Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Ħlewwa—Għala Hi taʼ Ġid Għalina?

Il-Ħlewwa—Għala Hi taʼ Ġid Għalina?

Sara * tgħid: “Jiena persuna mistħija ħafna u ma tantx jien kunfidenti. Allura, ma tantx inkun komda maʼ nies li huma kunfidenti u fuq tagħhom. Nippreferi nkun maʼ xi ħadd kwiet u umli. Maʼ persuna hekk, jiena nħossni komda biex niftaħ qalbi u nitkellem dwar il-​problemi tiegħi. Dan it-​tip huma l-​ħbieb tal-​qalb tiegħi.”

Il-​kummenti taʼ Sara juru li meta nuru l-​ħlewwa, oħrajn se jixtiequ jkunu l-​ħbieb tagħna. Ukoll, Ġeħova jieħu pjaċir meta nuru l-​ħlewwa. Kelmtu tħeġġiġna: “Ilbsu sentimenti [taʼ] . . . ħlewwa.” (Kol. 3:12) X’inhi l-​kwalità tal-​ħlewwa? Ġesù kif wera l-​ħlewwa? U din il-​kwalità, kif tistaʼ tgħinna ngħixu ħajja iktar ferħana?

IL-​KWALITÀ TAL-​ĦLEWWA X’INHI?

Il-​ħlewwa hija kwalità li tiġi meta int tkun tħobb iżżomm il-​paċi. Xi ħadd li għandu l-​ħlewwa jittratta lil oħrajn b’qalb tajba, u jibqaʼ kalm anki meta jiġru affarijiet li jdejquh.

Jeħtieġ id-​determinazzjoni biex nuru l-​ħlewwa. Il-​kelma Griega użata fil-​Bibbja għall-​“ħlewwa” kienet tintuża biex tiddeskrivi żiemel salvaġġ li jiġi trenjat biex jidra man-​nies. Iż-​żiemel xorta jkun b’saħħtu, imma jkun ġie trenjat jikkontrolla s-​saħħa tiegħu. B’mod simili, meta nuru l-​ħlewwa, aħna nikkontrollaw it-​tendenzi imperfetti tagħna u nżommu l-​paċi maʼ oħrajn.

Forsi ngħidu ‘Jien m’iniex persuna kalma.’ Peress li ngħixu f’dinja b’nies aggressivi u bla paċenzja, jistaʼ jkun diffiċli biex nuru l-​ħlewwa. (Rum. 7:19) Minħabba dan, jinvolvi sforz biex nitgħallmu nuru din il-​kwalità, imma l-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova se jgħinna nibqgħu nipprovaw. (Gal. 5:22, 23) Għala għandna nagħmlu sforz biex nuru l-​ħlewwa?

Il-​ħlewwa tiġbed lin-​nies. Bħal Sara, li ssemmiet qabel, aħna nieħdu pjaċir inkunu maʼ nies li juru l-​ħlewwa. Eżempju mill-​aqwa taʼ xi ħadd li wera l-​ħlewwa u qalb tajba hu Ġesù. (2 Kor. 10:1) Tant hu hekk, li anki t-​tfal li bilkemm kienu jafuh riedu joqogħdu miegħu.—Mk. 10:13-​16.

Il-​ħlewwa tipproteġi lilna u lil dawk taʼ madwarna. Jekk ikollna l-​ħlewwa, mhux se nieħdu għalina malajr. (Prov. 16:32) M’aħniex se nweġġgħu lil oħrajn, inkluż lin-​nies li nħobbu, allura mhux se nħossuna ħatja. U oħrajn se jibbenefikaw għax aħna se nikkontrollaw l-​emozzjonijiet u l-​imġiba tagħna, u b’hekk ma nweġġgħuhomx.

EŻEMPJU PERFETT TAʼ ĦLEWWA

Minkejja r-​responsabbiltajiet kbar u l-​iskeda mimlija li kellu, Ġesù wera ħlewwa maʼ kulħadd. Ħafna, fi żmienu, kienu qed jiffaċċjaw tbatija u toqol kbir, u kellhom bżonn serħan. Min jaf kemm ħassewhom inkuraġġiti meta Ġesù qalilhom: “Ejjew għandi, . . . għax jien ġwejjed u umli f’qalbi”!—Mt. 11:28, 29.

