Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 19

“Is-Sultan tat-Tramuntana” fi Żmien it-Tmiem

“Is-Sultan tat-Tramuntana” fi Żmien it-Tmiem

“Fi żmien it-​tmiem, is-​sultan tan-​nofsinhar jinvolvi ruħu f’konfront miegħu [is-​sultan tat-​tramuntana].”—DAN. 11:40.

GĦANJA 150 Fittex lil Alla biex jeħilsek

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Il-​profeziji tal-​Bibbja, x’jgħinuna nkunu nafu?

IN-​NIES taʼ Ġeħova, x’se jiġrilhom fil-​futur qarib? It-tweġiba nistgħu nkunu nafuha. Il-​profeziji tal-​Bibbja jgħidulna affarijiet importanti li se jiġru dalwaqt u li se jaffettwaw lilna lkoll. Profezija partikolari tgħinna naraw x’se jagħmlu xi wħud mill-​iktar gvernijiet b’saħħithom li hawn fuq l-​art. Din il-​profezija hi miktuba f’​Danjel kapitlu 11. Din titkellem dwar żewġ slaten li se jiġġieldu kontra xulxin, u dawn is-​slaten, jew mexxejja, huma msejħin is-​sultan tat-​tramuntana u s-​sultan tan-​nofsinhar. Il-​biċċa l-​kbira taʼ din il-​profezija diġà twettqet, għalhekk, nistgħu nkunu ċerti li l-​kumplament tagħha se jitwettaq ukoll.

2. Skont Ġenesi 3:15, Rivelazzjoni 11:7 u 12:17, liema affarijiet importanti għandna niftakru meta nistudjaw il-​profezija taʼ Danjel?

2 Biex nifhmu l-​profezija miktuba f’​Danjel kapitlu 11, irridu niftakru li din titkellem biss dwar slaten li mexxew f’pajjiżi fejn ħafna min-​nies t’Alla għexu jew dwar slaten li ppersegwitaw in-​nies t’Alla. Minkejja li n-​nies t’Alla huma vera ftit meta mqabblin man-​nies tad-​dinja kollha, għala l-​mira taʼ dawn il-​gvernijiet hi li jattakkaw lin-​nies t’Alla? Għax il-​mira prinċipali taʼ Satana u s-​sistema kollha tiegħu hi li jeqirdu lil dawk li jaqdu lil Ġeħova u lil Ġesù. (Aqra Ġenesi 3:15 u Rivelazzjoni 11:7; 12:17.) Apparti minn hekk, il-​profezija miktuba minn Danjel għandha taqbel maʼ profeziji oħra fil-​Kelma t’Alla. Fil-​fatt, aħna nistgħu nifhmu tajjeb il-​profezija taʼ Danjel biss jekk inqabbluha maʼ partijiet oħra mill-​Bibbja.

3. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu u taʼ warajh?

3 B’dan f’moħħna, issa se neżaminaw Danjel 11:25-​39. Se naraw min kienu s-​sultan tat-​tramuntana u s-​sultan tan-​nofsinhar mill-​1870 sal-​1991. U se naraw għala għandna raġunijiet tajba biex nibdlu l-​mod kif nifhmu parti minn din il-​profezija. Fl-​artiklu li jmiss, aħna se niddiskutu Danjel 11:40 sa 12:1, u se nispjegaw aħjar x’tgħidilna din il-​parti tal-​profezija mill-​1991 sal-​gwerra taʼ Armageddon. Hekk kif tistudja dawn iż-​żewġ artikli, se jkun t’għajnuna għalik jekk tuża ċ-​ċart “Żewġ Slaten li Jiġġieldu Kontra Xulxin fi Żmien it-​Tmiem.” Però, l-​ewwel irridu nkunu nafu min huma ż-​żewġ slaten f’din il-​profezija.

KIF NISTGĦU NKUNU NAFU MIN HUMA Ż-​ŻEWĠ SLATEN?

