li ġara lil oħt pijuniera. Xi wħud fil-​kongregazzjoni qalu affarijiet negattivi dwar il-​ministeru tagħha u l-​mod kif kienet tuża l-​ħin. Hi ħassitha mweġġgħa ħafna u saqsiet lil xi aħwa rġiel maturi għal parir. X’kien ir-​riżultat taʼ dan? Hi tgħid li użaw il-​Bibbja biex jgħinuha tieqaf taħseb iżżejjed dwar l-​opinjonijiet negattivi t’oħrajn u minflok tibda taħseb iktar dwar Ġeħova. Ħassitha inkuraġġita meta qrat Mattew 6:1-​4. (Aqra.) Dawn il-​versi fakkruha li l-​iktar ħaġa importanti hi li nferrħu lil Ġeħova. Allura għażlet li tinjora l-​kummenti negattivi t’oħrajn. Issa, anke jekk ħaddieħor jgħid affarijiet negattivi dwar il-​ministeru tagħha, hi ferħana għax taf li qed tagħmel l-​almu tagħha biex togħġob lil Ġeħova.

META MA TKUNX TISTAʼ TĦALLI N-​NUQQAS GĦADDEJ

11, 12. (a) Kristjan kif għandu jirreaġixxi jekk jaħseb li ħuh ‘għandu xi ħaġa kontrih’? (b) X’nistgħu nitgħallmu minn dak li għamel Abraham meta kien qam argument fost ir-​ragħajja? (Ara l-​ewwel stampa.)

11 “Ilkoll nitfixklu ħafna drabi.” (Ġakbu 3:2) Ejja ngħidu li ssir taf li ħu ħa għalih b’xi ħaġa li għedt jew għamilt. X’għandek tagħmel? Ġesù qal li “jekk waqt li tkun qed iġġib l-​għotja tiegħek lejn l-​artal tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontrik, itlaq l-​għotja tiegħek hemmhekk quddiem l-​artal, u mur l-​ewwel agħmel paċi maʼ ħuk, u mbagħad, meta tkun ġejt lura, offri l-​għotja tiegħek.” (Mattew 5:23, 24) Għalhekk tkellem maʼ ħuk. Meta tagħmel dan, il-​mira tiegħek għandha tkun li żżomm il-​paċi miegħu. Għandek tammetti l-​iżball tiegħek u mhux tipprova twaħħal fih. L-​iktar ħaġa importanti hi li nżommu l-​paċi maʼ ħutna.

Il-​mira tagħna għandha tkun li nżommu l-​paċi maʼ ħutna

12 Il-​Bibbja turina kif il-​qaddejja t’Alla jistgħu jżommu l-​paċi meta jkun hemm xi nuqqas taʼ qbil. Pereżempju, kemm Abraham u kemm neputih Lot kellhom ħafna annimali, u r-​ragħajja tagħhom kellhom xi jgħidu għax ma kienx hemm biżżejjed art għalihom kollha. Peress li Abraham ried iżomm il-​paċi, hu ħalla lil Lot jagħżel l-​aħjar art. (Ġenesi 13:1, 2, 5-​9) X’eżempju tajjeb għalina! Mar minn taħt, Abraham, minħabba l-​ġenerożità tiegħu? Lanqas xejn! Eżatt wara li ġara dan, Ġeħova wiegħed li jbierek lil Abraham b’ħafna iktar milli tilef. (Ġenesi 13:14-​17) X’nitgħallmu minn dan? Anke jekk immorru minn taħt, Ġeħova se jberikna meta bi mħabba nirranġaw in-​nuqqas taʼ qbil li jkollna. [1]—Ara n-​nota fl-​aħħar.

13. Indokratur kif irreaġixxa meta xi ħadd kellmu b’mod aħrax, u x’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tiegħu?

13 Ikkunsidra eżempju fi żmienna. L-​indokratur il-​ġdid taʼ wieħed mid-​dipartimenti tal-​konvenzjoni ċempel lil ċertu ħu biex isaqsih jekk ikunx lest li jaħdem f’dak id-​dipartiment. Il-​ħu kellmu b’mod aħrax u qatagħlu, għax kien għadu rrabjat mal-​indokratur li qabel kien jieħu ħsieb id-​dipartiment. L-​indokratur il-​ġdid ma ħax għalih, imma ma setax iħalli n-​nuqqas għaddej. Wara li għaddiet siegħa, reġaʼ ċempel lill-​ħu u ssuġġerixxa li jiltaqgħu flimkien. Il-​ġimgħa taʼ wara, l-​aħwa ltaqgħu fis-​Sala tas-​Saltna, u wara li talbu lil Ġeħova, damu jitkellmu għal siegħa. Il-​ħu spjega x’kien ġara mal-​indokratur l-​ieħor. L-​indokratur il-​ġdid b’qalb tajba tah widen u ddiskuta xi skritturi li kienu t’għajnuna. B’hekk, l-​aħwa żammew il-​paċi u ħadmu flimkien fil-​konvenzjoni. Il-​ħu hu grat li l-​indokratur kellmu b’qalb tajba u b’ġentilezza.

GĦANDEK TINVOLVI L-​ANZJANI?

14, 15. (a) Meta għandna napplikaw il-​parir f’​Mattew 18:15-​17? (b) Ġesù liema tliet passi semma, u x’għandha tkun il-​mira tagħna meta nsegwuhom?

