ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 20
Min Hu “s-Sultan tat-Tramuntana” Llum?
“[Hu] jkollu jiġi t-triq kollha sa tmiemu, u ma jkunx hemm min jgħinu.”—DAN. 11:45.
GĦANJA 95 Id-dawl qed jitqawwa
ĦARSA BIL-QUDDIEM *
1-2. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
IKTAR minn qatt qabel, aħna għandna evidenza ċara li qegħdin ngħixu fl-aħħar jiem taʼ din is-sistema. Dalwaqt, Ġeħova u Ġesù Kristu se jeqirdu l-gvernijiet kollha li jopponu s-Saltna. Imma qabel iseħħ dan, is-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar se jkomplu jiġġieldu kontra xulxin u kontra n-nies t’Alla.
2 F’dan l-artiklu se niddiskutu l-profezija mniżżla f’Danjel 11:40-45 u 12:1. Aħna se nitgħallmu min hu s-sultan tat-tramuntana llum, u se niddiskutu wkoll għala nistgħu nibqgħu kalmi u nkunu ċerti li Ġeħova se jsalvana jiġri x’jiġri.
SULTAN ĠDID TAT-TRAMUNTANA
3-4. Min hu s-sultan tat-tramuntana llum? Spjega.
3 Wara li l-Unjoni Sovjetika waqgħet fl-1991, in-nies t’Alla li kienu taħt it-tmexxija tagħha kellhom il-libertà għal xi żmien. Danjel jiddeskrivi din il-libertà bħala “ftit għajnuna.” (Dan. 11:34) B’riżultat taʼ dan, huma setgħu jippritkaw bil-libertà, u malajr kien hemm mijiet taʼ eluf taʼ pubblikaturi fil-pajjiżi li qabel kienu jagħmlu parti mill-Unjoni Sovjetika. Imma wara xi snin, ir-Russja u l-pajjiżi li appoġġjawha saru s-sultan tat-tramuntana. Kif iddiskutejna fl-artiklu taʼ qabel, gvern kellu jagħmel tlett affarijiet biex ikun is-sultan tat-tramuntana jew is-sultan tan-nofsinhar: (1) imexxi f’pajjiż fejn ħafna min-nies t’Alla jgħixu jew jippersegwita n-nies t’Alla, (2) bl-azzjonijiet tiegħu juri li jobgħod lil Ġeħova u lin-nies tiegħu, u (3) kellu jiġġieled kontra s-sultan l-ieħor.
4 Dawn huma r-raġunijiet għala nistgħu ngħidu li r-Russja
u l-pajjiżi li jappoġġjawha huma s-sultan tat-tramuntana. (1) Huma attakkaw lin-nies t’Alla meta ma ħallewhomx jippritkaw u ppersegwitaw lill-mijiet t’eluf t’aħwa li jgħixu taħt it-tmexxija tagħhom. (2) B’dawn l-azzjonijiet juru li jobogħdu lil Ġeħova u lin-nies tiegħu. (3) Huma qed jipprovaw isiru iktar b’saħħithom mis-sultan tan-nofsinhar, jiġifieri l-Brittanja u l-Istati Uniti. Ejja naraw x’għamlu r-Russja u l-pajjiżi li jappoġġjawha u għala dan jagħti prova li huma s-sultan tat-tramuntana.IS-SULTAN TAT-TRAMUNTANA U TAN-NOFSINHAR IKOMPLU JOPPONU LIL XULXIN
5. Dwar liema perjodu titkellem il-profezija taʼ Danjel 11:40-43?
5 Aqra Danjel 11:40-43. Dil-parti tal-profezija titkellem dwar il-perjodu tal-aħħar żminijiet. Din tiddeskrivi kif is-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar jiġġieldu kontra xulxin. Danjel bassar, li fi żmien it-tmiem, is-sultan tan-nofsinhar kien se jkollu “konfront,” jiġifieri jiġġieled, mas-sultan tat-tramuntana.—Dan. 11:40.