4. Liema tliet affarijiet se jgħinuna nkunu nafu min huma s-​sultan tat-​tramuntana u s-​sultan tan-​nofsinhar?

4 Oriġinarjament, it-​titlu “sultan tat-​tramuntana” kien jirreferi għall-​mexxej tal-​inħawi tat-​tramuntana t’Iżrael u t-​titlu “sultan tan-​nofsinhar” kien jirreferi għall-​mexxej tal-​inħawi tan-​nofsinhar t’Iżrael. Għala ngħidu dan? Innota x’qal l-​anġlu lil Danjel: “U ġejt inġiegħlek tifhem x’se jiġrilu l-​poplu tiegħek [il-​poplu t’Alla] fl-​aħħar parti tal-​jiem.” (Dan. 10:14) Sa Pentekoste tas-​sena 33 wara Kristu (WK), il-​poplu t’Iżrael kien il-​poplu t’Alla. Imma minn dakinhar ʼl hawn, Ġeħova għamilha ċara li d-​dixxipli taʼ Kristu kienu n-​nies tiegħu. Allura, il-​biċċa l-​kbira tal-​profezija taʼ Danjel kapitlu 11 hi dwar id-​dixxipli taʼ Kristu, u mhux dwar il-​poplu t’Iżrael. (Atti 2:1-​4; Rum. 9:6-​8; Gal. 6:15, 16) U maż-​żmien, mexxejja u gvernijiet differenti saru s-​sultan tat-​tramuntana u s-​sultan tan-​nofsinhar. Imma dawn il-​mexxejja kellhom xi ħaġa komuni. L-​ewwel, dawn is-​slaten jew mexxew f’pajjiżi fejn ħafna min-​nies t’Alla għexu jew inkella ppersegwitaw in-​nies t’Alla. It-​tieni, bil-​mod kif trattaw lin-​nies t’Alla, huma wrew li jobogħdu lill-​Alla l-​veru, Ġeħova. U t-​tielet, iż-​żewġ slaten, ikkompetew kontra xulxin għall-​qawwa.

5. Bejn is-​sena 100 u l-​1870, kien hemm sultan tat-​tramuntana u sultan tan-​nofsinhar? Spjega.

5 Madwar 100 sena wara l-​mewt taʼ Ġesù, żdiedu ħafna Kristjani foloz fil-​kongregazzjoni Kristjana vera. Huma għallmu ideat reliġjużi foloz u ħbew veritajiet li hemm fil-​Kelma t’Alla. Minn dak iż-​żmien sal-​1870, Alla ma kellux organizzazzjoni fuq l-​art. Il-​Kristjani foloz żdiedu bħal sikrana f’għalqa. Minħabba dan, kien sar diffiċli ħafna biex tkun taf min huma l-​Kristjani veri. (Mt. 13:36-​43) Għala huwa importanti li nkunu nafu dan? Għax dan juri li s-​sultan tat-​tramuntana u s-​sultan tan-​nofsinhar ma kinux s-​slaten jew il-​gvernijiet li mexxew bejn is-​sena 100 u l-​1870. Dan minħabba li ma kienx hemm organizzazzjoni t’Alla biex jippersegwitaw fuq l-​art. * Però, kif nafu li ftit wara l-​1870 kien possibbli li jerġaʼ jkun hemm sultan tat-​tramuntana u sultan tan-​nofsinhar?

6. In-​nies t’Alla meta reġgħu bdew jingħaqdu bħala grupp? Spjega.

6 Mill-​1870 ʼil quddiem, in-​nies t’Alla bdew jingħaqdu bħala grupp. Kien f’dik is-​sena li Charles T. Russell u sħabu fformaw klassi biex jistudjaw il-​Bibbja. Ħuna Russell u sħabu aġixxew bħala l-​messaġġier li ħejja t-​triq qabel is-​Saltna Messjanika kienet twaqqfet. (Mal. 3:1) Għal darba oħra kien hemm grupp organizzat li kien qed jaqdi lil Ġeħova b’mod tajjeb! Dak iż-​żmien, kien hemm gvernijiet li mexxew fejn ħafna min-​nies t’Alla għexu jew inkella ppersegwitawhom? Ejja naraw.

MIN HU S-​SULTAN TAN-​NOFSINHAR?

7. Matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, min kien is-​sultan tan-​nofsinhar?

7 Sal-​1870, il-​Brittanja mexxiet fuq ħafna pajjiżi iktar minn kull pajjiż ieħor u kellha l-​iktar qawwa militari b’saħħitha fid-​dinja. Il-​profezija taʼ Danjel titkellem dwar qarn żgħir li ħa post tlett iqrun oħra. Il-​qarn iż-​żgħir jirrappreżenta lill-​Brittanja u l-​qrun l-​oħrajn jirrappreżentaw lil Spanja, lil Franza, u lin-​Netherlands. (Dan. 7:7, 8) Il-​Brittanja kienet is-​sultan tan-​nofsinhar matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija. Matul l-​istess żmien, l-​Istati Uniti tal-​Amerka kienet saret l-​iktar pajjiż sinjur fid-​dinja u bdiet taħdem mill-​qrib mal-​Brittanja.

