ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 38
Żgħażagħ—X’Tip taʼ Ħajja Tixtiequ?
“Li tifhem x’inhu tajjeb u ħażin se jipproteġik.”—PROV. 2:11.
GĦANJA 135 L-appell mill-qalb taʼ Ġeħova: “Ibni, kun għaref”
ĦARSA BIL-QUDDIEM a
1. Ġeħogħas, Użżija, u Ġosija liema sitwazzjoni diffiċli kellhom?
IMMAĠINAK għadek żgħir u sirt re biex tmexxi n-nies t’Alla. Kif se tuża l-awtorità li għandek? Il-Bibbja ssemmi xi tfal li saru rejiet taʼ Ġuda. Pereżempju, Ġeħogħas kellu 7 snin, Użżija 16, u Ġosija 8 snin. Dan żgur li kien diffiċli għalihom! Imma minkejja dan, Ġeħova u nies oħrajn għenuhom biex jagħmlu ħafna affarijiet tajbin.
2. Għala hu importanti li nistudjaw dwar Ġeħogħas, Użżija, u Ġosija?
2 Aħna m’aħniex rejiet, imma xorta nistgħu nitgħallmu ħafna minn Ġeħogħas, Użżija, u Ġosija. Huma ħadu deċiżjonijiet tajbin u ħżiena wkoll. Mill-eżempji tagħhom se naraw għala għandna nagħżlu ħbieb tajbin, nibqgħu umli, u nibqgħu qrib Ġeħova.
AGĦŻEL ĦBIEB TAJBIN
3. Ġeħojada kif għen lir-Re Ġeħogħas jieħu deċiżjonijiet tajbin?
3 Imita d-deċiżjonijiet tajbin taʼ Ġeħogħas. Meta Ġeħogħas kien żgħir, missieru miet. Għalhekk, il-Qassis il-Kbir Ġeħojada rabbieh u għallmu dwar Ġeħova. Ġeħogħas ħa deċiżjoni tajba għax obda minn Ġeħojada. Minħabba l-eżempju taʼ Ġeħojada, Ġeħogħas iddeċieda li jaqdi lil Ġeħova u jgħin lin-nies jaqduh ukoll. Hu anki għamel ċert li jirranġa t-tempju taʼ Ġeħova.—2 Kron. 24:1, 2, 4, 13, 14.
4. Kif nibbenefikaw meta nħobbu u nobdu l-liġijiet taʼ Ġeħova? (Proverbji 2:1, 10-12)
4 Jekk il-ġenituri jew xi ħadd ieħor qed jgħallmek tħobb lil Ġeħova u tobdih, qed jagħtik l-isbaħ rigal. (Aqra Proverbji 2:1, 10-12.) Il-ġenituri jistgħu jgħallmuk b’ħafna modi. Ara kif missier Katya għenha tieħu deċiżjonijiet tajbin. Kuljum, meta kien iwassalha l-iskola, kienu jitkellmu dwar l-iskrittura tal-jum. Hi tgħid, “Dan għenni meta kien ikolli l-problemi matul il-ġurnata.” Forsi l-ġenituri għamlulek xi regoli, imma tħoss li ma tistax tagħmel dak li tixtieq. X’jistaʼ jgħinek tobdi? Oħt jisimha Anastasia tiftakar li l-ġenituri kienu jispjegawlha għala għamlu xi regoli bbażati fuq il-Bibbja. Hi tgħid, “Dan għenni nifhem li huma m’għamlux ir-regoli biex jikkontrollawni imma biex jipproteġuni għax iħobbuni.”
5. Dak li tagħmel kif jeffettwa lill-ġenituri tiegħek u lil Ġeħova? (Proverbji 22:6; 23:15, 24, 25)
5 Il-ġenituri se jkunu ferħanin meta tobdi l-pariri li jtuk mill-Bibbja. Imma iktar importanti minn hekk, Alla se jkun ferħan bik u l-ħbiberija tiegħek miegħu se ssir iktar b’saħħitha. (Aqra Proverbji 22:6; 23:15, 24, 25.) Dawn huma xi raġunijiet tajbin biex timita lil Ġeħogħas meta kien żgħir.