6. Is-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar kif jopponu lil xulxin?
6 Is-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar jiġġieldu kontra xulxin għax it-tnejn iridu jkunu l-iktar gvern b’saħħitu fid-dinja. Pereżempju, aħseb x’ġara wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-Unjoni Sovjetika bdiet tiddomina parti kbira tal-Ewropa. Għalhekk, is-sultan tan-nofsinhar ftiehem maʼ pajjiżi oħra biex jużaw l-armati tagħhom flimkien kontra s-sultan tat-tramuntana. Din l-organizzazzjoni hi magħrufa bħala n-NATO. Ukoll, is-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar nefqu ħafna flus biex ikollhom l-iktar armata b’saħħitha. Barra minn hekk, huma ġġieldu kontra xulxin b’mod indirett billi użaw nazzjonijiet oħra biex jiġġieldu kontra l-għadu tagħhom. Dan ġara fl-Afrika, fl-Asja u f’partijiet tal-Amerika t’Isfel. Fi snin riċenti, ir-Russja u l-pajjiżi li jappoġġjawha komplew jiksbu l-poter mad-dinja kollha. Dawn qed jiġġieldu mas-sultan tan-nofsinhar ukoll permezz tat-teknoloġija (cyber warfare). Is-slaten akkużaw lil xulxin li użaw programmi tal-kompjuters biex itellfu l-flus u jagħmlu ħsara lill-gvern tagħhom. U kif bassar Danjel, is-sultan tat-tramuntana kompla l-attakk tiegħu fuq in-nies t’Alla.—Dan. 11:41.
IS-SULTAN TAT-TRAMUNTANA “JIDĦOL UKOLL FIL-PAJJIŻ TAD-DEKORAZZJONI”
7. X’inhu “l-pajjiż tad-Dekorazzjoni”?
7 Danjel 11:41 jgħid li s-sultan tat-tramuntana se “jidħol ukoll fil-pajjiż tad-Dekorazzjoni.” X’inhu dan il-pajjiż? Fi żminijiet Bibliċi, Iżrael kien ikkunsidrat l-isbaħ pajjiż. Huwa għalhekk li fil-Bibbja kien jissejjaħ “id-dekorazzjoni taʼ l-artijiet kollha.” (Eżek. 20:6) Imma dan il-pajjiż kien speċjali ħafna għax kien il-post fejn in-nies qdew lil Ġeħova. Minn Pentekoste tas-sena 33 WK, “il-pajjiż tad-Dekorazzjoni” ma baqax pajjiż speċifiku fuq l-art. Illum, dan jagħmel sens għax in-nies taʼ Ġeħova huma madwar id-dinja kollha. Minflok, illum, “il-pajjiż tad-Dekorazzjoni” huwa l-attivitajiet spiritwali tan-nies taʼ Ġeħova li jinkludu affarijiet bħall-qima tagħhom lejh fil-laqgħat u fil-ministeru.
8. Is-sultan tat-tramuntana kif daħal “fil-pajjiż tad-Dekorazzjoni”?
8 Matul l-aħħar jiem, is-sultan tat-tramuntana daħal ħafna drabi “fil-pajjiż
tad-Dekorazzjoni.” Pereżempju, meta n-Nazi Ġermaniża kienet is-sultan tat-tramuntana, speċjalment matul it-Tieni Gwerra Dinjija, is-sultan daħal “fil-pajjiż tad-Dekorazzjoni” billi ppersegwita u qatel lin-nies t’Alla. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, meta l-Unjoni Sovjetika saret is-sultan tat-tramuntana, is-sultan daħal “fil-pajjiż tad-Dekorazzjoni” meta ppersegwita lin-nies t’Alla u sforzahom biex jitilqu minn pajjiżhom.9. Fi snin riċenti, ir-Russja u l-pajjiżi li jappoġġjawha kif daħlu “fil-pajjiż tad-Dekorazzjoni”?
9 Fi snin riċenti, anki r-Russja u l-pajjiżi li jappoġġjawha daħlu “fil-pajjiż tad-Dekorazzjoni.” Kif? Fl-2017, dan is-sultan tat-tramuntana ma ħalliex lin-nies taʼ Ġeħova jagħmlu x-xogħol u tefaʼ lil xi wħud minn ħutna rġiel u nisa fil-ħabs. Hu anki pprojbixxa l-pubblikazzjonijiet tagħna, inkluż it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida. Ħa wkoll l-uffiċċju tal-fergħa tagħna fir-Russja u anki s-Swali tas-Saltna u l-Swali tal-Assembleat. Wara dawn l-azzjonijiet, fl-2018 il-Ġemgħa li Tiggverna qalet li r-Russja u l-pajjiżi li jappoġġjawha huma s-sultan tat-tramuntana. Madankollu, in-nies taʼ Ġeħova ma jagħmlux ħsara lill-gvern jew jipprovaw ibiddluh meta dan il-gvern jippersegwitahom. Minflok, huma jimxu fuq il-parir tal-Bibbja u jitolbu “għal kull min għandu pożizzjoni għolja,” speċjalment meta dawn ikunu se jieħdu deċiżjonijiet li jistgħu jeffettwaw il-libertà tal-qima tagħna.—1 Tim. 2:1, 2.
IS-SULTAN TAT-TRAMUNTANA SE JEQRED LIS-SULTAN TAN-NOFSINHAR?