8. Min kien is-​sultan tan-​nofsinhar matul l-​aħħar jiem?

8 Matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, l-​Istati Uniti u l-​Brittanja ngħaqdu flimkien u saru b’saħħithom ħafna. F’dak iż-​żmien, il-​Brittanja u l-​Istati Uniti saru l-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana. Bħalma kien bassar Danjel, dan is-​sultan kien ġabar “qawwa militari kbira u setgħana wisq.” (Dan. 11:25) Matul l-​aħħar jiem, is-​sultan tan-​nofsinhar dejjem kien l-​Anglo-​Amerikan. * Imma min sar is-​sultan tat-​tramuntana?

MIN HU S-​SULTAN TAT-​TRAMUNTANA?

9. Meta kien hemm sultan ġdid tat-​tramuntana, u l-​kliem taʼ Danjel 11:25 kif twettaq?

9 Fl-​1871, sena wara li Russell u sħabu fformaw grupp biex jistudjaw il-​Bibbja, kien hemm sultan tat-​tramuntana ġdid. Dik is-​sena, Otto von Bismarck għaqqad diversi territorji flimkien u dawn saru nazzjon b’saħħtu, il-​Ġermanja. Wilhelm I sar is-​sultan tal-​Ġermanja u kien għażel lil Bismarck biex ikun il-​mexxej taʼ dan il-​pajjiż. * Mas-​snin, il-​Ġermanja ħadet taħt idejha xi pajjiżi fl-​Afrika u l-​Oċean Paċifiku, u ppruvat issir iktar b’saħħitha mill-​Brittanja. (Aqra Danjel 11:25.) Il-​Ġermanja rnexxielha tibni qawwa militari b’saħħitha kważi daqs tal-​Brittanja. Fl-​Ewwel Gwerra Dinjija, il-​Ġermanja użat din il-​qawwa militari biex tiġġieled kontra l-​għedewwa tagħha.

10. Dak li hemm miktub f’​Danjel 11:25b, 26, kif twettaq?

10 Danjel bassar ukoll x’kien se jiġri lill-​gvern Ġermaniż u lill-​qawwa militari li kellu. Il-​profezija qalet li s-​sultan tat-​tramuntana “ma jżommx wieqaf.” Għala? “Għaliex huma jfasslu proġetti kontrih. U jkissruh dawk stess li jieklu l-​ikel mill-​aqwa tiegħu.” (Dan. 11:25b, 26a) Fi żmien Danjel, dawk li kienu jieklu “mill-​ikel mill-​aqwa tas-​sultan” kien jinkludi lill-​uffiċjali rjali li kienu jaqdu fil-​palazz. (Dan. 1:5) Din il-​profezija, għal min tirreferi hawn? Din tirreferi għan-​nies taʼ poter fil-​gvern Ġermaniż u uffiċjali militari li ħadmu mill-​qrib mas-​sultan. Minħabba dak li għamlu dawn in-​nies taʼ poter, is-​sultan tilef il-​qawwa tiegħu u ġie ffurmat gvern ġdid fil-​Ġermanja. * Il-​profezija bassret ukoll x’kien se jkun ir-​riżultat tal-​gwerra mas-​sultan tan-​nofsinhar. Meta l-​profezija semmiet is-​sultan tat-​tramuntana, din qalet: “Inkwantu għall-​qawwa militari tiegħu, din tiġi mgħarrqa, u ħafna jaqgħu maqtulin.” (Dan. 11:26b) Fl-​Ewwel Gwerra Dinjija, kif kien ġie mbassar, l-​armata Ġermaniża ġiet megħluba u ħafna nies ġew maqtula. Qatt qabel ma kienu mietu daqshekk nies fi gwerra.

11. X’għamlu s-​sultan tat-​tramuntana u s-​sultan tan-​nofsinhar?

11 Danjel 11:27, 28 jiddeskrivu l-​affarijiet li ġraw qabel l-​Ewwel Gwerra Dinjija. Hemm jgħid li s-​sultan tat-​tramuntana u s-​sultan tan-​nofsinhar kienu se jkunu ‘fuq mejda waħda jgħidu l-​gideb.’ Jgħid ukoll li s-​sultan tat-​tramuntana kien se jiġbor “ammont kbir taʼ ġid.” Dan hu eżatt dak li ġara. Il-​Ġermanja u l-​Brittanja qalu lil xulxin li riedu l-​paċi, imma meta bdew jiġġieldu kontra xulxin fl-​1914, deher ċar li kienet gidba. U sal-​1914, il-​Ġermanja kienet saret it-​tieni l-​iktar pajjiż sinjur fid-​dinja. Imbagħad, biex jitwettaq Danjel 11:29 u l-​ewwel parti taʼ vers 30, il-​Ġermanja, jiġifieri s-​sultan tat-​tramuntana, iġġieldet mas-​sultan tan-​nofsinhar u tilfet telfa kbira.