Kif nistgħu nitgħallmu nuru l-​ħlewwa bħal Ġesù? Irridu nistudjaw il-​Kelma t’Alla ħalli nitgħallmu x’għamel Ġesù u kif tratta lin-​nies meta ffaċċja sitwazzjonijiet diffiċli. Imbagħad, meta niffaċċjaw sitwazzjonijiet li jittestjaw il-​kwalità tal-​ħlewwa, aħna se nagħmlu sforz biex naġixxu bħal Ġesù. (1 Pt. 2:21) Ikkunsidra tliet affarijiet li għenu lil Ġesù juri l-​ħlewwa.

Ġesù kien verament umli. Ġesù qal li hu kien ‘ġwejjed u umli f’qalbu.’ (Mt. 11:29) Il-​Bibbja ssemmi dawn iż-​żewġ kwalitajiet flimkien għax il-​ħlewwa għandha x’taqsam ħafna mal-​umiltà.—Efes. 4:1-​3.

L-​umiltà tgħinna nevitaw li nieħdu l-​affarijiet bi kbar jew li nkunu sensittivi żżejjed. Ġesù x’għamel meta dawk li kkritikawh qalu li kellu “kilba għall-​ikel u mogħti għall-​inbid”? Bil-​mod kif għex ħajtu, hu wera li dak li qalu ma kienx minnu. Għax kien umli, hu wera li “l-​għerf jintwera li hu sewwa minn għemilu.”—Mt. 11:19.

Jekk xi ħadd jagħmel kumment bla ħsieb dwar in-​nazzjonalità tiegħek, il-​background tiegħek, jew juri razziżmu, għala ma tipprovax turi l-​ħlewwa fil-​mod kif tirreaġixxi? Peter, anzjan Kristjan fl-​Afrika t’Isfel, qal: “Meta nkun f’sitwazzjoni fejn nibda nirrita ruħi b’dak li qed jgħid xi ħadd, nistaqsi lili nnifsi, ‘Kieku Ġesù x’jagħmel?’” Ikompli jgħid: “Tgħallimt li m’għandix nieħu għalija malajr.”

Ġesù kien jaf li n-​nies huma imperfetti. Id-​dixxipli tiegħu riedu jagħmlu dak li hu sewwa, imma minħabba li kienu imperfetti, huma mhux dejjem irnexxielhom. Pereżempju, fil-​lejl qabel Ġesù miet, hu qal lil Pietru, Ġakbu, u Ġwanni biex jibqgħu mqajmin, imma huma raqdu. Ġesù wera li fehem għala kienu qed jorqdu meta qal “l-​ispirtu hu ħerqan imma l-​laħam dgħajjef.” (Mt. 26:40, 41) Minħabba li fehem li l-​appostli kienu imperfetti, Ġesù ma rritax ruħu.

Mandy hija oħt li kienet tikkritika ħafna lil oħrajn, imma issa tagħmel sforz kbir biex timita l-​eżempju taʼ Ġesù f’li turi l-​ħlewwa. Hi tgħid, “Nipprova niftakar li kulħadd imperfett u bħal Ġeħova, niffoka fuq il-​kwalitajiet tajbin t’oħrajn.” Tistaʼ int timita l-​mod kif Ġesù tratta lil oħrajn minkejja l-​imperfezzjonijiet tagħhom?

Ġesù ħalla f’idejn Ġeħova. Meta Ġesù kien fuq l-​art u ġie trattat b’mod inġust, hu ssaporta. Hu ġie mifhum ħażin, immaqdar, u maqtul. Minkejja dan, hu baqaʼ kalm għax “baqaʼ jafda ruħu f’idejn dak li jiġġudika bil-​ġustizzja.” (1 Pt. 2:23) Ġesù kien jaf li Missieru tas-​sema kien jimpurtah minnu u fil-​ħin xieraq kien se jirranġa l-​affarijiet.

Jekk inkunu trattati b’mod inġust u nirrabjaw, aħna nistgħu nagħmlu s-​sitwazzjoni agħar. Għalhekk, l-​Iskrittura tfakkarna: “Il-​korla tal-​bniedem ma twettaqx dak li hu sewwa f’għajnejn Alla.” (Ġak. 1:20) Anki jekk ikollna raġun nirrabjaw, minħabba li aħna imperfetti jaf nirreaġixxu ħażin.