6. Wara li miet Ġeħojada, Ġeħogħas minn min semaʼ, u xi ġralu? (2 Kronaki 24:17, 18)
6 Tgħallem mid-deċiżjonijiet ħżiena taʼ Ġeħogħas. Meta miet Ġeħojada, il-ħbieb taʼ Ġeħogħas influwenzawh biex jagħmel affarijiet ħżiena. (Aqra t-2 Kronaki 24:17, 18.) Hu semaʼ mill-pariri tal-kapijiet taʼ Ġuda, li ma kinux iħobbu lil Ġeħova. Peress li kienu jagħmlu dak li hu ħażin, kien ikun aħjar għal Ġeħogħas kieku evitahom. (Prov. 1:10) Imma minflok hu semaʼ mill-pariri ħżiena tagħhom. Fil-fatt meta l-kuġin taʼ Ġeħogħas, Żakkarija, ipprova jikkoreġih, Ġeħogħas qatlu. (2 Kron. 24:20, 21; Mt. 23:35) Kemm għamel xi ħaġa kerha u bla sens! Għall-ewwel kien re leali, imma mbagħad ma baqax u sar qattiel. Fl-aħħar, qatluh il-qaddejja tiegħu stess. (2 Kron. 24:22-25) Kemm kienet tkun differenti ħajtu kieku kompla jismaʼ minn Ġeħova u minn dawk li jħobbuh! X’nitgħallmu mill-eżempju tiegħu?
7. Xi ħbieb għandek tagħżel? (Ara l-istampa.)
7 Mid-deċiżjoni ħażina li ħa Ġeħogħas nitgħallmu li rridu nagħżlu ħbieb li jħobbu lil Ġeħova u jixtiequ jaqduh. Dawn il-ħbieb se jgħinuna nagħmlu affarijiet tajbin. Nistgħu nkunu ħbieb ma’ aħwa ikbar jew iżgħar minna. Ftakar li Ġeħogħas kien ħafna iżgħar minn Ġeħojada. Staqsi lilek innifsek: ‘Il-ħbieb tiegħi jgħinuni biex ikolli iktar fidi f’Ġeħova? Jgħinuni biex ngħix kif jixtieq Ġeħova? Jitkellmu dwar Ġeħova u l-verità? Juru li jobdu l-livelli t’Alla? Meta nagħmel xi ħaġa ħażina, jgħiduli li żbaljajt?’ (Prov. 27:5, 6, 17) Jekk il-ħbieb tiegħek ma jħobbux lil Ġeħova mhumiex ħbieb tajbin. Imma jekk il-ħbieb tiegħek iħobbu lil Ġeħova, dejjem se jgħinuk!—Prov. 13:20.
8. Meta nużaw is-social media, x’għandna nżommu f’moħħna?
8 Is-social media nistgħu nużawha biex nitkellmu mal-ħbieb u tal-familja. Imma ħafna nies jużawha biex jitfgħu ritratti u vidjows taʼ xi xtraw u x’qed jagħmlu biex jippruvaw jimpressjonaw lil oħrajn. Jekk tuża s-social media, saqsi lilek innifsek: ‘Jien noqgħod nipprova nimpressjona lil oħrajn? Dak li nitfaʼ hu biex ninkuraġġixxi lil oħrajn jew biex nidher? Inħalli l-opinjonijiet taʼ oħrajn jinfluwenzaw l-mod taʼ kif naħseb u nitkellem?’ Ħuna Nathan Knorr, li kien wieħed mill-Ġemgħa li Tiggverna, ta dan il-parir: “Tipprovax togħġob lin-nies għax mhu se togħġob lil ħadd. Minflok ogħġob lil Ġeħova u se togħġob lil dawk kollha li jħobbuh.”