IS-​SLATEN JIĠĠIELDU KONTRA N-​NIES T’ALLA

12. Fl-​Ewwel Gwerra Dinjija, x’għamlu s-​sultan tat-​tramuntana u s-​sultan tan-​nofsinhar?

12 Mill-​1914 ʼl hawn, iż-​żewġ slaten komplew jiġġieldu kontra xulxin u l-​iktar kontra n-​nies t’Alla. Pereżempju, il-​gvern Ġermaniż u l-​gvern tal-​Brittanja ppersegwitaw lill-​qaddejja t’Alla għax dawn irrifjutaw li jiġġieldu fil-​gwerer. U l-​gvern tal-​Istati Uniti, tefaʼ fil-​ħabs lil dawk li kienu qed jieħdu t-​tmexxija fix-​xogħol tal-​ippritkar. Din il-​persekuzzjoni wettqet il-​profezija mniżżla f’​Rivelazzjoni 11:7-​10.

13. Wara l-​1930 u matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, x’għamel is-​sultan tat-​tramuntana?

13 Imbagħad, wara l-​1930 u speċjalment matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, is-​sultan tat-​tramuntana ppersegwita bl-​aħrax lin-​nies taʼ Ġeħova. Meta n-​Nazisti ħadu l-​kontroll tal-​Ġermanja, Hitler u dawk li appoġġjawh ma ħallewx ix-​xogħol tan-​nies t’Alla jsir. Is-​sultan tat-​tramuntana qatel mijiet taʼ Xhieda u bagħat eluf oħrajn fil-​kampijiet tal-​konċentrament. Dawn il-​ġrajjiet kienu mbassrin minn Danjel. Meta s-​sultan tat-​tramuntana ma ħalliex ix-​xogħol tal-​ippritkar isir, hu ‘pprofana s-​santwarju’ u ‘neħħa s-​sagrifiċċju offrut regolarment.’ (Dan. 11:30b, 31a) Hitler, il-​mexxej tal-​Ġermanja, wiegħed ukoll li kien se joqtol lin-​nies t’Alla kollha li kien hemm fil-​Ġermanja.

SULTAN ĠDID TAT-​TRAMUNTANA

14. Min sar is-​sultan tat-​tramuntana wara t-​Tieni Gwerra Dinjija? Spjega.

14 Wara t-​Tieni Gwerra Dinjija, l-​Unjoni Sovjetika saret is-​sultan tat-​tramuntana. Din bdiet tmexxi fuq territorji kbar li qabel kienu tal-​Ġermanja. Bħal gvern Nazist, l-​Unjoni Sovjetika ppersegwitat bl-​aħrax lil dawk kollha li poġġew il-​qima tal-​Alla l-​veru l-​ewwel f’ħajjithom.

15. Wara li spiċċat it-​Tieni Gwerra Dinjija, x’għamel is-​sultan tat-​tramuntana?

15 Ftit wara li spiċċat it-​Tieni Gwerra Dinjija, is-​sultan il-​ġdid tat-​tramuntana, l-​Unjoni Sovjetika, attakka lin-​nies t’Alla. Rivelazzjoni 12:15-​17 tqabbel il-​persekuzzjoni tan-​nies t’Alla maʼ “xmara.” Fi qbil maʼ din il-​profezija, is-​sultan tat-​tramuntana ma ħalliex ix-​xogħol tal-​ippritkar isir, u ġiegħel lil eluf taʼ Xhieda jmorru s-​Siberja. Għalhekk, minn meta bdew l-​aħħar jiem, is-​sultan tat-​tramuntana kompla jippersegwita lin-​nies t’Alla, imma qatt ma rnexxielu jwaqqaf għalkollox ix-​xogħol tagħhom. *

16. L-​Unjoni Sovjetika kif wettqet Danjel 11:37-​39?

16 Aqra Danjel 11:37-​39. Is-​sultan tat-​tramuntana kif ma wera ebda konsiderazzjoni “lill-​Alla taʼ missirijietu”? L-​Unjoni Sovjetika riedet teqred ir-​reliġjonijiet kollha, għalhekk pruvat tiħdilhom il-​qawwa tagħhom. Biex il-​gvern tal-​Unjoni Sovjetika jilħaq din il-​mira, fl-​1918, kien diġà ordna biex l-​iskejjel jgħallmu li Alla ma jeżistix. Is-​sultan tat-​tramuntana kif ta “glorja lill-​alla tal-​fortizzi”? L-​Unjoni Sovjetika nefqet ammont kbir taʼ flus biex ikollha armata kbira u pproduċiet eluf taʼ armi nukleari biex tkompli ssir b’saħħitha. Kemm is-​sultan tat-​tramuntana u kemm is-​sultan tan-​nofsinhar kellhom biżżejjed armi biex joqtlu biljuni taʼ nies!