14 Il-​biċċa l-​kbira mill-​problemi li jinqalgħu bejn żewġ Kristjani jistgħu u għandhom jitranġaw bejniethom. Però, kultant dan ma jkunx possibbli. Jistgħu jinqalgħu xi sitwazzjonijiet fejn ikun hemm bżonn l-​għajnuna t’oħrajn fi qbil maʼ dak li nsibu f’​Mattew 18:15-​17. (Aqra.) Id-​“dnub” li semma Ġesù ma kienx xi nuqqas taʼ qbil żgħir bejn il-​Kristjani. Kif nafu dan? Ġesù qal li jekk il-​midneb jirrifjuta li jindem wara li jitkellem maʼ ħuh, max-​xhieda, u mal-​aħwa rġiel responsabbli, dan għandu jiġi ttrattat “bħal raġel mill-​ġnus u bħal kollettur tat-​taxxi.” Illum il-​ġurnata, dan ifisser li għandu jiġi maqtugħ mis-​sħubija. Id-​“dnub” setaʼ jinkludi affarijiet bħall-​frodi jew il-​malafama. Imma Ġesù ma kienx qed jitkellem dwar dnubiet bħall-​adulterju, l-​omosesswalità, l-​apostasija, jew l-​idolatrija. Każijiet bħal dawn għandhom jitħallew f’idejn l-​anzjani.

Jistaʼ jkun li jkollna bżonn inkellmu lil ħu diversi drabi biex inżommu l-paċi (Ara paragrafu 15)

15 Il-​mira taʼ Ġesù meta ta dan il-​parir kienet li jurina kif għandna ngħinu lil ħu għax inħobbuh. (Mattew 18:12-​14) Kif nistgħu nsegwu dan il-​parir? (1) Għandna nipprovaw inżommu l-​paċi maʼ ħuna mingħajr ma ninvolvu lil oħrajn. Jistaʼ jkun li jkollna bżonn inkellmuh diversi drabi. Imma x’għandna nagħmlu jekk xorta ma jirnexxilniex inżommu l-​paċi? (2) Għandna nitkellmu maʼ ħuna quddiem xi ħadd li jaf bis-​sitwazzjoni jew li jistaʼ jara jekk ġratx xi ħaġa ħażina. Jekk il-​problema tissolva, tkun “ksibt lura lil ħuk.” Imma hu biss wara li tkun kellimt lil ħuk diversi drabi u ma jirnexxilekx iżżomm il-​paċi miegħu li għandek (3) tgħid lill-​anzjani bil-​kwistjoni.

16. Għala huwa prattiku u att taʼ mħabba li nsegwu l-​pariri taʼ Ġesù?

16 Fil-​maġġuranza tal-​każijiet ma jkunx hemm għalfejn tuża t-​tliet passi kollha li nsibu f’​Mattew 18:15-​17. Dan hu inkuraġġanti. Għala? Għax fil-​biċċa l-​kbira tal-​każijiet il-​midneb jinduna fejn żbalja u jirranġa l-​problema, u għalhekk ma jkunx hemm għalfejn jiġi maqtugħ mis-​sħubija. Imbagħad l-​individwu li ħa għalih għandu jaħfer lil ħuh, u b’hekk jikseb il-​paċi. Għalhekk, jidher ċar mill-​parir taʼ Ġesù li m’għandniex għalfejn immorru niġru għand l-​anzjani mill-​ewwel. Minflok, għandna ngħidulhom bil-​kwistjoni biss wara li nkunu ħadna l-​ewwel żewġ passi u jekk hemm evidenza ċara li saret xi ħaġa ħażina.

17. Liema barkiet se ngawdu meta ‘nfittxu l-​paċi’ m’oħrajn?

17 Sakemm għadna imperfetti, aħna se nibqgħu nweġġgħu lil oħrajn. Id-​dixxiplu Ġakbu kiteb: “Jekk xi ħadd ma jitfixkilx f’dak li jgħid, dan ikun raġel perfett, kapaċi jliġġem ukoll lil ġismu kollu.” (Ġakbu 3:2) Biex insolvu nuqqas taʼ qbil, irridu nagħmlu l-​almu tagħna biex ‘infittxu l-​paċi, u niġru warajha.’ (Salm 34:14) Meta nkomplu nżommu l-​paċi m’oħrajn aħna se jkollna ħbiberiji tajbin maʼ ħutna rġiel u nisa, u dan se jżommna magħqudin. (Salm 133:1-​3) L-​iktar importanti, aħna se jkollna ħbiberija mill-​qrib maʼ Ġeħova, “l-​Alla li jagħti l-​paċi.” (Rumani 15:33) Aħna se ngawdu dawn il-​benefiċċji kollha meta nirranġaw in-​nuqqasijiet taʼ bejnietna bl-​imħabba.

^ [1] (paragrafu 12) Oħrajn li rranġaw in-​nuqqas taʼ qbil b’mod paċifiku kienu Ġakobb, m’Għesaw (Ġenesi 27:41-​45; 33:1-​11); Ġużeppi, maʼ ħutu (Ġenesi 45:1-​15); u Gidegħon, man-​nies t’Efrajm (Imħallfin 8:1-​3). Forsi tistaʼ taħseb f’eżempji oħra tal-​Bibbja.