IRRIDU NIBQGĦU UMLI
9. Ġeħova kif għen lil Użżija? (2 Kronaki 26:1-5)
9 Imita d-deċiżjonijiet tajbin t’Użżija. Meta kien żgħir, ir-Re Użżija kien umli. Hu tgħallem “jirrispetta ħafna lill-Alla l-veru.” Hu miet meta kellu 68 sena, u Ġeħova bierku kważi għal ħajtu kollha. (Aqra t-2 Kronaki 26:1-5.) Hu rebaħ lil ħafna mill-għedewwa, u għamel ċert li Ġerusalemm tkun protetta sew. (2 Kron. 26:6-15) Użżija żgur li kien ferħan b’dak kollu li Alla għenu jagħmel.—Ekk. 3:12, 13.
10. Xi ġralu Użżija?
10 Tgħallem mid-deċiżjonijiet ħżiena t’Użżija. Ir-Re Użżija kien imdorri jgħid lil oħrajn x’għandhom jagħmlu. Forsi dan ġiegħlu jħossu li m’għandux għalfejn jobdi l-liġijiet taʼ Ġeħova. Darba, Użżija daħal fit-tempju taʼ Ġeħova u pprova jaħraq l-inċens fuq l-artal, xi ħaġa li r-rejiet ma setgħux jagħmluha. (2 Kron. 26:16-18) Il-Qassis il-Kbir Għażarija pprova jikkoreġih, imma Użżija rrabja ħafna. Użżija ma baqax leali, u għalhekk Ġeħova kkastigah bil-ġdiem. (2 Kron. 26:19-21) Kemm kienet tkun aħjar ħajtu kieku baqaʼ umli!
11. X’jistaʼ jgħinna nibqgħu umli? (Ara l-istampa.)
11 Meta Użżija sar b’saħħtu, ma baqax japprezza l-affarijiet tajbin li Ġeħova kien għamel għalih. X’inhi l-lezzjoni għalina? Irridu niftakru li l-affarijiet tajbin li ngawdu fil-ħajja tagħna u fix-xogħol taʼ Ġeħova huma rigal mingħandu. Minflok ma nieħdu l-krettu aħna għal dak li nagħmlu, għandna dejjem infaħħru lil Ġeħova. b (1 Kor. 4:7) Għandna nkunu umli u niftakru li aħna imperfetti, u li kultant ikollna bżonn id-dixxiplina. Ħu li għandu madwar 60 sena jgħid: “Jien tgħallimt li m’għandix nieħu għalija jew inħossni skuraġġit meta oħrajn jgħiduli li għamilt xi żball. Meta nirċievi d-dixxiplina, jien nipprova nara x’nistaʼ nirranġa u nkompli nagħti l-aħjar tiegħi lil Ġeħova.” Meta nobdu lil Ġeħova u nibqgħu umli, aħna se nkunu vera ferħanin.—Prov. 22:4.
KOMPLI ERSAQ QRIB ĠEĦOVA
12. Meta Ġosija kien żagħżugħ kif resaq qrib Ġeħova? (2 Kronaki 34:1-3)
12 Imita d-deċiżjonijiet tajbin ta’ Ġosija. Ġosija kellu 16-il sena meta beda jitgħallem dwar Ġeħova. Hu ried jitgħallem dwar Ġeħova u jobdih. Imma l-ħajja taʼ dan ir-re żagħżugħ ma kinitx faċli. Matul dak iż-żmien, ħafna min-nies kienu qed iqimu allat foloz. Għalhekk, Ġosija kellu jkun kuraġġuż biex iwaqqafhom. U hekk għamel! Qabel Ġosija kellu 20 sena, hu beda jneħħi l-qima falza mill-pajjiż.—Aqra t-2 Kronaki 34:1-3.