IŻ-​ŻEWĠ SLATEN JAĦDMU FLIMKIEN

17. X’inhi “l-​ħaġa moqżieża li qed iġġib ħerba”?

17 Is-​sultan tat-​tramuntana ħadem mas-​sultan tan-​nofsinhar biex jagħmlu xi ħaġa importanti. Huma ħadmu biex “ipoġġu f’postha l-​ħaġa moqżieża li qed iġġib ħerba.” (Danjel 11:31) Din “il-​ħaġa moqżieża” hija l-​Ġnus Magħquda.

18. Il-​Ġnus Magħquda għala hija deskritta bħala “l-​ħaġa moqżieża”?

18 L-​organizzazzjoni tal-​Ġnus Magħquda hija deskritta bħala “l-​ħaġa moqżieża” għaliex hi tgħid li tistaʼ ġġib il-​paċi fid-​dinja, xi ħaġa li s-​Saltna t’Alla biss tistaʼ tagħmel. U l-​profezija tgħid li l-​ħaġa moqżieża “ġġib ħerba” minħabba li se tattakka u teqred ir-​reliġjonijiet foloz kollha.—Ara ċ-​ċart “Żewġ Slaten li Jiġġieldu Kontra Xulxin fi Żmien it-​Tmiem.”

GĦALA GĦANDNA BŻONN DIN L-​INFORMAZZJONI?

19-20. (a) Għala għandna bżonn inkunu nafu din l-​informazzjoni? (b) Liema mistoqsija se nwieġbu fl-​artiklu li jmiss?

19 Għandna bżonn din l-​informazzjoni għax din tagħti prova li mill-​1870 sal-​1991, il-​profezija taʼ Danjel dwar is-​sultan tat-​tramuntana u s-​sultan tan-​nofsinhar twettqet. Għalhekk, aħna nistgħu nkunu fiduċjużi li l-​kumplament tal-​profezija se titwettaq ukoll.

20 Fl-​1991, l-​Unjoni Sovjetika waqgħet. Allura, min hu s-​sultan tat-​tramuntana llum? L-​artiklu li jmiss se jwieġeb din il-​mistoqsija.

GĦANJA 128 Nissaportu sat-​tmiem

^ par. 5 Il-​profezija taʼ Danjel dwar “is-​sultan tat-​tramuntana” u “s-​sultan tan-​nofsinhar” qed tkompli titwettaq. X’evidenza qed naraw? Kif nistgħu nkunu daqshekk ċerti? U għala għandna bżonn nifhmu d-​dettalji taʼ din il-​profezija?

^ par. 5 Għal din ir-​raġuni, aħna mhux se nkomplu ngħidu li l-​Imperatur Ruman Awreljanu (270-275 WK) kien “is-​sultan tat-​tramuntana” jew li s-​Sultana Żenobja (267-272 WK) kienet “is-​sultan tan-​nofsinhar,” għax dak iż-​żmien ma kienx hemm grupp taʼ nies li qdew lil Ġeħova b’mod tajjeb. Dan jieħu post dak li hemm miktub fil-​ktieb Oqgħod Attent għall-​Profezija taʼ Danjel! kapitli 13 u 14.

^ par. 9 Fl-​1890, Bismarck kellu jitlaq il-​pożizzjoni tiegħu minħabba s-​Sultan Kaiser Wilhelm II.

^ par. 10 Huma għamlu ħafna affarijiet li wasslu lill-​gvern tagħhom biex jitlef il-​poter tiegħu malajr. Pereżempju, huma waqfu jgħinu lis-​sultan, kixfu informazzjoni sigrieta dwar il-​gwerra m’oħrajn, u ġiegħlu lis-​sultan jirriżenja.

^ par. 15 Kif juri Danjel 11:34, għal żmien qasir, is-​sultan tat-​tramuntana ma baqax jippersegwita lin-​nies t’Alla. Pereżempju, dan ġara meta l-​Unjoni Sovjetika waqgħet fl-​1991.