Oħt fil-​Ġermanja jisimha Cathy kienet taħsibha b’dal-​mod, ‘Jekk ma taqbiżx għalik innifsek, ħadd mhu se jaqbeż għalik.’ Imma meta tgħallmet tafda f’Ġeħova, l-​attitudni tagħha nbidlet. Hi tgħid: “Issa naf li mhux dejjem għandi bżonn niddefendi lili nnifsi. Għax naf li Ġeħova qed jara kollox.” Jekk ġieli ġejt trattat ħażin, li ssegwi l-​eżempju taʼ Ġesù u tafda f’Ġeħova, se jgħinek biex tibqaʼ turi l-​ħlewwa.

“HENJIN IL-​ĠWEJDIN”

Il-ħlewwa kif tistaʼ tgħinna f’sitwazzjonijiet diffiċli?

Ġesù jgħidilna li jekk irridu li nkunu ferħanin, għandna nkunu ġwejdin. Hu qal, “Henjin il-​ġwejdin.” (Mt. 5:5) Innota kif li nkunu ġwejdin, jew li nuru l-​ħlewwa, jistaʼ jgħinna f’dawn is-​sitwazzjonijiet.

Il-​ħlewwa tgħin meta jkun hemm l-​istress fiż-​żwieġ. “Meta kont irrabjat jien għedt kliem li jweġġaʼ lil marti,” jammetti Robert, ħu mill-​Awstralja. “Imma meta tgħid kliem li jweġġaʼ, ma tistax tippretendi li qisek qatt ma għedtu. Jien vera ddispjaċieni meta ndunajt li kliemi weġġagħha.”

“Ilkoll nitfixklu ħafna drabi” f’dak li ngħidu, u l-​kliem bla ħsieb tagħna jistaʼ jikkaġuna ħafna problemi bejn il-​miżżewġin. (Ġak. 3:2) F’mumenti bħal dawn, il-​ħlewwa tistaʼ tgħinna nibqgħu kalmi u nikkontrollaw ilsienna.—Prov. 17:27.

Robert ħadem iebes biex jiżviluppa l-​kalma u r-​rażan. X’kienu l-​benefiċċji? Hu jgħid, “Issa, meta jien u l-​mara jkollna nuqqas taʼ qbil, nipprova nismaʼ b’attenzjoni, nitkellem bil-​ħlewwa, u ma niħux għalija. Issa r-​relazzjoni taʼ bejnietna hi ħafna aħjar.”

Il-​ħlewwa tgħinna ningwalawha aħjar m’oħrajn. Dawk li jieħdu għalihom malajr, ma tantx ikollhom ħbieb. Però, il-​ħlewwa tgħinna ‘nħarsu l-​unità . . . li tgħaqqad tal-​paċi.’ (Efes. 4:2, 3) Cathy, li ġiet ikkwotata qabel, tgħid, “Meta nuri l-​ħlewwa, ingawdi iktar il-​kumpanija t’oħrajn, avolja mhux dejjem ikun faċli.”

Il-​ħlewwa tagħmlek kuntent. Il-​Bibbja tagħmel rabta bejn “l-​għerf li ġej minn fuq” mal-​ħlewwa u l-​paċi. (Ġak. 3:13, 17) Persuna li turi l-​ħlewwa għandha “qalb kalma.” (Prov. 14:30) Martin, li ħadem iebes biex jiżviluppa din il-​kwalità, jgħid: “Issa jien iktar raġonevoli u inqas nervuż, u nħossni iktar ferħan.”

Vera, jistaʼ jkun li rridu nirsistu biex niżviluppaw il-​ħlewwa. Ħu jgħid hekk, “Biex inkun onest, anki issa ġieli nħossni se nisplodi bir-​rabja.” Imma Ġeħova, il-​wieħed li jinkuraġġina nuru l-​ħlewwa, se jgħinna f’mumenti bħal dawn. (Is. 41:10; 1 Tim. 6:11) Hu jistaʼ ‘jtemm it-​taħriġ tagħna’; u jistaʼ jagħmilna b’saħħitna. (1 Pt. 5:10) Maż-​żmien, bħall-​appostlu Pawlu, aħna nistgħu nimitaw “il-​ħlewwa u l-​qalb tajba tal-​Kristu.”—2 Kor. 10:1.

^ par. 2 Xi ismijiet ġew mibdulin.