10. Is-sultan tat-tramuntana se jeqirdu lis-sultan tan-nofsinhar? Spjega.
10 Il-profezija f’Danjel 11:40-45 titkellem l-iktar dwar is-sultan tat-tramuntana. Ifisser dan li hu se jeqred lis-sultan tan-nofsinhar? Le. Is-sultan tan-nofsinhar se jkun ‘għadu ħaj,’ jiġifieri, hu se jkun għadu jeżisti meta Ġeħova u Ġesù se jeqirdu lill-gvernijiet umani kollha fil-gwerra t’Armageddon. (Riv. 19:20) Għala nistgħu nkunu daqshekk ċerti? Ikkunsidra x’jindikaw il-profeziji taʼ Danjel u Rivelazzjoni.
11. X’turi l-profezija taʼ Danjel 2:43-45? (Ara l-istampa tal-qoxra.)
11 Aqra Danjel 2:43-45. Il-profeta Danjel iddeskriva xbieha enormi li l-partijiet tal-ġisem tagħha kienu magħmula b’metalli differenti. Kull parti tirrappreżenta gvern differenti li mexxa fejn ħafna min-nies t’Alla kienu jgħixu. Dawn il-gvernijiet mexxew fi żminijiet differenti. Is-saqajn taʼ din ix-xbieha kienu magħmulin mill-ħadid u t-tafal. Dawn jirrappreżentaw il-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana. Din il-profezija turi li l-Brittanja u l-Amerka se jkunu għadhom imexxu meta s-Saltna t’Alla se teqred lill-gvernijiet umani kollha.
12. Lil min tirrappreżenta s-sebaʼ ras tal-bhima salvaġġa, u għala hu importanti li nkunu nafu dan?
12 L-appostlu Ġwanni wkoll tkellem dwar il-gvernijiet li mexxew fuq in-nies taʼ Ġeħova. Fil-profezija taʼ Ġwanni, dawn il-gvernijiet huma rrappreżentati minn bhima salvaġġa b’sebat irjus. Is-sebaʼ ras tirrappreżenta l-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana. Dan hu importanti għax m’hemmx irjus oħra wara din. Is-sebaʼ ras taʼ din il-bhima se tkun għadha qed tmexxi meta Kristu u l-armata li għandu fis-sema se jeqirduha mal-kumplament tal-bhima. *—Riv. 13:1, 2; 17:13, 14.
X’SE JAGĦMEL IS-SULTAN TAT-TRAMUNTANA FIL-FUTUR QARIB?
13-14. Min hu “Gog taʼ l-art taʼ Magog,” u x’jistaʼ jkun li se jġiegħlu jattakka lin-nies t’Alla?
13 Il-profezija f’Eżekjel 38:10-23 tgħidilna dwar dak li jistaʼ jiġri qabel is-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar jiġu meqruda. Jidher li l-profezija taʼ Eżekjel u l-profeziji miktubin f’Danjel 2:43-45; 11:44, 45; 12:1 u Rivelazzjoni 16:13-16, 21, isemmu l-istess żmien u ġrajjiet. Jekk dan hu minnu, jidher li nistgħu nistennew li jseħħu dawn l-affarijiet.
14 Xi żmien wara li tibda t-tribulazzjoni l-kbira, “is-slaten taʼ l-art abitata kollha” se jingħaqdu flimkien biex jifformaw grupp taʼ nazzjonijiet. (Riv. 16:13, 14; 19:19) Il-Bibbja ssejjaħ dan il-grupp taʼ nazzjonijiet “Gog taʼ l-art taʼ Magog.” (Eżek. 38:2) Dan il-grupp taʼ nazzjonijiet se jattakka lin-nies t’Alla kollha u jipprova jeqridhom għalkollox. X’se jġiegħlu jagħmel dan? Fi profezija dwar dan iż-żmien, l-appostlu Ġwanni qal li silġ oħxon ħafna kien se jinżel fuq l-għedewwa t’Alla. Din il-maltempata bis-silġ jistaʼ jkun li tirrappreżenta l-messaġġ qawwi taʼ ġudizzju li se jippritkaw in-nies taʼ Ġeħova. Jistaʼ jkun li dan il-messaġġ iġiegħel lil Gog taʼ Magog jattakka lin-nies t’Alla biex jipprova jeqridhom kollha.—Riv. 16:21.
15-16. (a) Danjel 11:44, 45, għal liema ġrajjiet jistaʼ jkun li qed jirreferu? (b) X’se jiġrilu s-sultan tat-tramuntana flimkien man-nazzjonijiet l-oħra li jagħmlu parti minn Gog taʼ Magog?