13. Meta tiddedika lilek innifsek lil Ġeħova, ħajtek kif se tkun differenti?
13 Anki jekk għadek żgħir, int tistaʼ timita lil Ġosija billi titgħallem iktar dwar Ġeħova u l-kwalitajiet sbieħ tiegħu. Meta tagħmel hekk, se tkun trid tiddedika ħajtek lilu. Dan kif se jeffettwak? Luke, li tgħammed meta kellu 14-il sena, jgħid, “Mil-lum ’il quddiem se nipprova nagħmel dak kollu li nistaʼ biex naqdi lil Ġeħova u nagħmlu ferħan.” (Mk. 12:30) Jekk int tagħmel bħal Luke, se jkollok ħafna barkiet!
14. Agħti xi eżempji li juru kif xi żgħażagħ qed jimitaw lir-Re Ġosija.
14 Iż-żgħażagħ li jaqdu lil Ġeħova liema sfidi jistaʼ jkollhom? Johan, li tgħammed meta kellu 12-il sena, jgħid li tal-klassi jipprovaw iġegħluh ipejjep is-sigaretti elettroniċi, jiġifieri l-vapes. Biex ma jċedix, Johan iżomm f’moħħu li l-vaping jagħmel ħsara lis-saħħa tiegħu u l-ħbiberija li għandu ma’ Ġeħova. Rachel, li tgħammdet meta kellha 14-il sena, tgħid x’jgħinha fl-isfidi li tgħaddi minnhom l-iskola. Hi tgħid: “Jien nipprova nsib xi affarijiet li jfakkruni fil-Bibbja u f’Ġeħova. Pereżempju, xi lezzjoni tal-history tistaʼ tfakkarni f’xi rakkont tal-Bibbja jew profezija. Jew meta nkun qed nitkellem ma’ xi ħadd nipprova niftakar f’xi skrittura li nistaʼ naqsam miegħu.” L-isfidi li tgħaddi minnhom jistgħu jkunu differenti minn dak li għadda minnu r-Re Ġosija, imma bħalu tistaʼ tuża moħħok u tibqaʼ leali. Il-problemi li tgħaddi minnhom meta tkun żagħżugħ se jgħinuk fil-problemi li jkollok iktar tard f’ħajtek.
15. X’għen lil Ġosija biex jibqaʼ leali lejn Ġeħova? (2 Kronaki 34:14, 18-21)
15 Meta kellu 26 sena, ir-Re Ġosija beda jirranġa t-tempju. Dawk li kienu qed jirranġaw sabu “l-ktieb tal-Liġi taʼ Ġeħova li ngħata permezz taʼ Mosè.” Meta r-re semaʼ x’jgħid il-ktieb, mill-ewwel għamel il-bidliet biex jobdi dak li kien hemm miktub. (Aqra t-2 Kronaki 34:14, 18-21.) Int tixtieq taqra l-Bibbja b’mod regulari? Jekk diġà qed tagħmel hekk, qed tieħu pjaċir? Tieħu nota taʼ xi versi li jistgħu jgħinuk? Luke, li semmejna qabel, jikteb f’notebook xi punti li jogħġbuh. Tistaʼ tagħmel xi ħaġa simili? Dan jistaʼ jgħinek tiftakar versi tal-Bibbja u x’tgħallimt minnhom. Iktar ma titgħallem u tħobb dak li tgħid il-Bibbja iktar se tkun tixtieq taqdi lil Ġeħova. U bħalma għenet lil Ġosija, tistaʼ tgħin lilek ukoll biex tagħmel dak li hu tajjeb.
16. Ġosija għala għamel żball serju, u aħna x’nistgħu nitgħallmu?
16 Tgħallem mid-deċiżjoni ħażina taʼ Ġosija. Meta Ġosija kellu madwar 39 sena, ħa deċiżjoni li swietlu ħajtu. Minflok ma talab lil Ġeħova għall-għajnuna hu fada fih innifsu. (2 Kron. 35:20-25) Dan x’jgħallimna? Għandna kemm għandna żmien u ilna kemm ilna nistudjaw il-Bibbja, irridu nibqgħu nitgħallmu dwar Ġeħova. Dan ifisser li nitolbu lil Ġeħova b’mod regulari għall-għajnuna, nistudjaw il-Bibbja, u nagħtu kas il-pariri taʼ aħwa maturi. Jekk nagħmlu hekk, se nkunu ferħanin u jkollna inqas ċans li nagħmlu żbalji serji.—Ġak. 1:25.
ŻGĦAŻAGĦ TISTGĦU TKUNU FERĦANIN
17. Liema lezzjonijiet importanti tgħallimna mit-tliet rejiet taʼ Ġuda?
17 Hemm ħafna affarijiet sbieħ li tistaʼ tagħmel meta tkun għadek żgħir. Ir-rakkonti taʼ Ġeħogħas, Użżija, u Ġosija juruna li ż-żgħażagħ jistgħu jieħdu deċiżjonijiet tajbin u jogħġbu lil Ġeħova f’ħajjithom. Vera li dawn iż-żgħażagħ ħadu deċiżjonijiet ħżiena u batew il-konsegwenzi, imma jekk timita l-affarijiet tajbin li għamlu u tevita l-iżbalji tagħhom se tkun ferħan.
18. Liema eżempji mill-Bibbja juru li int tistaʼ tgħix ħajja ferħana? (Ara l-istampa.)
18 Fil-Bibbja nsibu rakkonti taʼ żgħażagħ oħrajn li resqu qrib Ġeħova, għamluh ferħan, u kellhom ħajja ferħana. David kien wieħed minnhom. Minn taʼ età żgħira għażel li jaqdi lil Alla, u iktar tard sar re leali. Veru li żbalja, imma Alla xorta qiesu bħala persuna leali. (1 Slat. 3:6; 9:4, 5; 14:8) Meta tistudja dwar David, se jgħinek tibqaʼ leali meta tkun qed taqdi lil Ġeħova. Jew tistaʼ tistudja dwar eżempji oħrajn, bħal dawk taʼ Marku jew Timotju. Huma bdew jaqdu lil Ġeħova minn meta kienu żgħar u baqgħu leali lejh sal-aħħar. Ġeħova kien ferħan bid-deċiżjoni tagħhom u anki huma kienu ferħanin.
19. X’tip taʼ ħajja jistaʼ jkollok?
19 It-tip taʼ ħajja li qed tgħix issa se jeffettwa kif se tkun ħajtek fil-futur. Jekk tistrieħ fuq Ġeħova u mhux fuqek stess, hu se jgħinek biex tieħu deċiżjonijiet tajbin. B’hekk, se jkollok ħajja mill-isbaħ. (Prov. 20:24) Ftakar li Ġeħova japprezza dak li tagħmel għalih. Jekk tuża ħajtek biex taqdi lil Missierek tas-sema Ġeħova, tkun qed tagħmel l-aħjar ħaġa f’ħajtek.
GĦANJA 144 Ibqaʼ ffokat fuq it-tama!
a Żgħażagħ, Ġeħova jaf li xi kultant ikun diffiċli li tagħmlu dak li hu tajjeb u tibqgħu l-ħbieb tiegħu. Kif tistaʼ tieħu deċiżjonijiet tajbin biex b’hekk togħġob lil Missierek tas-sema? Se naraw l-eżempju taʼ tliet żgħażagħ li saru rejiet f’Ġuda. Ara x’tistaʼ titgħallem mid-deċiżjonijiet li ħadu.
b Ara l-kaxxa “Beware of the ‘Humble Brag’” fl-artiklu “How Important Is Online Popularity?” fuq jw.org.