15 Dal-messaġġ qawwi u l-attakk finali mill-għedewwa t’Alla jistaʼ jkun li jirreferu għall-istess ġrajjiet li jsemmi Danjel 11:44, 45. (Aqra.) Hemm, Danjel jgħid li “jkun hemm rapporti . . . , minn tlugħ ix-xemx u mit-tramuntana,” li jħawdu lis-sultan tat-tramuntana u “hu joħroġ b’dagħdigħa kbira.” Is-sultan tat-tramuntana jippjana biex “jeqred lil ħafna.” Milli jidher “lil ħafna” tirreferi għan-nies taʼ Ġeħova. * Jistaʼ jkun li hawnhekk Danjel qed jiddeskrivi l-attakk finali fuq in-nies t’Alla.
16 Meta s-sultan tat-tramuntana u l-gvernijiet l-oħra jattakkaw lin-nies t’Alla, dan se jirrabja ħafna lil Alla li Jistaʼ Riv. 16:14, 16) F’dak iż-żmien, is-sultan tat-tramuntana se jinqered u “ma jkunx hemm min jgħinu.” Miegħu se jinqerdu wkoll in-nazzjonijiet l-oħra li jagħmlu parti minn Gog taʼ Magog.—Dan. 11:45.
Kollox, u mbagħad tibda l-gwerra t’Armageddon. (17. Min hu Mikiel, “il-prinċep il-kbir” li jissemma f’Danjel 12:1, u x’se jagħmel?
17 Il-vers taʼ wara fir-rakkont taʼ Danjel jagħti iktar informazzjoni dwar kif is-sultan tat-tramuntana u l-gvernijiet l-oħra li jappoġġjawh se jiġu meqrudin. Jgħid ukoll kif aħna se niġu salvati. (Aqra Danjel 12:1.) Xi jfisser dan il-vers? Mikiel huwa isem ieħor għas-Sultan tagħna, Kristu Ġesù, li qed imexxi. Hu ilu “wieqaf għan-nom” tan-nies t’Alla mill-1914 meta sar is-Sultan tas-Saltna t’Alla fis-sema. Fil-futur qarib, hu se “jqum,” jew se jeqred lill-għedewwa tiegħu, fil-gwerra t’Armageddon. Din il-gwerra se tkun il-ġrajja finali li Danjel sejħilha l-akbar “żmien taʼ niket” li qatt kien hawn fid-dinja. Ukoll, il-profezija taʼ Ġwanni mniżżla f’Rivelazzjoni tirreferi għaż-żmien eżatt qabel il-gwerra taʼ Armageddon bħala “t-tribulazzjoni l-kbira.”—Riv. 6:2; 7:14.
SE JKUN ISMEK “MIKTUB FIL-KTIEB”?
18. Jiġri x’jiġri fil-futur, għala nistgħu nibqgħu kalmi?
18 Kemm Danjel u kif ukoll Ġwanni qalu li Ġeħova u Ġesù se jsalvaw lill-qaddejja tagħhom matul it-tribulazzjoni l-kbira. Allura, jiġri x’jiġri, aħna nistgħu nibqgħu kalmi. Danjel jgħid li dawk li se jiġu salvati se jkunu n-nies li isimhom se “jinstab miktub fil-ktieb.” (Dan. 12:1) X’nistgħu nagħmlu biex isimna jkun miktub f’dan il-ktieb? Irridu nagħtu prova li għandna fidi f’Ġesù, il-Ħaruf t’Alla. (Ġw. 1:29) Irridu niddedikaw ħajjitna lil Alla u nitgħammdu. (1 Pt. 3:21) U rridu nuru li nappoġġjaw is-Saltna t’Alla billi nagħmlu dak kollu li nistgħu biex oħrajn jitgħallmu dwar Ġeħova.
19. X’għandna nagħmlu issa, u għala?
19 Issa hu ż-żmien li nsaħħu l-fiduċja tagħna f’Ġeħova u fil-qaddejja leali li għandu fl-organizzazzjoni. Issa hu l-ħin li nappoġġjaw is-Saltna t’Alla. Jekk nagħmlu dan, se niġu salvati meta s-Saltna t’Alla teqred lis-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar.
GĦANJA 149 Għanja tar-rebħa
^ par. 5 Min hu “s-sultan tat-tramuntana” llum, u dan kif se jinqered? It-tweġiba għal din il-mistoqsija tistaʼ ssaħħaħ iktar il-fidi tagħna u tgħinna nkunu preparati għal dak li se jiġri dalwaqt matul it-tribulazzjoni l-kbira.
^ par. 12 Għal iktar informazzjoni dettaljata taʼ Danjel 2:36-45 u Rivelazzjoni 13:1, 2, ara It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Ġunju 2012 paġni 7-19.
^ par. 15 Għal iktar informazzjoni, ara l-ħarġa taʼ It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Mejju 2015, paġni 27-28.